F’Haiti, sena ta’ talb u adorazzjoni. 


Minħabba l-protesti vjolenti li hemm bħalissa f’Haiti, l-isqfijiet tal-pajjiż ħabbru sena ta’ talb u adorazzjoni.  It-tensjoni f’Haiti ilha tikbes xhur sħaħ għax in-nies qed jagħmlu pressjoni fuq il-President Jovenel Moise biex jirreżenja minħabba akkużi ta’ korruzzjoni.

haiti
F’Haiti – talb qalb il-vjolenza

Waqt il-protesti vjolenti qed isir sparar fuq il-folol tant li fl-ewwel tliet xhur tas-sena ddaħħlu mal-240 persuna l-isptar isofru minn ġrieħi ta’ armi tan-nar.

Kien għalhekk li l-isqfijiet ta’ Haiti ħarġu bl-inizjattiva tas-sena ta’ adorazzjoni u talb li se tibqa’ sejra sal-Pentekoste tas-sena 2020.

Il-komunikat li bih tħabbret din l-inizjattiva jgħid ċar li din ittieħdet għax il-miżerja fil-pajjiż tant tferrxet li hemm inċertezza kbira qiesu li s-siġra tat-tama tqaċċtet minn mal-art.

In-nuqqas ta’ tama fost il-poplu min dejjem tqieset bħala ħaġa negattiva għall-aħħar, qalu l-isqfijiet, li żiedu li l-korruzzjoni saret qiesha l-kanċer tal-pajjiż. L-isqfijiet iħeġġu lil kulħadd biex joffru lil Alla d-destin tal-pajjiż u tal-poplu.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.