It-tfixkil


Patri! Ma ma nistax nemmen lil għajnejja! Aktar ma nagħmel ġid aktar naqlagħha fuq rasi! Bull’s eye! Veru ma nistax nifhem l-għaliex dan!

Din hi l-esperjenza ta’ ħafna u ħafna minna! L-esperjenza li ngħaddu minnha, tista’ tgħid mhux biss ta’ kuljum imma kważi ta’ kull mument. Mela, ta’ kull ħin! Jekk trid li x-xjaten iqumu għalik ipprova agħmel il-ġid. Eżattament kif jgħidilna l-ktieb ta’ Bin Sirak: Ibni, jekk tiġi biex taqdi lill-Mulej ħejji ruħek għat-tiġrib (Sir 2:1). U x-xjaten, kuntrarju għalina l-bnedmin, passaporti m’għandhomx bżonn tafux! Allura dan itihom aċċess għal kullimkien. Jiġifieri għal darek, għall-familja tiegħek, għall-kunvent, għall-knisja, għas-soċjetà, għan-negozji, għall-professjonijiet, għall-parlament u għal ma nafx fejn aktar. Dan l-għaliex, f’din id-dinja, ix-xjaten jippruvaw jagħmlu kullimkien tagħhom. Dik arragonza! Veru?

Illum, waqt li l-Mulej qed jagħtini l-grazzja li nikteb dawn il-ħsibijiet lilkom, qed inħossni immeraviljat bija nnifsi. U, dan l-istagħġib ġej għax naf santu ċert li mhux jien qed nikteb dawn il-kelmiet. Ħbieb, qatt ma nafni nibda’ niftaħ qalbi magħkom daqshekk dirett! Spirtu pront! Dan l-aħħar kien hemm min qal għalija li jien, fil-kitba li l-Mulej jogħġbu jagħtini, aqta’ kemm indum inġibha bit-tul biex ngħid xi ħaġa! Issa jien dan nagħmlu mhux biex nimla’ l-ispazzju li, l-edituri wisq ġentili tal-ġurnali, b’ġenerożità kbira, jipprovdhuli. Xejn minn dan ħbieb! Anzi! Dan jien nagħmlu l-għaliex il-kitba wieħed għandu, qabel xejn, itogħma! U qatt jiblagħha! Aħna x’ngħidu għal min jibla’ u mhux jiekol, u hekk itiegħem l-ikel? Arah! Qisu qatt ma kiel dan! U, jekk dan, bl-arja kollha li għandu ġewwa fih, xorta waħda jaqbad u jibla’ l-ikel li jkollu quddiemu, mhux ovvja li jkollu jneħħieħ minn fuq l-istonku tiegħu?

Tafu li dan anki fil-qari tal-kitba jiġri! Dan l-għaliex meta xi ħaġa tkun diretta diretta u niexfa qoxqox minn kull tifsira dak li jkun mill-ewwel ikun nesa dak li jkun qara! U hekk jispiċċa li qargħa kien u qargħa jibqa’! Mela, u eżattament, bħalma jiġri lili li nsib biċċa kitba, diretta diretta, u lesta lesta, u niblagħha! U, wara li nkun blajtha, lanqas nagħti kasha aktar! Għax malajr inkun insejtha!

Le ħbieb! L-affarijiet mhux hekk! Biżżejjed infakkrek ftit f’diskorsi kbar ta’ nies magħrufa, anki f’pajjiżna, li biex jagħtuk il-punt kienu, b’għaqal kbir, ifissruhulek bil-mod il-mod. U mbagħad, meta l-punt isir aktar ċar, arahom isammruhulek b’qawwa kbira! Prosit ħbieb! Hekk l-affarijiet! Għax hekk jaħdem il-Mulej! Iżoqq! U mhux ibella’! Intant …

Iżda din id-darba ma stajtx inkun hekk! Bħas-sotlu! Din id-darba bilfors li kelli nibda’ fuq l-attakk. L-għaliex, int u jien, nemmnu jew ma nemmnux, qiegħdin taħt attakk. U attakk feroċi! Attakk li, xi drabi, biex ma ngħidx ħafna drabi, ma jħalliniex nieħdu nifs! U dan l-għaliex l-għadu, bl-arroganza nfernali tiegħu, lilna jipprova jisħaqna taħt riġlejh!

Imma dan hu qerq! U qerq tal-qerq! Qerq tal-infern! L-għaliex, il-verità, hi li huwa l-għadu spiritwali li hu misħuq! U mhux int u jien! Mela, bil-mod! Ħa nieqfu niddispraw! Ħa nieqfu nisħtu xortina! Ħa nieqfu nidgħu u naħilfu! Ħa nieqfu noħduha kontra l-Mulej rebbieħ fuq ix-xitan! Bil-mod sieħbi! Ikkalma! …. U issa ejja nifhmu ħaġa! Aħna, il-ġlieda tagħna mhix kontra dak l-antipatku ta’ bniedem. Inkella kontra dik l-antipatka ta’ bniedma. Aħna, il-ġlieda tagħna mhux kontra dak li aqta’ kemm għandu burdati. Jew kontra dik li taħtfek kull darba li tarak. Ħallieha mbagħad, x’ħin turieha l-imħabba ta’ Kristu tieqaf f’rokkna u tibbies. Miskina! Le! San Pawl jurina kontra min aħna qiegħdin niġġieldu! Għax il-ġlieda tagħna m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet (Efes 6:12).

Mela mhux dak il-qassis, dak il-patri, dik is-soru, dak l-avvukat, dak it-tabib, dak ir-raġel, dak il-politiku, dik il-mara, dak il-ġuvni u dik it-tfajla! Le ħi! Imma dak l-ispirtu ħażin li għamel lil dik il-persuna vittma tiegħu! Għalhekk għandna nitolbu b’imħabba kbira għal dik il-persuna biex tinħeles mill-ħakma ta’ Brejbes. Bħalma, u fuq kollox, nitolbu wkoll għalina nfusna! L-għaliex aħna m’aħniex aħjar ukoll! Anki lilna l-għadu jattakka!

Allura, meta jinqala’ it-tfixkil, id-diżgwit, il-ġlied, it-tnassis, il-klikek, it-tixwix, il-gideb, il-manuvri ta’ poter fuq id-dgħajfa, il-ħdura u kull xorta ta’ ħażen, hawn hi s-soluzzjoni! Is-Salm tal-gwerra! Salm 91! Ejjew nitolbuh b’qawwa u b’fidi kbira dan is-Salm! U ngħajjtuh minn qalbna lill-Mulej! Ħa jinfed is-smewwiet!

Int li tgħix għall-kenn ta’ l-Għoli, li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox, għid lill-Mulej: “Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.” Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt. Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar, minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar.

Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq lemintek. Imma lejk id-deni ma jersaqx, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Int dan tarah biss b’għajnejk, tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena. Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt l-Għoli għamara tiegħek. Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek. Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek. Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, ferħ ta’ ljun u serp int tirfes.

La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu. Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu; u b’għomor twil nimlieh, nurih is-salvazzjoni tiegħi.

Tibżax sieħbi! Taħt il-ħarsien tal-Mulej huwa l-ħażin li jibża’ u jaħrab minnek filwaqt li int, bil-Mulej Ġesù fik, tgħaddi minn fuq il-ħażen bħal bulldozer, timsaħ saqajk fih u teħles lil min ikun vittma tiegħu b’ħafna mħabba, rispett, ferħ u qawwa!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.