Inkomplu nitkellmu dwar iż-żjara tal-Papa Franġisku fil-Madagascar fejn il-bieraħ kellu jum ieħor mimli impenji. Fil-fatt il-Papa qatta’ l-jum tal-Ħadd fil-kapitali Antananarivo fejn iċċelebra quddiesa għal madwar miljun ruħ f’medda art fil-miftuħ u fakkar lil dawn il-fidili kollha li l-mixja wara Ġesù hija impenn.
Il-Papa Franġisku mbagħad qatta’ l-bqija tal-jum f’post imsejjaħ il-Belt tal-Ħbiberija fejn hemm komunità li tieħu ħsieb tara li l-foqra indiġeni jingħatalhom xogħol biex ikunu jistgħu jaqilgħu biex jgħixu. Hemmhekk it-tfal jingħataw edukazzjoni u ħiliet b’hekk ikun żgurat li jingħalqu mill-faqar u jgħixu b’dinjità. Il-fundatur ta’ din l-Assoċjazzjoni huwa Padre Pedro Opeka, saċerdot Arġentin li ilu snin twal missjunarju fil-Madagascar.
Padre Opeka, stieden lill-Papa Franġisku biex iżur il-komunità iżda qatt ma basar li l-Papa kien se jżurha tassew minkejja li l-Papa kien il-professur tat-Teoloġija ta’ Padre Pedro lura fl-Arġentina. Il-ħbiberija ta’ bejniethom dehret fit-tgħanniqa sabiħa hekk kif iltaqgħu ilbieraħ.
Il-Papa Franġisku temm il-jum tal-Ħadd b’laqgħa mas-saċerdoti, ir-reliġjużi rġiel u nisa u s-seminaristi.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija