Midjunin lejn is-Sorijiet Agostinjani – L-Arċisqof


Il-Ħadd, 13 ta’ Ottubru 2019: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fis-Sala tal-Iskola Santa Monika, Birkirkara fl-okkażjoni tal-125 Anniversarju tal-preżenza tas-sorijiet Agostinjani f’Malta.

d5w_8787_131019114945.157112563538.jpg

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fis-Sala tal-Iskola Santa Monika, Birkirkara

Ġesù jfejjaq għaxart irġiel u wieħed minnhom jerġa’ jirritorna biex jgħidlu grazzi u Ġesù jurina kemm jieħu pjaċir b’din il-ħaġa. “Ma kien hemm ħadd minnkom li reġa’ lura jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?” (Lq 17:18). Jgħidlu barrani għaliex fost dawn l-irġiel kien hemm il-Lhud imma kien hemm ukoll wieħed Samaritan, wieħed li l-mentalità ta’ dak iż-żmien kien ġej minn razza ta’ midinbin, razza li l-fidi tagħhom ma kinitx safja biżżejjed.

Fl-Evanġelju ħafna drabi Ġesù jsemmi lis-Samaritani, ħafna drabi jiltaqa’ magħhom: is-Samaritana ħdejn il-bir, meta jitkellem u jispjegalna min hu l-proxxmu tagħna, isemmi wieħed Samaritan li jgħin lil ħuh li waqa’ vittma tal-ħallelin. Hawnhekk ukoll niltaqgħu ma’ Samaritan li Ġesù jfejqu, ma jitolbux il-karta tal-identità qabel ifejqu, jara l-bżonn tiegħu. Imma jieħu pjaċir li dan ir-raġel li ma kienx Lhudi imma kien barrani, kif jgħid Ġesù stess, jirrealizza li qabel imur biex jiċċertifkawlu li fieq, jieqaf u jgħid grazzi.

Ilkoll kemm aħna midjunin lejn is-sisters u permezz tagħhom lejn Alla, għax Alla inqeda bihom biex magħna jagħmel ħafna ġid.

Għaliex Ġesù qalilhom: “Morru għand is-saċerdoti?” (Lq 17:14), Għaliex il-liġi hekk kienet titlob: jekk inti lebruż inti kkundanat li tgħix ’il barra mill-belt, titlef il-familja tiegħek, ix-xogħol, l-istatus soċjali tiegħek, anzi kellhom bżonn jew jużaw qanpiena jew jgħajtu biex dak li jkun jinduna li għaddejjin huma u dak li jkun jaħrab minnhom. Ġesù ma jagħmilx hekk, huwa jersaq lejhom, jisma’ l-karba tagħhom: “Mgħallem, ikollok ħniena minna” (Lq 17:13).

Illum is-sisters qegħdin jagħmlu xi ħaġa li żgur japprezzaha Ġesù. Iltqajna min kien magħhom biex ngħidulu grazzi, ngħidulu grazzi ta’ dawn il-125 sena tal-preżenza tagħhom f’Malta u Għawdex. Ilkoll kemm aħna midjunin lejn is-sisters u permezz tagħhom lejn Alla, għax Alla inqeda bihom biex magħna jagħmel ħafna ġid.

Jiena f’ħajti ktibt ħafna u min jaf kemm għad baqagħli x’nikteb, imma l-ewwel ittri tal-alfabett għallmuhomli s-sisters. Hawn Sr Reginalda, li għallmitni nikteb, u Sr Nathalie u Sr Petronilla, Alla jaħfrilha qiegħda l-ġenna. Dawn kienu s-sisters, ovvjament niftakarhom żgħażagħ jien. Kelli xi ħames snin, meta konna mmorru għand is-sorijiet ġo garaxx li kien fi triq li f’Ħal Qormi, għadna ngħidulha t-triq tas-sorijiet, għalkemm jisimha mod ieħor Ġużè Muscat Fenech. Meta l-ġid iħalli l-marka tiegħu, anke fuq il-mappa kważi.

U aħna kulħadd midjunin magħhom: min għandu ’l uliedu qegħdin l-iskola, min forsi bħali għallmuh is-sisters, u aħna rridu ngħidulhom grazzi għax din xi ħaġa li tagħmilna nies. Min jitgħallem u jgħid grazzi qed jitgħallem jgħix ta’ nies. Kemm hi ħaġa sabiħa meta intom il-ġenituri lit-tfal tagħkom tgħallmuhom jgħidu grazzi, tgħidulhom jgħidu jekk jogħġbok jew please u tgħidulhom ukoll jgħidu sorry, aħfirli. Dawn it-tlett kelmiet il-Papa jħobb jirrakkontahom u jissuġerihom bħala riċetta biex jirnexxi ż-żwieġ: li titgħallem tgħid please, thank you u sorry. Imma jiena ngħid meta nirrifletti, li dawn it-tliet kelmiet jagħmluna nies. Is-soċjetà tagħna tkun ħafna isbaħ jekk aħna dawn il-kelmiet ngħixuhom.

Ara dawn l-għaxart irġiel, dawn it-tliet kelmiet jużawhom fit-talba tagħhom lil Ġesù: “Mgħallem ikollok ħniena minna” (Lq 17:13). Mhumiex qed jippretendu dak li qed jitolbu bi dritt, jekk jogħġbok, ikollok ħniena minna! Is-Samaritan jgħallimna kif ngħidu grazzi. Issa Ġesù din il-ħaġa japprezzaha u fil-fejqan li jagħtih Ġesù, hemm ukoll il-maħfra: “Il-fidi tiegħek salvatek” (Lq 17:19). Dan l-Evanġelju tal-lum jgħallimna nkunu nies.

Jiena nixtieq nirringrazzja lil Alla tal-ħidma ta’ dawn is-sisters Agostinjani Servi ta’ Ġesù u ta’ Marija li qed ikomplu fid-dinja l-kariżma li l-Mulej ta lill-Knisja permezz ta’ Tereza Spinelli u qed ikunu ħmira ta’ ġid mhux hawn Malta biss għax hawnhekk hawn diversi pijunieri tal-missjoni, missjunarji, għax il-preżenza ta’ din il-kongregazzjoni hija madwar id-dinja. Nitolbu allura wkoll waqt li ngħidu grazzi lil Ġesù għad-don ta’ iżjed vokazzjonijiet għal din il-ħajja reliġjuża.

Il-Mulej jidħol fil-ħajja tagħna kif aħna, isibna kif aħna, bir-razza u r-radika tagħna anke bid-difetti tagħna.

Ħadt pjaċir nisma’ lis-sister tagħtina l-esperjenza tagħha, qalet li hija l-iżgħar sister f’Malta. Kemm hi ħaġa sabiħa li fil-familji l-ġenituri jitgħallmu jifirħu meta l-Mulej, fil-ħniena tiegħu għax dawn huma grazzi tal-ħniena tiegħu, isejjaħ lil xi ħadd biex jagħti ħajtu għal missjoni kbira bħal din.

Aħna m’għandniex familji kbar ħafna llum, u jiena nifhem meta l-ġenituri t-tifla tgħidlhom: ‘jiena nixtieq insir sister’, l-omm qalbha tagħmel tikk – ‘issa sew mhux se nsir nanna, jien’. In-nanna tiegħi pereżempju kienu 14, ma kellhiex problema. Kien hemm min jagħmilha nanna u fil-fatt saret nanna.

Il-Mulej jidħol fil-ħajja tagħna kif aħna, isibna kif aħna, bir-razza u r-radika tagħna anke bid-difetti tagħna. Alla ma jiddejjaqx la bid-dnubiet u lanqas bid-difetti tagħna għax hemmhekk se jopra iżjed jekk aħna nittrattawh bħala ħabib li għandna bżonnu għax lil dawn in-nies, lilna ġie jsejjaħ. Il-Kelma ta’ Ġesù: “Jiena ġejt insejjaħ lill-midinbin”, għall-indiema, għall-indiema! Mhux lil min m’għandux bżonn, imma min m’għandux bżonn? Min m’għandux bżonn ta’ din is-salvazzjoni li jitolbu dawn il-lebbrużi. II-lebbrużi kellhom marda li teskludihom minn kollox. Il-Mulej jersaq lejhom, ma jitqażżiżx minnhom, bħalma ngħidu fit-Te Deum: ‘inti ma ddejjaqtx, ma tqażżiżtx tinżel f’ġuf ta’ verġni”, sirt wieħed minna, ma ddeajjaqtx minna, ma salvajtniex bir-remote control, sirt wieħed minna għalhekk Għimmanu-El, Alla magħna, Alla magħna fit-tajn u t-trab tagħna u jerfagħna.

Dawn, bil-fejqan li tahom, reġa’ tahom post fis-soċjetà, fil-possibbiltà li jgħixu man-nies, li jerġgħu jirritornaw fil-familji tagħhom u jsibu xogħol. U hu meta jfejjaqna hekk jagħmel, jerġa’ jdaħħalna fil-komunità tal-qaddisin. Illum nifirħu wkoll bil-ħames qaddisin ġodda li għandna: raġel u erba’ nisa! John Henry Newman u erbgħa, tliet reliġjużi u lajka; il-lajka kienet ħajjata l-Iżvizzera, soru Indjana, soru Taljana tal-Kamiljani u waħda mill-Brażil. Il-qdusija li hija għal tal-Knisja kollha.

Qed nitolbu wkoll biex aħna l-qdusija li hemm fostna l-Mulej iberikha u jħeġġiġha. X’inhu s-sigriet? Li tafda fil-Kelma ta’ Alla. Nagħman, ġeneral kbir tal-armata Sirjana, issuppervja meta l-profeta Eliżew qallu: “Mur u nħasel fix-Xmara Ġordan” (2 Slat 5:10). Qallu: ‘aħna m’għandiex xmajjar? Hemm għalfejn niġi u nobdi lilek jien biex infiq?’ U kien hemm seftura u qaltlu: ‘U kieku qallek tagħtih 100 libra deheb, ma kontx tagħtihielu? Talbek tafda fil-kelma tiegħu. Din se ssib bi tqila?’ U induna bil-għerf ta’ dik it-tfajla qaddejja li kellu. U għamel kif qallu l-profeta Eliżew u fieq. Imma x’kien is-sigriet? Il-Ġordan mhix xi xmara maġika. Il-fiduċja fil-kelma tal-bniedem ta’ Alla! Hekk ukoll l-10 lebrużi, fiequ, mhux immedjatament, obdew għall-Kelma ta’ Ġesù: “Morru għand il-qassisin” (Lq 17:14). U huma u sejrin indunaw li fiequ mhux b’xi maġija, bil-Kelma qawwija ta’ Ġesù.

Għandna nieħdu l-Kelma t’Alla bis-serjetà, nafdaw fil-Kelma tiegħu. Hekk tkun ħaġa sabiħa li dak il-filmat li rajna fil-bidu nerġgħu nirritornaw fuqu. Hemm l-istejjer tal-vokazzjonijiet ta’ dawn it-tfajliet, illum naqra seniors, huma affaxxinanti għax huma ħafna moderni, ħadd minnhom ma qal: ‘U iva, jiena twelidt bil-velu’. Mhux kulħadd jibki jitwieled? Anzi trid tibki inkella tinkwetahom. Bil-mod il-mod, proċess ta’ stedina u anke li tgħid: ‘imma jiena? imma ċerta?’ Dawn huma stejjer antiki daqskemm huma moderni. Imma fl-aħħar afdaw fil-Kelma ta’ Ġesù, li bil-ħniena tiegħu saru strument li permezz tiegħu l-Mulej ikun magħna, ikun Alla magħna.

Kemm hi ħaġa sabiħa anke min għandu l-vokazzjonijiet għaż-żwieġ. Il-vokazzjoni għaż-żwieġ hija vokazzjoni qaddisa, li permezz tagħha l-miżżewġin isiru ġisem wieħed, ikunu qrib xulxin f’isem il-Mulej. B’xi mod il-miżżewġin jgħidu lil xulxin: ‘Alla magħna’.
Kultant ikollok tgħid ‘Alla magħna!’ U anke r-reliġjużi jew qassisin, isqfijiet jiġi xi wieħed jinkwetani, ngħid: ‘Alla magħna!’ Ma ngħidx ‘Alla magħna’. Ngħidlu aħjar tkun miegħi għax għandi bżonnok. Il-Madre mhux l-istess u s-sorijiet? Ejjew fl-istess ħin din il-kelma sabiħa ssir fidi, imma talba, fidi u talba! U ta’ dan kollu llum ngħidulu grazzi Mulej.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: 2 Slat 5, 14-17
Salm: 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
Qari II: 2 Tim 2, 8-13
Evanġelju: Lq 17, 11-19

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.