Quddiem il-President Taljan u l-Prinċep Charles, il-Papa juri tħassib dwar il-Lvant Nofsani u l-Ekwador


Il-Ħadd, 13 ta’ Ottubru 2019, fi pjazza San Pietru fil-Vatikan mimlija pellegrini minn madwar id-dinja, dalgħodu l-Papa Frangisku ikkanonizza ħames qaddisin ġodda, fosthom erba’ nisa kif ukoll lill-Kardinal John Henru Newman li fl-1845, minn presbiteru Anglikan kien sar Kattoliku.  Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-President tar-Republika tal-Italja u bin ir-Reġina Eliżabetta, il-Prinċep Charles ta’ Wales.

Fi tmiem iċ-ċerimonja, il-Papa mexxa t-talba tal-Angelus, u wara għamel diskors qasir li fih semma mill-ġdid is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, speċjalment dik li huwa regolarment isejħila bħal, “il-maħbub Sirja”, minn fejn reġgħu bdew jaslu mill-ġdid aħbarijiet drammatiċi dwar ix-xorti tal-popolazzjonijiet tal-grigal tal-pajjiż, imġegħelin jaħarbu minn djarhom minħabba l-azzjoni militari: fost dawn il-popolazzjonijiet hemm ukoll bosta familji insara.

Imbagħad qal, “Lill-atturi kollha u wkoll lill-komunità internazzjonali: jekk jogħġobkom, inġedded l-appell biex timpenjaw ruħkom bis-sinċerità, bl-onestà u bit-trasparenza fit-triq tad-djalogu sabiex jinstabu soluzzjonijiet effikaċi”.

Il-Papa semma wkoll ir-reġjun tal-Amażonja, speċjalment l-Ewkador u qal li qed isegwi bi tħassib dak li qed iseħħ tul l-aħħar ġimgħat f’dak il-pajjiż.  Huwa ħeġġeġ li ssir ħidma biex tinkiseb il-paċi soċjali, b’attenzjoni partikolari għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, għall-foqra u għad-drittijiet umani.