Kull bniedem għandu valur importanti

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 29 ta’ Ottubru 2019: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-quddiesa tal-75 Anniversarju mit-Twaqqif tal-Kulleġġ Sant’Elija, il-Kulleġġ Sant’Elija, Pjazza Santa Venera.

KULL BNIEDEM GĦANDU VALUR IMPORTANTI

Ħamsa u sebgħin sena mhumiex ftit. Huwa numru ta’ snin tassew sabiħ! Għalhekk illum flimkien qegħdin ngħidu grazzi lil Alla ta’ dawn is-snin kollha minn meta l-Patrijiet Karmelitani bdew, proprju bħal-lum 75 sena ilu, il-ħidma tagħhom edukattiva permezz tal-iskola li imbagħad tul is-snin żviluppat f’Mount Carmel College u iktar tard f’St Elias College.

Nirringrazzjaw lill-Mulej ta’ dawk kollha li tul is-snin taw is-sehem tagħhom hawnhekk u qegħdin jagħtu s-sehem tagħhom illum: tal-Patrijiet Karmelitani, tal-istaff, tal-istudenti kollha li ħadu sehem f’dawn is-snin u anke llum qegħdin flimkien miġburin jiċċelebraw dan l-anniversarju importanti.

Il-‘mission statement’ tal-iskola

Nixtieq li l-messaġġ li nagħti jkun marbut mal-‘mission statement’ tagħkom. Kif tidħlu hawnhekk l-iskola mal-ewwel taraw miktub il-‘mission statement’. Dan jinkludi l-għanjiet u valuri l-iktar importanti li għandhom immexukom fis-snin tal-iskola. U xtaqt insemmi tliet affarijiet li hemm f’dan il-‘mission statement’ li narahom importanti ħafna u li tajjeb li aħna nifhmuhom, napprezzawhom, nagħmluhom ilkoll tagħna.

Komunità ta’ tagħlim

L-ewwel nett li l-iskola tkun “komunità ta’ tagħlim”. Ħa nitkellem fuq it-tagħlim. Kemm huwa importanti li intom tapprezzaw it-tagħlim fl-aspetti differenti tiegħu. Tagħlim, kif hemm miktub, li jasal permezz ta’ esperjenzi akkademiċi, kulturali, reliġjużi, kreattivi, sportivi, soċjali. Dawn kollha jgħinukom biex tikbru tassew, tiffurmaw ruħkom bħala studenti f’dan il-kulleġġ. U kollha huma importanti; għalhekk hija edukazzjoni ħolistika, sħiħa bl-aspetti differenti tagħha.

Nixtieq li intom tqiegħdu fil-qalba dak li hu l-iktar importanti u li għandu jmexxikom. Ħa nsemmi l-eżempju tal-profeta Elija, għax dan il-kulleġġ huwa msemmi għalih. Il-profeta Elija kien magħruf kemm kellu mħabba kbira lejn Alla, qalbu tfur b’din l-imħabba lejn Alla u l-preżenza tiegħu; fl-istess waqt magħrfu għal kemm kien jaħdem kontra l-inġustizzji u favur dawk kollha li jbatu minħabba xi forma ta’ inġustizzja, jew minħabba l-vjolenza. Il-profeta Elija għaqqad flimkien, b’mod sabiħ ħafna, l-imħabba lejn Alla u l-impenn tiegħu ukoll fis-soċjetà ta’ żmienu. Nixtieq li t-tagħim jgħinkom, fl-aspetti differenti tiegħu, biex intom ikollkom fil-qalba tal-ħajja tagħkom din l-imħabba kbira lejn Alla u l-preżenza tiegħu f’ħajjitkom; u li dan jgħinkom biex imbagħad tagħtu s-sehem tagħkom, il-kontribut tagħkom importanti fis-soċjetà Maltija tal-lum u ta’ għada u speċjalment billi tgħixu valuri importanti bħalma huma l-ġustizzja, l-onestà, l-imħabba, ir-rispett lejn l-oħrajn.

Tqis lil kulħadd bħala wild ta’ Alla

It-tieni ħaġa li xtaqt insemmi mill-‘mission statement’ hi din is-silta: komunita ta’ tagħlim “li tqis lil kulħadd bħala wild ta’ Alla”. Iktar ’il quddiem hemm: “kull bniedem għandu valur importanti”. Jien nixtieq ħafna li tkomplu dan l-spirtu fil-kulleġġ biex intom tqisu lil kull persuna hawnhekk – allura tibdew minn sħabkom, mill-għalliema tagħkom, min kull min jaħdem hawn – kulħadd, kull persuna hija importanti, kull persuna għandha valur. U tidraw tħarsu lejn kull persuna kif inhi bħala wild ta’ Alla, maħluqa xbieha ta’ Alla, hi min hi u hi kif inhi. Jiġifieri jekk tara lil xi ħadd, per eżempju, li l-ġilda tiegħu mhijiex bħal tiegħek – hawn min hu abjad, hawn min hu kannella, jew iswed, u hawn min hu ftit differenti – kull persuna hija xbieha ta’ Alla, hu min hu, hi min hi. U hawnhekk it-tagħlim jgħinkom biex intom tapprezzaw dan u tqisu tassew lil kulħadd, kull persuna bħala xbieha ta’ Alla. Alla jħobb lil kull persuna u aħna hekk għandna nagħmlu, u nirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna, hi min hi. Nagħmlu dan bil-mod kif nitkellmu ma’ xulxin u fuq xulxin. Dan jgħinkom biex ir-rispett li turu hawn lil xulxin imbagħad turuh ’il barra mill-iskola illum u fis-snin li ġejjin, tkunu fejn tkunu. Kemm għandna bżonn li nikbru f’ċittadini li nirrispettaw lil xulxin bid-differenzi li hemm f’kull persuna bħala xbieha ta’ Alla u wild Alla. Nuri rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna.

Ambjent ta’ familja

It-tielet ħaġa li xtaqt insemmi – li hemm f’dan il-‘mission statement’ – hu l-kliem: “f’ambjent ta’ familja”. Kemm hu importanti li hawnhekk fl-iskola – kif naf li qed tagħmlu ħilitkom biex tkunu – tkunu tassew komunità b’ambjent ta’ familja. Allura din il-familja tgħinkom biex tikbru. Dan l-ambjent ta’ familja jgħinek tħoss tassew li min hu miegħek fil-klassi u min hu miegħek fl-iskola f’xi sena oħra, u anke l-għalliema u l-istaff, kollha qegħdin jagħtu s-sehem tagħhom biex ikun hemm ambjent ta’ għaqda flimkien. Dan ikun jidher imbagħad ukoll fil-mod kif aħna nitrattaw lil xulxin hawnhekk, nitkellmu fuq xulxin. Iktar ma noħolqu dan l-ambjent sabiħ ta’ familja, iktar tkun tassew skola kif għandha tkun l-iskola tal-Knisja. Dan jgħinna biex nifhmu li l-Knisja hi familja wkoll. L-iskola tgħinna niftakru li l-Knisja hija familja li tiġborna flimkien u li aħna għalhekk għandna nagħtu sehemna tassew għal din il-familja u ngħożżuha dejjem f’qalbna.

Grazzi

Din tkun it-talba li nagħmlu għalikom illum. Filwaqt li nirringrazzjaw ħafna lil Alla ta’ dawn is-snin, nitolbu ħafna għalikom għas-snin li ġejjin u speċjalment nitolbu li tkunu tħobbu t-tagħlim li jgħinkom fil-ħajja; li tħarsu lejn kull wieħed minn sħabkom hawn u l-persuni kollha li hawn bħala xbieha ta’ Alla, ulied Alla li jistħoqqilhom d-dinjità u r-rispett; u li taħdmu wkoll biex l-iskola tkun tassew ambjent ta’ familja illi tgħaqqadkom flimkien bħala wlied Alla. Dak li jgħaqqadna flimkien hi l-imħabba li Alla jnissel f’qalbna li mbagħad naqsmuha mal-oħrajn.

 Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading