Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Duminku Collins


Fit-30 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil Beatu Duminku Collins, Fra Ġiżwita u Martri,  li għexet bejn is-snin 1566 sa 1602.

Twieled fl-1566 minn familja kattolika, f’Youghal, Cork, l-Irlanda. Kemm missieru u wara ħuh kienu s-sindku tal-belt. Aktarx attenda l-iskola tal-Ġiżwiti.

Fl-1583, salpa lejn Franza. Hemmhekk daħal fl-armata kattolika tad-duka Mercoeur u biż-żmien sar gvernatur militari. Biż-żmien ġie trasferit għal Spanja.

Fl-1598, iltaqa’ ma’ Ġiżwita Irlandiż li ġie biex iqarar lis-suldati fir-Randan. Duminku wrieh ix-xewqa li jidħol ġiżwita. Ma tantx għamillu kuraġġ minħabba l-livell ta’ studju, imma Dumink wieġeb li għalih kien biżżejjed li jidħol bħala Fra.

Baqa’ jirsisti għaliex għall-ewwel il-Ġiżwiti ma ridux jaċċettawh. Fl-aħħar beda n-novizzjat f’Santiago De Compostela.

Faqqgħet il-pesta u Fra Collins wera qlubija kbira, dar mal-vittmi, morda u l-moribondi.

Fl-1601, reġa’ lura l-Irlanda flimkien ma’ ġiżwita ieħor, biex jagħti l-għajnuna lis-suldati waqt il-gwerra mal-Ingliżi. Sab ruħu assedjat flimkien ma’ 143 suldat f’kastell żgħir għal diversi xhur. Hawn reġa’ mill-ġdid wera kuraġġ kbir idur mal-feruti u dawk moribondi. Saħansitra pprova jagħti lilu nnifsu bħala ostaġġ sabiex jieqaf il-ġlied, imma kien kollu għalxejn.

Fl-aħħar żammewh priġunier flimkien ma’ tnejn oħra u l-oħrajn nqatlu kollha. Kien interrogat f’Cork. Sofra terturi liema bħalhom biex jippruvaw jibdlulu fehmtu u jipperswaduh isir protestant. Saħansitra anke membri mill-familja tiegħu qalulu jagħmilha tabirruħu dar biex jeħles il-martirju, imma Duminku baqa’ ma ċediex.

Fil-31 ta’ Ottubru 1602, libes il-libsa ta’ ġiżwita, għaddewh mit-toroq ta’ beltu għall-post tal-eżekuzzjoni. Tkellem bil-ħeġġa mal-folla bl-Irlandiż, l-Ingliż u l-Ispanjol. Qalilhom li kien ferħan li kien reġa’ lura l-Irlanda biex jiddefendi l-fidi Kattolika. Huwa ġie mgħallaq quddiem folla emozzjonata għall-aħħar. Bil-lejl xi Kattoliċi tal-belt, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh f’post sigriet.

Mal-ewwel beda jissejjaħ venerabbli u l-fama tiegħu nxterdet mal-Irlanda u l-Ewropa. Ħafna mirakli ġew attribwiti bl-interċessjoni tiegħu.

Il-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II bbeatifikah fl-1992. Huwa wieħed mill-aktar beati popolari fl-Irlanda.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com