Illum il-Knisja tfakkar il-Fidili Mejtin Kollha


Fit-2 ta’ Novembru l-Knisja tfakkar il-Fidili Mejtin Kollha.

 

Fit-2 ta’ Novembru, il-Knisja turi b’mod speċjali s-simpatija tagħha ma’ wliedha li qed jiġu ppurifikati fil-Purgatorju. Dan il-jum huwa magħruf ukoll bħala l-Għid tal-imwiet.

Il-Knisja fuq l-art tunura b’rispett kbir lill-mejtin tagħha, u billi huwa ħsieb qaddis u siewi li titlob għall-mejtin biex jinħelsu minn dnubiethom, (2 Makkabin 12:46) toffri suffraġi għalihom.

Sa mill-bidu nett, l-Insara kellhom ġranet fis-sena li fihom kienu jiftakru b’mod iktar mis-soltu fil-mejtin tagħhom. Fis-sena 800, kien sar ftehim bejn il-monasteri ta’ San Gall u ta’ Reichenaw li fl-14 ta’ Novembru ta’ kull sena ssir tifkira tar-reliġjużi mejtin taż-żewġ komunitajiet, u kull saċerdot iqaddes tliet quddisiet.

Fis-sena 998, San Odilo, abbati tal-monasteru ta’ Cluny, ordna li l-membri tiegħu josservaw it-2 ta’ Novembru bħala Jum it-Tifkira tal-Insara mejtin kollha. Dan il-Jum ta’ Tifkira daħal f’monasteri oħra. Fl-1008, Lieġi, Belġju, kienet l-ewwel djoċesi li addottat dan l-użu. Minn hemm baqa’ dejjem jixtered bla ma qatt ġie impost uffiċjalment mill-Knisja.

Fil-gwerra l-kbira, il-Papa Benedittu XV, fl-10 ta’ Awwissu 1915, estenda dan l-użu mal-Knisja tal-Punent, u ddikjara li kull saċerdot jista’ joffri tliet quddisiet – waħda għall-Erwieħ tal-Purgatorju, oħra għall-intenzjoni tal-Papa, u oħra skont l-intenzjoni tas-saċerdot, li għal din tal-aħħar biss is-saċerdot jista’ jieħu l-elemożina.

Santu Wistin jgħid li l-Knisja turi li hi omm billi titlob għall-Insara kollha mejtin, sabiex dawk li ma jkollhomx ġenituri, tfal, qraba jew ħbieb li jagħtuhom dan is-servizz, allura jirċevuh mill-Knisja, l-omm devota u komuni ta’ kulħadd.

Il-Papa San Ġwanni XXIII jiddiskrivi din it-tifkira tal-mejtin kollha li niċċelebraw illum bħala “meditazzjoni fuq veritajiet eterni li turina x’inhu dak li jgħaddi u x’inhu dak li jibqa’ jeżisti.” Fil-Liturġija tal-Mejtin, il-Knisja tgħidilna li għal dawk li jemmnu f’Alla l-ħajja ma tintemmx imma tinbidel, u fi tmiem iż-żmien tagħna fuq l-art darna tinbidel f’waħda għal dejjem. Dan il-kliem il-Knisja temmnu fuq kliem Kristu li qal: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija anki jekk imut jgħix, u min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.” (Ġwanni 11:23-26)

It-talb tagħna għal ħutna l-mejtin isaħħilna wkoll it-tama li aħna għad nieħdu sehem fir-Reżurrezzjoni ta’ Kristu.

Agħtihom O Mulej, il-mistrieħ ta’ dejjem. Id-Dawl ta’ dejjem jiddi lilhom. Jistrieħu fis-sliem. Ammen.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.