F’idi!


Kemm-il darba nismagħha din il-frażi! L-aktar meta jkolli bżonn lil xi ħadd li jaqdini! U niggrantanilkom żgur li mhux għalija tafux! Diġà nirringrazzja lill-Mulej li għadni ħaj wara attakk tal-qalb daqshiex u li kien ħallieni tal-post, u fuq kollox, tal-kundizzjoni siekta li għandi fil-mudullun! Imma l-Mulej tal-ħniena! U l-mirakli għadhom isiru! Intant!…

Mela mmur nitlob xi ħaġa għal xi ħadd. Biex jiġi mgħejjun għax veru fil-bżonn. U mhux li jilgħabha li hu fil-bżonn. U, dak li jkun, u dik li tkun, biex isserraħli rasi, mill-ewwel jgħidli u tgħidli, b’leħen ħelu imma sod u li jġagħlni xi ftit nirtgħod: F’idi!

Sabiħa kieku l-kelma f’idi! Għax, f’idi! tfisser li smajtek. U, tant kemm smajtek u ħaddtek bis-serjetà, li għaraft il-bżonn tiegħek. Jew aħjar, u fil-każ tiegħi, għax żgur li mhux għalija imma għal min tassew jinħtieġ l-għajnuna, dħalt fiż-żarbuna ta’ min qed jitlob l-għajnuna. Il-kelma f’idi! turini li int miegħi fl-isfidi! U min fil-ħajja ħbieb, taħt is-sema kaħlani u nir, u li ġieli jaf jissewwed ukoll, għax ir-riħ dejjem riħ, ma għandux sfidi? Dan imqar tqum naqra bis-salt jew, frott il-għejja għax tkun ħdimt u mhux qgħadt manġa passiġġa tgerger, b’żaqq daqshiex jew mad-dahar, fuq li kollox sejjer ħażin u subgħa li hu subgħa ma tħarrikx, ifettillek iddur naqra n-naħa tal-lemin jew tax-xellug fuq is-sodda u tara kollox idur bik! Qed ngħid hekk għax dan jien ġarrabtu! Imma ħbieb, bil-għajnuna tal-Mulej, kollox jgħaddi tafux! U l-ħajja tkompli! U, bil-għajnuna tiegħu, nibqgħu noforqu l-imwieġ!

Il-kelma f’idi! meta magħduda bil-ħsieb u bil-qalb li dak jew dik li jkun u li tkun, tassew ikun se jgħinek u tgħinek, tnissillek fiduċja. Għall-erwieħ! Għandna biċċa xogħol oħra lesta ħi! Mela ejja ħa nissuktaw naqdfu ‘il quddiem! U ħa jkunu jafu dawk li jużaw il-kelma f’idi!, għax veru jridu jħallu lill-Mulej jagħmel il-ġid bihom u mhux l-għaliex din il-kelma tiġihom fancy fuq fommhom, li b’kelmithom aqta’ kemm qed iserrvu ta’ sollief għal min jiddependi mill-għajnuna tagħhom! Sintendi mhux biss għalih u għaliha li jirċievi u tirċievi l-għajnuna imma wkoll biex ikun u tkun jista’ u tista’ jaqdi u taqdi lil ħaddieħor! U mela jien fis-soċjetà, fil-knisja, fil-familja, fil-kunvent, fuq il-post tax-xogħol, u anki f’dak tad-divertiment, qed ngħix waħdi jew?

Għalhekk, u f’dan id-dawl, il-kelma f’idi! qed toħloq il-magħrufa, famuża u l-kbira kelma wow Franġiskana u li Papa Franġisku faqa’ id-dinja biha: fraternità! Li, jaħasra, bħall-kelma mħabba, aqta’ kemm qed tiġi użata u abbużata! Tant li l-ħati biha sar qaddis u l-qaddis biha aqta’ kemm qed isir il-ħati! U dan biex ma nsemmux x’kull gundalla qiegħdin jagħmlulha lil din il-kelma fraternità miskina! Tgħid għax sabuha żgħira? Jew għax sabuha taz-zokkor? Jew, saħansitra, għax rawha fidila? Għax illum, u bħalma nafu tajjeb, lanqas il-‘fidili’ m’għadhom fidili! Mela aħseb u ara!

Imma l-kelma f’idi! qiegħdha hemm biex tnissel il-kuraġġ li almenu int sieħbi, u jien ukoll miegħek, għax bniedem bħalek tad-demm u l-laħam, il-Patri, m’aħniex waħedna! M’aħniex hemm sieħbi nitbgħalu għal xejn! Il-Mulej jibgħatilna nies, jew aħjar anġli, li jagħtuna dik id-daqqa t’id. Le le! Mhux daqqa ta’ ponn! Għax dawn in-nies tmisshom qalbhom u tiġihom tassew ħniena mill-isforzi tagħna. Ma jifilħux jarawna nitqanżħu waqt li nimbuttaw il-karretta! Liema karretta tinstab f’telgħa daqshiex! U ġieli taf tkun imwaħħla fit-tajn tal-problemi li noħolqu meta nħallu jibbrilla fina lil dak ta’ denbu twil. Aktar u aktar fil-pika li nuru ma’ xulxin. Biex, bħal dak li qallu, nuru lil xulxin min hu r-raġel u min hi l-mara! B’dak iż-żejt aħdar tal-ħdura tal-qalb ħi! U hekk nuru li għandna l-muskoli! U le jaħasra! X’mard!

Mela s-salmista, b’għaqal kbir, jgħidilna, biex bħal donnu jikkunslana: Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek (S 91:11-12). U min huma, eżattament, dawn l-anġli li jibgħatilna? Dawn l-anġli li jħarsuna? Dawn l-anġli li, minflok li jagħtuna l-majnati jew waħda bil-minkeb, jerfgħuna? Għax ħajjitna, minflok ma jippruvaw jagħmluhielna infern, minflok jippruvaw iħaffuhielna l-għaliex jerfgħuna ‘il fuq? U jerfgħuna b’dak il-kumment sabiħ, ħelu, sottili, imma fih ħafna u ħafna sens? Għax ġej direttament mill-qalb? Min huma dawn in-nies li jibżgħu għalina u ma jweġġgħuniex? U min huma dawn l-anġli li jiftħulna għajnejna biex ma nfarrkux imneħirna ma’ xi xifer?

Dawn huma n-nies li jwettqu dawk li jwegħduna meta jgħidulna: f’idi! Dawn huma n-nies li jifhmu s-sitwazzjoni tagħna u jinżlu fiha sabiex jagħtuna daqqa t’id! Dawn huma n-nies li dejjem insibuhom magħna! L-għaliex huma nies li jitħaddtu ftit fuqhom infushom imma lesti biex jisimgħuna, jikkumpatuna u jimxu magħna. U, minflok ma joħolqulna biżiblju problemi, arahom ixammru jdejhom u, bil-paċenzja kollha, jgħinuna billi jqabbdulna t-triq. Issa nifhem l-għaliex, fil-preżenza ta’ dawn in-nies, aqta’ kemm inħossni f’idejn tajba! U kemm inħossni fil-paċi! U fil-barka!

Imma ħi mhux l-istess hi l-istorja għal min jgħidlek u tgħidlek f’idi! u jkun eżattament il-kuntrarju! Mhux l-istess tħossok meta xi ħadd jagħtik l-impressjoni li se jaqdik tant li se jaqla’ d-dinja kollha, basta jkun ta’ għajnuna u għalik, u ma jkun xejn! Li, bil-kelma f’idi!, iġagħlek u iġġagħlek temmen, bil-kelma u bil-miktub, li se jaqdik u taqdik! Imma … tispiċċa b’xejn! Le ħbieb! Hemm tassew li jiddispjaċik! Għax, iwassluk titkellem waħdek u tgħid lilek innifsek: Iva għax ittrattawni hekk?

Mela jeżiżtu dawk li jgħidulek: f’idi! U, fir-realtà, ma tkun f’idhom xejn! Abbli tkun fuq l-istonku tagħhom. Għax, u abbli, u dejjem skont kif jarawk huma, taf tkun bħal dik in-nemusa li tkun qed tniggiżhom. U dan kollu għax inkun fakkartek tgħinni. U forsi għalik jien qerried u qerrieda. Għax bqajt neqred fuq l-istess ħaġa. Imma l-bżonn ħija, oħti, jġagħlek titlob. U tibqa’ titlob! Anki meta tisma’ l-kelma f’idi! u tispiċċa b’idek f’idek! Għax tispiċċa b’idek wara dahrek!

Għalhekk, u f’dan is-sens, il-kelma f’idi, f’dan il-kuntest, ma tfissirx aktar sigurtà iżda nsigurtà. Il-kelma f’idi m’għadhiex aktar triq wiesa’ inkella viżjoni ċara iżda tieħu t-tifsira u s-sura ta’ sqaq tal-isqaqien. U tispiċċa balla ċpar ukoll. Għax ma tkunx taf fejn qiegħed u qiegħdha ma’ dawn in-nies li jgħidulek f’idi u ma tkun f’idi xejn! U, biex ma ninsewx lil ħabib tagħna tas-Salm 91, li issa qed isaffrilna ħalli żgur ma ninsewx maqful fi ħsibijietu, il-kelma f’idi! issa tfisser li dak li qed jgħidhieli jew tgħidhieli mhux talli ma jfakkarniex fl-anġlu imma f’dak li qiegħed taħt l-anġlu! Anzi! L-Arkanġlu! Għax huwa dak li lin-nies iħawwadhom billi jwegħdhom il-ġawhar u mbagħad jagħtihom il-kubrit. Huwa dak li jwegħdhom il-glorja biex imbagħad jagħtihom l-infern! Il-kanna tal-kanen! Huwa dak li jimlielhom moħħhom li se jerfagħhom imma mbagħad jispiċċa isabbathom sakemm jifqagħhom! Jew li jniżżilhom fil-qiegħ biex jifgagħhom hemm!

Jaħasra! Nistgħu ninħelsu minn dan il-brixx, gdim, tbenġil, ksur u x’ma nafx jien billi dak li nwegħdu lil xulxin inwettquh! Bħalma jagħmel magħna Missierna tas-Sema li dejjem jibqa’ jieħu ħsiebna! Anki meta aħna noqgħodulu mqarrbin. Nibda’ minni l-ewwel wieħed!

Mela ħija, oħti, qabel tlissen dik il-kelma tat-textix f’idi! ejja nwettaq dak li nkun wegħdttek. Xejn xejn, meta nżomm il-kelma li nkun tajtek meta għedtlek f’idi! nibda’ nifdi jien stess din l-imbierka kelma li, meta tismagħha, sirt tiġi f’dubju jekk min qed jgħidhielek huwiex qed jgħidhielek bis-serjetà nkella biex jeħles minnek bil-pulit u bl-edukazzjoni! Ejjew infejqu lil xulxin mill-brixx tad-dubju tal-kelma f’idi! billi nibdluha f’għemil deċiżiv ta’ ħniena u kompassjoni għal xulxin!

F’idek sieħbi?

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.