Tliet seminaristi jirċievu l-Ministeru tal-Akkolitat


It-Tnejn, 4 ta’ Novembru 2019: Omelija f’Quddies fejn fiha l-Arċisqof Charles J. Scicluna ta l-Ministeru tal-Akkolitat lil tliet seminaristi fis-seminajru tal-Arċisqof, Tal-Virtù, ir-Rabat. It-tliet seminaristi kienu Joshua Cortis mill-Parroċċa ta’ San Gejtanu l-Ħamrun u Roderick Baldacchino u Jean-Claude Schembri mill-Parroċċa taż-Żejtun.

Capture

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

Għeżież intom u tirċievu l-ministeru tal-Akkolitat, il-Knisja qiegħda tistedinkom biex titgħallmu tħejju l-mejda għażiża tal-Ewkaristija.

Ġesù meta indirizzana, u dan il-kliem għażiż qalu fl-aħħar ikla tiegħu mad-dixxipli, qalilna: “Ma nsejħilkomx qaddejja, insejħilkom ħbieb, għax kulma smajt mingħand Missieri, għarraftulkom” (Ġw 15:15). Il-qaddej huwa dak li jaqdi mingħajr ma jaf eżattament x’inhi l-qalb ta’ sidu, imma l-Mulej hu u jaħtarna qaddejja, isejħilna wkoll ħbieb tiegħu. Mela meta Ġesù jgħidilna “ma nsejħilkomx qaddejja, insejħilkom ħbieb” ma jridx inessina l-ispirtu veru tal-ministeru li huwa l-qadi. Hu qed jgħallimna li l-qadi joħroġ mill-intimità miegħu: li aħna nkunu, u allura aħna nissejħu, ħbieb tiegħu. Aħna għandna din ix-xorti, bħal f’ħafna lingwi, li l-kelma ħabib tikkorrispondi, forsi b’mod indirett, mal-għerq tal-imħabba, il-maħbub.

Hu jistedinna għalkemm aħna ħbieb u ħutu, isejħilna ħutu u qrabatu, jistedinna għall-ikla tiegħu. Imma jaf ukoll li aħna ħbiebu u ħutu u qrabatu għaliex l-ewwel stedina li rċevejna tahielna meta aħna konna foqra, magħtubin, zopop u għomja. U dak li qed jgħid lilna, jagħmlu hu. Il-beatitudni li ssabbarna lkoll hija dik li nisimgħuh jgħid mill-Apokalissi: “Henjin dawk li huma mistiedna għall-ikla tat-tieġ tal-ħaruf”. U għal din l-ikla l-Mulej jistieden il-foqra, aħna, il-magħtubin, dawk li fil-pellegrinaġġ tad-dixxipulat kultant nogħtru, iz-zopop u l-għomja. Dak li jgħidilna nagħmlu, hu jagħmlu kull ħin. U aħna m’għandniex problema, l-hena li jwiegħed lilna hija wkoll l-hena tiegħu li jistedinna u aħna m’għandniex ingorru anzi fil-liturġija stess aħna ngħidulu: aħna noffrulek affarijiet foqra u inti tibdilhom fik innifsek. U permezz ta’ din l-imħabba li biha jistieden lilna, li aħna parti tal-miżerja umana jittrasformana fi ħbieb, f’aħwa u fi qraba.

Jiena naħseb li dan huwa li għalih qed isejħilkom il-Mulej illum: li intom u tħejju l-mejda, ma tippretendux li tħejjuha għall-qaddisin, tħejjuha għall-midinbin. It-talba li, bil-ministeru tagħkom, aħna mill-mejda nitqaddsu, li fi kliem tal-Evanġelju, nitnaddfu minn dnubietna, hekk ukoll nitolbu li bit-tqarbina mqaddsa tkun għalina ta’ fejqan u ta’ maħfra, it-tqarbina mqaddsa li tittrasformana f’qaddisin, li tħejjina, bħalma tgħid il-Liturġija stess, għal dak li qed nirċievu. Hi stess tħejjina biex inkunu denji meta aħna m’aħniex hemm biex nirċevuh dan ir-rigal il-kbir. U l-Mulej ma jistedinniex għax aħna ħbieb u perfetti, jew għax aħna ħbieb tiegħu; jistedinna fil-miżerja tagħna u jittrasformana bħalma qed jagħmel lilkom ukoll bid-don ta’ dan il-ministeru.

Intom bħala kelma li tiggwidakom jekk fhimt sew, ħadtu silta minn dan il-qari sabiħ li smajna mill-Ittra lir-Rumani: “Kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu, kollox għalih”. Għażiltuh għax ridtu. Ifhmu dan il-kliem u għixuh: “minnu, permezz tiegħu, għalih”. Jekk il-ministeru tagħkom ikun mibni fuq dan il-kliem allura huwa ministeru veru, li ġej li jsir permezz tiegħu u jsir għalih. “Lilu glorja għal dejjem ta’ dejjem, Ammen”.

Illum qed infakkru lil San Carlo Borromeo, naħseb taħfruli li nsemmih. Dan ir-raġel li għadda minn diversi fażijiet fil-ħajja, kellu l-frażi tal-frugħa, tan-nepotiżmu, imbagħad quddiem il-katavru ta’ ħuh irrealizza li l-kesħa tal-mewt tneħħi ħafna ksuħat u kkonverta. U għalkemm zijuh kien papa – mhux kulħadd ikollu l-grazzja li zijuh ikun papa – imma Carlo Borromeo kien. L-ewwel ħaġa li għamel zijuh kien li għamlu kardinal. Imma meta mbagħad laħaq papa ieħor, intbagħat Milan u għax kien bniedem li ltaqa’ verament ma’ Ġesù, dik l-ubbidjenza sarrafha fil-qdusija tiegħu. Kellu u għadha l-ikbar djoċesi tad-dinja. Fi żmienu Milan kien ilaħħaq sal-Iżvizzera, il-Canton Tici, parti mid-djoċesi ta’ Carlo Borromeo, djoċesi enormi u hu, daqqa bil-karozzella, daqqa bil-karozzin, u daqqa direttament fuq iż-żwiemel u l-bgħula, żarha kollha. Kien bniedem verament sinodali, l-aħħar qari – l-aħħar Sinodu fetħilna dik il-meditazzjoni konkreta, kien bniedem prattiku ħafna, ma kellux vena mistika kbira, San Carlo Borromeo kien qaddis konkret. Waqt li qed jagħmel meditazzjoni kien jinkwieta għaliex ħutu mhux qed jieħdu ħsieb il-propjetà tal-familja.

Għandna ittri konkreti għax il-qdusija tiegħu hija qdusija konkreta. Fl-Episkopat tiegħu għamel ħafna għedewwa, kien vittma ta’ attentat ta’ assassinju, u fil-fatt sparawlu, imma ma rnexxilhomx joqtluh, u pprova jaħfer lil min kienu, f’kongregazzjoni li pprova jirriforma, imma ma rnexxilux. L-ironija li jisfa’ umiljat, imma ma tantx kien iħobb jobdi mid-dehra dan, u peress li ma kinitx togħġbu ħafna s-sikkatura li ried jintroduċi, qallu le u ddeċieda mod ieħor. Il-motto tiegħu kif tafu kien humilitas, dak li San Girgor il-Kbir jgħid li għandha tkun il-kariżma tar-ragħaj: li jkun qrib l-għaqda, l-unus. U allura kien ikun konkret fl-aġir tiegħu.

Ħadem ħafna biex ir-riforma tal-Konċilju ta’ Trentu sseħħ u aħna qegħdin ngħixu wara l-Konċilju l-kbir, li għadna anqas xammejnieh, imma hu kien pjuttost ixomm b’dak l-imnieħer kbir li kellu, imma aħna ta’ min nistaqsu l-interċessjoni ta’ San Karlu Borromeo: l-ispirtu ta’ dan il-Konċilju kbir mniedi minn Ġwanni XXIII, li ġie konkluż fi żmien Pawlu VI, żewġ qaddisin, aħna ma assimilajniehx biżżejjed?

U nikkonkludu bl-awgurju ispirat mit-talba li tagħżel il-Knisja fil-festa tiegħu. Nitlob l-ewwel nett li bl-interċessjoni ta’ dan il-qaddis li l-Knisja tiġġedded kontinwament u tkun kapaċi turi l-wiċċ ta’ Kristu lid-dinja. Min jiltaqa’ mal-ħarsa tagħna? Il-ħarsa tagħna hija li tiltaqa’ magħha hija l-ħarsa ta’ Ġesù. Ejjew nitolbu bl-interċessjoni ta’ Karlu Borromeo din il-frażi, il-grazzja li l-ħarsa tagħna tkun il-ħarsa ta’ Ġesù, li naraw id-dinja kif jaraha Ġesù, li naraw il-bnedmin kif jarahom u jħobbhom Ġesù. U hekk inkunu tassew ħbieb tiegħu, li nifhmu li “kollox ġej minnu, kollox permezz tiegħu u kollox fih”.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 11, 29-36
Salm: 68 (69), 30-31.33-34.36-37
Evanġelju: Lq 14, 12-14

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti