Rikonoxxenza u apprezzament għal min ħadem għas-saltna t’Alla


It-Tlieta, 5 ta’ Novembru 2019: Quddiesa mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi b’suffraġju għall-isqfijiet, saċerdoti u reliġjużi fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

Capture

L-Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Jekk għoddejt sew il-lista li nqrat fil-bidu tal-quddiesa, huma 40 is-saċerdoti u r-reliġjużi li mill-aħħar ċelebrazzjoni f’Novembru tas-sena li għaddiet, għaddew għall-ħajja ta’ dejjem. Nixtieq nagħmel dawn it-tliet riflessjonijiet qosra.

Rikonoxxenza

Illum nirringrazzjaw lil Alla b’rikonoxxenza u apprezzament għal kull wieħed u waħda minn dawn is-saċerdoti u r-reliġjużi. Niftakru wkoll f’dawk li għaddew għall-ħajja ta’ dejjem fis-snin ta’ qabel, imma nitolbu speċjalment għal dawn tal-aħħar sena. Niftakru li ma’ kull wieħed u waħda hemm marbuta storja ta’ servizz ta’ mħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn, ta’ ħidma għas-saltna ta’ Alla.

Illum nirringrazzjaw lil Alla għal din il-ħidma. Kemm hi sabiħa li l-ħidma ta’ Alla tasal permezz ta’ tant nies u tant ħidma li kemm-il darba ssir fis-skiet u l-kwiet imma b’mod effettiv u tagħmel tant ġid fil-ħajja.

Apprezzament

Meta aħna nħarsu lura u nuru rikonoxxenza u apprezzament, niftakru wkoll kemm ġid qed isir bħalissa fil-Knisja u fis-soċjetà minn dawk li llum huma impenjati fl-appostolat u dawk kollha li qed jgħixu l-vokazzjoni tagħhom saċerdotali jew reliġjuża b’dedikazzjoni sħiħa.

Iktar ma niftakru f’dawk li għaddew, iktar jiġina f’moħħna kemm hu importanti li r-rikonoxxenza ma nuruhiex biss meta xi ħadd jgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem, imma nidraw nuruha wkoll illum lejn dawk li qed jiddedikaw ħajjithom bħalissa fil-ħajja saċerdotali u reliġjuża. Kultant jiġri li nħarsu lejn dawk li għaddew u ma nagħtux biżżejjed attenzjoni lejn dawk li llum qed jagħtu ħajjithom. Nitolbu lill-Mulej biex f’qalbna jkollna dejjem dan l-apprezzament, u l-gratitudni tagħna nuruha.

Mixja li għandha destinazzjoni

It-tielet punt. Din hi okkażjoni li tfakkarna li aħna lkoll mexjin lejn dan il-mument fejn aħna wkoll irridu niltaqgħu ma’ Alla bħalma għamlu dawn is-saċerdoti u r-reliġjuzi li llum qed niċċelebraw il-ħajja tagħhom u nitolbu għalihom illum. Għal dan il-mument aħna nħejju ruħna b’kull jum tal-ħajja tagħna. Għalhekk nitolbu lill-Mulej il-grazzja biex dejjem tkun f’moħħna u f’qalbna d-destinazzjoni fejn irridu naslu. U biex inkomplu ngħixu bil-ferħ u b’qalb kbira din il-vokazzjoni li Alla sejħilna għaliha.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti