Il-Papa f’Santa Marta: Ilkoll kemm aħna ħatja li nirrifjutaw il-gratwità tal-Mulej


It-Tlieta, 5 ta’ Novembru 2019: Fis-silta tal-Evanġelju li tatna l-liturġija llum, San Luqa jirrakkonta li raġel ried jagħmel festa kbira imma l-mistednin bi skuża jew oħra kollha rrifjutaw l-istedina. Għalhekk bagħat il-qaddejja jsejħu lill-foqra u liz-zopop biex jimlew daru u jduqu l-ikla tiegħu. Fl-omelija li għamel fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum, il-Papa Franġisku qal li din hi fil-qosor l-istorja tas-salvazzjoni u tiddeskrivi wkoll l-imġiba ta’ ħafna Nsara.

L-ikla, il-festa, hi tixbiha tas-sema, tal-eternità mal-Mulej.  Waqt festa wieħed qatt ma jaf ma’ min se jiltaqa’, u jsir jaf nies ġodda.  Ikun hemm ukoll persuni li wieħed lanqas ikun jixtieq jarahom, imma l-klima tal-festa hija l-ferħ u l-gratwità.

Għax festa vera għandha tkun gratwita.  U għal din, Alla tagħna dejjem jistedinna bil-gratwità, qatt ma jġegħilna nħallsu biex nidħlu.  Fil-festi veru ma nħallsux biex nidħlu –  iħallas is-sid, iħallas dak li jistieden – imma hemm min, minkejja l-gratwità, jagħżel l-interessi personali.

Quddiem dik il-gratwità, dik l-universalità tal-festa, hemm atteġġjament li jagħlaq il-qalb: ‘Jien m’iniex sejjer.  Nippreferi noqgħod waħdi, man-nies li jogħġbuni, magħluq.’

Dan hu d-dnub, id-dnub tal-poplu ta’ Iżrael, id-dnub tagħna lkoll:  l-għeluq.  ‘Le, għalija huwa aktar importanti dan minn dak.  Le, tiegħi l-ewwel.’  Dejjem l-ewwel jien.

Hemm għażla bejn il-laqgħa mal-Mulej u ‘dak li rrid jien’.

Dar-rifjut huwa wkoll disprezz lejn min jistieden, qisna qed ngħidu lill-Mulej: ‘Toqgħodx tħabbatli moħħi bil-festa tiegħek.’  Huwa għeluq għal dak li joffrilna l-Mulej: il-ferħ tal-laqgħa miegħu.

U fil-mixja tal-ħajja bosta drabi nsibu ruħna quddiem din l-għażla: jew il-gratwità tal-Mulej, li mmorru nfittxuh, niltaqgħu miegħu, inkella li ningħalqu fl-interessi tagħna, fl-affarijiet tagħna.

Huwa għalhekk li meta jitkellem dwar dan l-għeluq il-Mulej jgħid li hu diffiċli li bniedem għani jidħol fis-saltna tas-sema.  Madankollu hemm nies għonja tal-affari tagħhom, qaddisin, li mhumiex marbutin mar-rikkezzi li għandhom.  Però l-biċċa l-kbira huma marbutin sfiq mal-għana, magħluqin.  U b’hekk mhux jifhmu x’inhi l-festa.  Isibu s-sigurtà fl-affarijiet li jistgħu jmissu.

Il-Mulej għandu reazzjoni iebsa quddiem ir-rifjut tagħna: irid li għall-festa jinġiebu n-nies kollha, tajbin u ħżiena.  Ilkoll mistednin.  Ħadd ma jista’ jgħid: ‘Jien ħażin, ma nistax…’  Le, proprju għax int ħażin il-Mulej jistenniek b’mod speċjali.

Il-Papa fakkar fl-imġiba tal-missier ma’ ibnu l-ħali li jmur lura d-dar: l-iben jibda diskors imma missieru ma jħallihx jitkellem, jgħannqu.  Hekk hu l-Mulej.  Din hi l-gratwità.

Fl-ewwel qari l-Appostlu Pawlu jwissi dwar l-ipokrisija.  Lil-Lhud li kienu jiċħdu lil Ġesù għax kien jidhrilhom li huma ġusti, il-Mulej darba qalilhom:  ‘Jien ngħidilkom li n-nisa tat-triq u l-pubblikani jidħlu qabilkom fis-saltna tas-sema.’

Il-Mulej iħobb l-aktar lil min hu mmaqdar, imma jsejjaħ lilna wkoll.  Iżda quddiem l-għeluq tagħna jitbiegħed u jagħdab, kif jgħidilna l-Evanġelju li nqara.

Naħsbu ftit fil-parabbola li tana l-Mulej illum.  Kif sejra ħajjitna?  Liema għażliet qed nagħmel jien?  Dejjem qed naċċetta l-istedina tal-Mulej jew qed ningħalaq fl-affarijiet tiegħi, fiċ-ċekċik tiegħi?  Nitolbu ’l-Mulej il-grazzja li dejjem naċċettaw li mmorru għall-festa tiegħu li hi gratwita.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.