Change of plans!


Dan l-aħħar ġarrabt esperjenza tabilħaqq interessanti. Liema esperjenza għallmittni u għallmittni bil-bosta kemm il-ħajja hi, fil-fatt, rigal kbir! U irrepetibbli! Appuntu l-għaliex ġejja mill-aqwa rigal, il-Mulej innifsu!

Kelli pjan. Kien x’kien. Imma, u għal xi raġuni, dan il-pjan ma ħadimx. Investejt f’dan il-pjan. U investejt bil-bosta. Moħħi qalli li dan il-pjan kien se jirnexxi mija fil-mija. U mank jaħasra li kieku rnexxa! Kemm kieku kien se jkun ta’ ġid! Almenu f’moħħi! Għax hekk ħasel irraġuna! Imma x’ġara? Għal xi raġuni, kienet li kienet, dan il-pjan ma twettaqx.

Għall-ewwel ħbatt naqta’ qalbi. Kollu santu ċajt! Meta tara xi ħaġa li l-Mulej biha jkun se jagħmel ħafna u ħafna ġid qisek tweġġa’ xi naqra hux! U jiddispjaċik ukoll! Wara kollox kulħadd għandu qalb! Bħalma għandu qalb sempliċi Patri li m’għandu lil ħadd min jaqbeż għalih u li jgħaddilu dik il-kelma għajr biss li jittama fil-ħniena kbira ta’ Alla tagħna! Madankollu, dan Alla tagħna, lil Patri qatt u qatt ma ddiżappuntah tafux! Anki meta hu, bin-nies ta’ madwaru u ta’ madwar ta’ madwaru, aqta’ kemm iddiżappuntawh miskin! Bħalma ddiżappunta lilu nnifsu wkoll wara kollox!

Għall-bidu ħsibt li d-dinja kienet waqgħet. Ħsibt li issa kollox kien sar suf. U dak li kont ħdimt għalih kien se jtir mar-riħ tal-irjieħ! Imma x’ġara? Mort nitlob. U tlabt minn qalbi! U meta għamilt hekk striħajt! U striħajt bil-bosta! L-għaliex issa, fl-istorja, ma kienx baqa’ jien biss, indur u nitlajja’ ma’ kull kantuniera tagħha. Le! Issa l-istorja ma baqgħetx aktar mimlija tilja mbarazz tal-inkwiet tiegħi. Għal darba f’ħajti ikkoperajt mal-grazzja li nħalli kollox f’idejH! U tibżgħux! Għax ir-riżultati bdew ġejjin! Wieħed wara l-ieħor!

Fil-ħajja hekk ħbieb! L-ewwel nipproponu xi ħaġa. Inqattgħu ħin nippjanawha. U niffukaw l-enerġija limitata kollha tagħna fuqha. Biex imbagħad, din ix-xi ħaġa, nagħtuha lil qawwa li tissupera dik tagħna. L-għaliex, fil-ħajja, filwaqt li nħobbu lis-soċjal ma rridu qatt inwarrbu t-traxxendental. Dan l-għaliex jekk nagħmlu hekk inkunu qed nagħmlu qassata tal-qassatat. Fil-verità ma jeżiżti l-ebda soċjal jekk diġà mhux qiegħed fit-traxxendental. Li jmur bil-bosta lil hinn mill-katina ta’ konsegwenzi li joħloq l-imsejken soċjal. Ta’ midneb li hu!

U hawn nara l-għerf kbir li l-Mulej kien għallimni permezz ta’ Patri li qatta’ ħajtu mal-batut. Dan il-Patri kien jgħidli: L-aqwa kelma li teżiżti hi Dio. Għax f’Dio hemm io! X’għerf kbir tal-Mulej f’dan il-Patri! U grazzi lill-Mulej għalik ja Patri! Li kellek il-kuraġġ u l-umiltà li dan l-għerf ma taqflux f’qalbek u issakkru bil-muftieħ tas-suppervja u l-arroganza. Biex tagħti impressjoni li int xi ħaġa! Le! Għax tassew għaref int għaddejtuli dan l-għerf. Naqra ta’ postulant, novizz u student li kont! U illum nista’ naqsmu miegħek għażiż qarrej u qarrejja!

F’Dio hemm io! Xi ħlewwa ta’ frażi! Għax dak l’io, għax qiegħed f’Dio, qatt ma jista’ ikun mgħawweġ! Għax dejjem qed jiġi iddrittat minn Dio! U, dak l-io, anki jekk jinbidlulu l-pjanijiet, se jibqa’ fil-paċi! Għax, fil-qalba ta’ qalbu, jaf bil-bosta li hu Dio li qed jagħmel dan kollu fih u bih! U allura, b’Dio fih, qed jifraħ! U jifraħ bil-bosta! Għax ċert li dik iċ-change of plans se tagħmillu ġid kbir! Mhux biss lilu imma wkoll lil dawk li magħhom kien se jaħdem! L-għaliex issa dawn fehmu li hemm livell ieħor ta’ tifsira fil-ħajja. Dak il-livell li l-maġġoranza mhux dejjem tifhmu. Għax, miskina, il-maġġoranza tħobb timxi wisq ma’ dak li tħoss u li jipproponulha fuq platt tad-deheb. U hekk l-ingann ħelu ma tagħrfux!

Mela veru li mal-Mulej jien dejjem fil-maġġoranza! Anki jekk inkun fil-minoranza! Għax min mexxa l-ispirtu tal-Mulej, x’kunsillier kellu biex jgħallmu?Lil min talab parir biex jiftaħlu għajnejh; jew min għallmu jġib ruħu bil-ġustizzja, biex jagħtih id-dawl u l-għerf, u jqabbdu t-triq ta’ l-għaqal? (Is 40:13-14).

Għalhekk, meta naħseb fuq din il-wegħda kbira li l-Mulej qed jagħmilli f’KelmtU, ma nibżax aktar. Għax naf li, minn hawn jew minn hemm, bis-sewwa jew bid-dnewwa, tal-Mulej se tgħaddi! U l’io tiegħi, għax qiegħed f’Dio, sod! Għax min jista’ joħodha kontra l-Mulej? U anki, għax iblah, jekk jipprova, ikollu jgħid mal-Eġizzjani imwerwra: Ħa naħarbu minn quddiem Iżrael, għaliex il-Mulej qiegħed jiġġieled kontra l-Eġizzjani! (Eż 14:25).

Grazzi Mulej taċ-change of plans! Pjanijietek se jseħħu żgur! B’idek qawwija u bi driegħek merfugħ (ara Salm 136:12)!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.