Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Ġwann

Print Friendly, PDF & Email

Fis-27 ta’ Diċembru l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Ġwann, Appostlu u Evanġelista li għex fl-1 Seklu.

San Ġwann twieled fil-Galilija, madwar is-sena 6 wara Kristu. Missieru kien sajjied jismu Żebedew.

Ġwanni u ħuh San Ġakbu l-Kbir ġew imsejħin minn Ġesù biex ikunu dixxipli tiegħu (Mark 1:19-20). Mid-dehra kellhom karattru fuq tagħhom. Darba resqu lejn Ġesù u qalulu: “Mgħallem, irridu li dak li nitolbuk tagħmilhulna (ara Mark 10:35-41). Darb’oħra meta s-Sammaritani ma laqgħux lil Ġesù, dawn it-tnejn staqsewh riedx ngħidu lin-nar jinżel mis-sema u jeqridhom? (Luqa 9:54) Ġesù kien sejħilhom Boanerges, jiġifieri “ulied ir-ragħad”. (Mark 3:17)

B’danakollu, Ġesù kellu mħabba kbira lejn dawn iż-żewġ aħwa. U San Ġwann kien “id-dixxiplu l-maħbub ta’ Ġesù” (Ġwanni 21:7).

Huwa kien preżenti fit-trasfigurazzjoni ta’ Ġesù fuq l-għolja Tabor; meta Ġesù qajjem lit-tifla ta’ Ġajru: fl-agunija ta’ Ġesù fil-Ġetsemani. Flimkien ma’ Pietru kien magħżul biex iħejji l-aħħar ikla. F’dik l-ikla kien ħdejn Ġesù b’rasu ma’ sider Ġesù. Kien ukoll l-uniku fost l-appostli li għalkemm kien l-iżgħar fosthom baqa’ mal-Madonna taħt is-salib meta Ġesù kien imsallab sakemm miet u difnuh.

Minn fuq is-salib, ftit qabel miet, Ġesù fdah f’idejn il-Madonna, u fl-istess waqt talbu jieħu ħsiebha.

F’Ħadd il-Għid, Ġwanni mar jiġri flimkien ma’ San Pietru lejn il-qabar ta’ Ġesù, u emmen li Ġesù kien qam mill-mewt. Kien hu wkoll, l-ewwel wieħed, li għaraf lil Ġesù rxuxtat ħdejn il-baħar ta’ Tiberjade.

Ġwanni kien ma’ San Pietru ħdejn it-Tempju, wara l-Pentekoste, meta sar l-ewwel miraklu kbir – il-fejqan ta’ wieħed magħtub minn twelidu, li minħabba f’hekk kellu jqatta’ l-lejl fil-ħabs, flimkien ma’ San Pietru.

Wara li waqqaf il-Knisja f’Ġerusalemm huwa mar għal xi snin f’Efesu, fl-Asja Minuri (illum Turkija). Hawnhekk, skont tradizzjoni, għex mal-Madonna sakemm mietet, u kiteb il-Vanġelu u l-ittri.

Minħabba t-tagħlim tiegħu huwa ġie eżiljat għal xi żmien fil-gżira ta’ Patmos fejn kiteb l-Apokalissi. (Apokalissi 1:9)

Huwa ħadha bil-qawwa kollha mal-eretiċi li kienu jgħidu li Ġesù ma kienx Alla, u saħaq ħafna mal-Insara fuq il-kmandament tal-imħabba.

Huwa miet f’Efesu, l-aħħar fost l-Appostli, meta kellu madwar erbgħa u disgħin sena.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d