Fit-28 ta’ Diċembru l-Knisja tagħmel il-Festa tal-Qaddisin Innoċenti Martri.
Fit-tieni kapitlu tal-Evanġelju skont San Mattew, insibu li malli s-Sultan Erodi l-Kbir li taħtu twieled Ġesù, għaraf li kien ġie ngannat mill-Maġi, xegħel b’rabja kbira, u minnufih ordna l-massakru tat-tfal subien ta’ taħt is-sentejn f’Betlem u fl-inħawi ta’ madwar. Hu bbaża l-kalkoli tiegħu fuq id-dati li kien ġabar minn fomm il-Maġi.
Il-maġġoranza tal-kommentaturi jgħidu li n-numru tat-tfal innoċenti martri ma kienx jgħodd iżjed minn 25.
Din il-festa nsibuha tiġi ċċelebrata fil-Knisja sa mis-seklu ħamsa, u mis-seklu sitta ‘l quddiem il-jum tal-Festa sar it-28 ta’ Diċembru.
Dawn il-vittmi innoċenti huma meqjumin bħala “martri”, iżda mhux bħala martri ordinarji. Huma mhux biss mietu għal Kristu, iżda minflok Kristu.