Aktar kmieni din is-sena kelli l-grazzja naqla’ kalendarju interessantissmu għas-sena 2020. Dan il-kalendarju ngħożżu l-għaliex hu frott ta’ kunflitt, jew aħjar nuqqas ta’ qbil, li kelli ma’ din il-persuna. U, dan il-kuntrast, aktar iġagħlni ngħożż dan il-kalendarju u, fuq kollox, lil din il-persuna, b’qalbi kollha!
L-aktar ħaġa li laqtitni f’dan il-kalendarju kienet il-kwotazzjonijiet tabilħaqq profondi li jħaddan fih! Il-kwotazzjoni li biha jibda’ l-kalendarju hi dik meħuda minn Robert E. Frederick li tgħid hekk: Snin u snin ta’ ferħ jgħinuna biss biex nirrejalizzaw kemm aħna xxurtjati li għandna ħbieb li qasmu u għamlu dan il-ferħ rejaltà. X’għerf hux! L-għerf jiġi meta jkollna ħbieb li jaqsmu magħna l-ferħ li ngħaddu minnu. Imma din mhux l-istorja kollha ħbieb! Hemm it-tieni biċċa wkoll tagħha. U issa se nħalli lil San Pawl jissokta jgħallimni mill-ittri tiegħu stess dwar dan! Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Aħsbu f’xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli. Tagħmluhiex ta’ għorrief (Rum 12:15-16).
Dawn iż-żewġ versi nħobb noħodhom flimkien għax, min hu veru ħabib u ħabiba, ma jilgħabiex tal-għaref mal-ħabib tiegħu! Il-veru ħabib ma jaħsibx li hu xi ħaġa! Ma jaħsibx li għandu s-soluzzjoni ta’ kollox! Ma jagħmilhiex tal-għaref! Iżda jagħmel bħal Ġesù nnifsu! Li, fil-vanġelu li jiċċelebra l-intimità vera, jgħidilna hekk: Ma nsejjħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom (Ġw 15:15). Prosit Ġesù ħi! Għax qed tgħallimni li fil-ħbiberija vera ĦABI m’hemmx! U, bħal hubby (jiġifieri raġel miżżewweġ) fir-relazzjoni taż-żwieġ għandu jkun onest u miftuħ ma’ martu l-istess f’relazzjoni ta’ ħbiberija ma tridnix inkun dak li l-ħin kollu JAĦBI. Mela, fi ħbiberija vera u sinċiera, m’hemmx post għal kelma ĦABI! O Ġesu! Ma tridnix immur incognito! Fi ħbiberija tridni dejjem nuri min jien tassew!
Il-kwotazzjoni ta’ Jannar, minn awtur anonimu, tgħid hekk: Ibni għall-inkwiet tiegħek kaxxa b’saħħitha, u ara li kull parti minnha hi msaħħa mill-kura. Meta, bl-isforzi qawwija tiegħek tista’ tagħmilha, poġġi l-inkwiet tiegħek fiha. Poġġi fiha l-ħsibijiet ta’ falliment u kull tazza mrar li int xrobt. Aqfel fiha l-qsim il-qalb tiegħek fiha. Imbagħad poġġi fuqha l-għatu tagħha u IDĦAK!
Tajba l-ideja li tak il-Mulej sur jew sinjura inkella sinjorina anonimu u anonima! Imma, ħallini ftit infakkarek f’ħaġa: għax għandni nitfa’ dak kolli li ngħaddi minnu f’kaxxa? L-għaliex għandi nfaddal dmugħi u nitfgħu fi flixkien u nagħmlu fil-kaxxa jien? Ikolli ngħid li ma naqbilx ma din il-kwotazzjoni lanqas! Dan l-għaliex is-Salm jgħidli: Int għaddejt kull ċaqliqa tiegħi;
iġma’ fi flixkun id-dmugħ tiegħi. M’huwiex dan fil-ktieb tiegħek? (Salm 56:9). Mela, mhux jien ngħodd iċ-ċaqliqiet tiegħi! Kif qed tgħidli din il-kwotazzjoni anonima! U lanqas m’hu se nkun jien li niġma’ dmugħi fi fliexken żgħar! Iżda, kif qed tgħidli l-Kelma tal-Mulej stess, huwa Hu, il-Mulej, li jagħmel dan għalija!
Nissuktaw ninżlu aktar fil-fond f’dan il-kalendarju pjuttost partikulari! Hawnhekk sibt kwotazzjoni tabilħaqq li fiha x’togħmod ta’ ċertu Carl Sandburg. Iż-żmien huwa l-munita ta’ ħajtek. Huwa l-unika munita li għandek. U huwa int biss li se tiddetermina kif se jkun minfuq. Oqgħod attent li ma tħallix nies oħra jonfquhulek.
Din il-kwotazzjoni issa għalqitli ħajti! Għax tassew, dan Carl Sandburg, li kien poeta, ġurnalist u editur mit-tramuntana tal-Amerika, ħallieni bla kliem! Iva ħi! Huwa jien li rrid nieħu f’idejja r-riedni ta’ żmien ħajti! U mhux nagħti r-riedni ta’ żmien ħajti f’idejn ħaddieħor! Le! Il-Mulej ma jridx li nkun pupu u pupa li jitmexxa u titmexxa minn imnieħru u imneħierha! Le! Dan mhux fil-pjan tiegħu għalija! Il-Mulej ma jridnix inkun bniedem li nibbaża ħajti fuq il-likes li jagħmluli n-nies. Inkella fuq il-comments li jagħmluli fuq Facebook. U mhux għalhekk li tani kuxjenza biex inħalli lilha, u lilha biss, tmexxini f’ħajti? Mela ejja noqgħod b’seba’ mitt għajn biex inħalli lilha tressaqni lejn il-Mulej u mhux it-trends tas-soċjetà zoppa li hi miftuħa għal kull moviment u għalhekk mhux l-ewwel darba li tinġarr ma’ kull kurrent!
Mela issa nista’ nifhem dak li jgħid William Green meta qal: Inħoss li qisu għandi ħajja ġdida u se nieħu l-vantaġġ kollu minnha. Din għerf ħbieb! L-ewwel nett, il-kelma inħoss laqtitni bil-bosta! Dan l-għaliex din il-kelma m’hijiex sempliċi ħass li jgħaddi. U allura ma tantx ikun hemm x’tagħżlu minn dak il-ħass li soltu nitfgħuh jiġri u jiżżellaq mat-tadam ħalli fl-aħħar nirqaqu. Il-ħass li qed jitħaddet fuqu Green huwa dawk il-ħsus li jitħaddet minnhom Santu Wistin. Jiġifieri, dawk il-konvinzjonijiet ġewwiena, jew aħjar illuminazzjonijiet, li jwassalu għal dawn il-konvinzjonijiet samma daqs il-blat!
U x’inhi din il-konvinzjoni? Li f’kull ħajja hemm ħajja ġdida oħra! Ħajja ta’ grazzja! Ħajja ta’ tjieba! Ħajja, iva, qaddisa! U x’inhu s-sigriet għal din il-ħajja ġdida li qed joħodna lejha, ħelu ħelu, Green? It-tweġiba personalment sibtha fl-Ittra Apostolika li ħareġ Papa Franġisku dwar il-qdusija fid-dinja tallum, Gaudete et Exsultate, sewwasew fin-numru 11. F’dan in-numru l-Papa jgħid hekk:
“Kull wieħed fit-triq tiegħu”, jgħid il-Konċilju. Mela, m’għandniex għax naqtgħu qalbna meta naħsbu fuq mudelli ta’ qdusija li jidhru li ma jistgħux jintlaħqu. Hemm xhieda li jiswew biex jistimulawna u jimmotivawna, imma mhux biex infittxu li nikkupjawhom, għax dan jista’ anki jbegħidna mit-triq waħdanija u speċifika li l-Mulej żamm għalina. Dak li jgħodd hu li kull min jemmen, jagħmel dixxerniment tat-triq tiegħu u joħroġ l-aħjar minnu nnifsu, mill-karatteristiċi personali li Alla qiegħed fih (ara 1 Kor 12:7), u mhux li jinħela jfittex li jsir jixbah xi ħaġa li ma ġietx maħsuba għalih.
Mhux li kien li din is-sena, jien l-ewwel wieħed, ngħix b’aktar impenn it-triq waħdanija u speċifika tiegħi li l-Mulej żamm għalija! Le! Ma rridx nikkopja lil ħadd! Irrid inkun il-jien li ġej direttament mill-JIEN! Kif dejjem għedt lil min tani dan il-kalendarju u li, miskin u miskina, qatt ma fehmu u fehmitha dan. Forsi issa, la dan qed jgħidu Papa Franġisku stess, jibda’ jifhmu u tibda’ tifhimha!
Is-Sena t-Tajba lil kulħadd!
Patri Mario Attard OFM Cap