Kelma ħajja u qawwija


Il-Ġimgħa, 24 ta’ Jannar 2020: L-45 anniversarju mill-Parroċċa ta’ Fleur de Lys fil-Knisja ta’ Fleur de Lys.

82975417_3272972529386872_417554057637396480_o

KELMA ĦAJJA U QAWWIJA

Ħabat tajjeb li l-quddiesa fl-okkażjoni tal-45 anniversarju ta’ din il-parroċċa qed issir fil-ġurnata – illejla u għada – meta l-Knisja kollha qed tiċċelebra Jum il-Kelma ta’ Alla. Kien Papa Franġisku li fit-30 ta’ Settembru li għadda ħareġ Ittra Appostolika li fiha stabilixxa li jkun iċċelebrat Jum il-Kelma ta’ Alla fit-tielet Ħadd tas-sena liturġika.

Proprjament kull nhar ta’ Ħadd hu jum il-Kelma ta’ Alla. Imma l-Papa xtaq li f’ġurnata partikulari nirriflettu b’mod aktar profond fuq din il-Kelma biex nistgħu niċċelebrawha u nxerrduha ma’ oħrajn.

Nixtieq li f’din l-okkażjoni naħsbu fuq tliet punti partikulari dwar dak li l-Kelma ta’ Alla tgħid lil kull wieħed u waħda minna llum.

Dawl

Il-Kelma ta’ Alla hi dawl għal ħajjitna. Il-Profeta Iżaija jgħid: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir”, u dal-kliem hu ripetut fl-Evanġelju, is-silta minn San Mattew li juri li l-kliem iseħħ f’Ġesù. Fit-Testment il-Qadim, il-Kelma ta’ Alla kienet id-dawl għall-poplu Lhudi. Bil-miġja ta’ Ġesù fostna, il-Kelma li saret bniedem, huwa hu d-dawl. Kultant napprezzaw dan id-dawl ħafna aktar fil-mumenti ta’ dlam f’ħajjitna.

Ġesu hu d-dawl, għalhekk bil-kelma tiegħu jgħinna biex nifhmu dak li hu veru u nagħżluh minn dak li hu falz, dak li hu awtentiku minn dak li mhux, dak li jġib il-ferħ f’ħajjitna minn dak li jkattar id-dwejjaq. Il-Kelma ta’ Alla turina dak li verament jgħinna fit-triq tagħna f’ħajjitna. Kif għedna fis-Salm Responsorjali: “Il-Mulej hu d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi”.

Għaqda

Il-Kelma ta’ Alla hi kelma li għandha tgħaqqadna flimkien. Smajna lil San Pawl iħeġġeġ lill-Korintin biex ikunu magħqudin, fehma waħda u ħsieb wieħed. Iwissihom fuq il-fazzjonijiet u d-diviżjonijiet. San Pawl jgħid li xi wħud fil-komunità kienu jgħidu: “jien ta’ Pawlu”, “jien ta’ Apollo”. Imma hu jħeġġiġhom biex jiftakru li huma lkoll ta’ Kristu. Il-Kelma ta’ Alla qatt ma toħloq diviżjoni imma hi għajn ta’ għaqda.

Kultant dak li jsemmi San Pawl, miktub tant snin ilu, narawh jiġri fil-komunitajiet tagħna. Ġieli wkoll b’rabta mal-qaddisin: “Jien mal-Madonna”, “Jien mal-Madonna mtellgħa s-sema”, “Jien ma’ San Ġużepp”. Jekk aħna niftħu qalbna u moħħna għall-Kelma ta’ Alla, din turina li għandna napprezzaw id-diversità, il-gruppi differenti. Dawn huma rikkezza għall-Knisja u ma għandhom qatt ikunu mezz ta’ diviżjoni jew joħolqu konflitt. Hi r-rikkezza tal-familja waħda fi Kristu.

Missjoni

Il-Kelma ta’ Alla hi kelma li ssejħilna u tagħtina missjoni. Kif rajna fl-Evanġelju, meta Ġesù jdur u jsejjaħ lid-dixxipli, isejħilhom biex ikunu “sajjieda tal-bnedmin”. Is-sajjied hu dak li joħroġ, ma jibqax magħluq ġewwa. Għalhekk il-missjoni li nwasslu l-Kelma tfisser li noħorġu mill-għeluq. Inwasslu lil Ġesù l-ewwelnett permezz tax-xhieda ta’ ħajjitna li hi dejjem l-iktar importanti. L-ewwel ix-xhieda li ġa tkun qed tikkomunika, imbagħad il-kelma li tkun taqbel max-xhieda. Aħna lkoll imsejħin biex inkunu xhieda u dan fil-post fejn ngħixu u naħdmu.

Illum nirringrazzjaw lil Alla f’dan il-45 anniversarju tal-parroċċa. Nirringrazzjah ta’ dawn il-ġranet ta’ Viżta Pastorali f’din il-parroċċa u li ghada tasal fit-tmiem tagħha. Matul din il-Viżta Pastorali stajt nara kemm il-Kelma ta’ Alla għamlet u qed tagħmel ġid f’din il-komunità. Nirringrazzja lill-kappillan, lir-reliġjużi, u lil tant lajċi – ilkoll impenjati b’dedikazzjoni sħiħa.

Nitlob lill-Mulej għalikom ilkoll biex tkunu dejjem ispirati mill-Kelma tiegħu, u din il-Kelma tkun għalikom dawl li jiddi fid-dlam, għajn ta’ għaqda u sejħa għall-missjoni li twassalkom għand min għadu ma ltaqax ma’ Kristu.

 Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.