Naħdmu flimkien għall-ġid komuni b’mod speċjali favur min għandu l-iżjed bżonn


Is-Sibt, 25 ta’ Jannar 2020: L-Arċisqof fil-ftuħ tad-Dar Alberto Marvelli f’Dar Alberto Marvelli, Raħal Ġdid.

Ir-residenza Alberto Marvelli hi dar biex żgħażagħ bla dar ikunu jistgħu jgħixu fil-komunità b’mod indipendenti filwaqt li jingħataw l-appoġġ meħtieġ. Din id-dar, li tinsab Raħal Ġdid, ġiet inawgurata u mbierka mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-preżenza tal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, nhar is-Sibt 25 ta’ Jannar 2020.

Żgħażagħ bla dar se jkunu jistgħu joqogħdu temporanjament f’din id-dar waqt li jingħataw l-għajnuna biex isiru totalment indipendenti. L-għan hu li ż-żgħażagħ jgħixu fiha sa sentejn fejn jingħataw is-sapport u l-preparazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jimxu fil-komunità u jgħixu b’mod indipendenti.

Din id-dar ser titmexxa mill-Federazzjoni Nazzjonali tal-Past Pupils u Ħbieb ta’ Dun Bosco, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ Malta u Dar Osanna Pia.

Messaġġ mill-Arċisqof Charles J. Scicluna

Qabel inbierku d-dar, nixtieq l-ewwel nett nirringrazzja lil kulħadd ta’ din l-inizjattiva sabiħa, b’mod speċjali lill-familja Salesjana. Ilbieraħ għamilna l-festa ta’ San Franġisk de Sales, li hu l-ispiratur u li tissejħu Salesjani minħabba fih. Dalwaqt nagħmlu l-festa tal-fundatur Don Bosco.

Illum qed niċċelebraw il-konverżjoni tal-Appostlu Missierna San Pawl. Aħna l-Maltin ħadna ħsiebu meta ġie fostna għal tliet xhur. Il-protos tagħna Publiju laqa’ 276 persuna d-dar tiegħu fl-oqsma li kellu qrib Burmarrad għal tlitt ijiem. L-ospitalità hija parti mill-mod kif aħna dejjem urejna mhux biss l-umanità tagħna imma mbagħad ’il quddiem anki l-fidi tagħna.

Nixtieq nirringrazzja ħafna lill-Gvern, fil-persuna tiegħek Onorevoli Ministru. Insellem ukoll lis-Sinjura, li għandha rabta nostalġika u emottiva ma’ din id-dar. Kif għidt int, tajjeb li s-soċjetà taħdem flimkien għall-ġid komuni biex ma jkollniex sparpaljar ta’ enerġija, imma jekk jista’ jkun nilħqu l-għanijiet neċessarji u urġenti li għandna, b’mod speċjali f’dan il-każ li aħna nagħtu saqaf dinjituż u ambjent akkoljenti liż-żgħżażgħ Ii jkunu għaddejjin minn mument diffiċli jew m’għandhomx fejn jorqdu u jistrieħu.

Jien naħseb din l-opra, li hi tant Salesjana u li kif qal anki Kevin tħares lejn dak li jagħmilna Maltin, għax l-Ordni ta’ Malta tana ħafna sbuħija imma wkoll tana t-tradizzjoni li int tiddefendi wkoll lil min hu fqir.

Hawn barra qed issir triq ġdida. Qed isiru ħafna toroq ġodda. Hu sinjal li qed naħdmu għall-ġid komuni għax it-triq jużaha kulħadd. Hawnhekk ukoll qegħdin f’dar miftuħa għal kull min għandu bżonnu. Dan hu sinjal sabiħ li qegħdin naħdmu flimkien għall-ġid komuni b’mod speċjali favur min għandu l-iżjed bżonn. U qed nindirizzaw, bħalma qal l-Onor. Ministru, il-bżonnijiet attwali. M’għandniex għalfejn ikollna nostalġija għal dak li konna nagħmlu qabel. Għandna sfidi ġodda li għandna bżonn naffrontaw flimkien illum.