Il-mistħija tal-għera
Fil-Ġnien tal-Eden, Adam u Eva kienu għerja, “u ma kinux jistħu” (Ġen 2, 25). Kienu jħarsu lejn xulxin mingħajr ma jiġġudikaw lil xulxin, mingħajr ma jiġuhom ħsibijiet u xewqat mhux xierqa. Imma malli kielu mill-frotta tas-“siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin”, “infetħu għajnejhom, tagħhom it-tnejn, u ntebħu li kienu għarwenin u nisġu l-weraq tat-tin u għamlu iħżma.” (Ġenesi 3, 7). Meta Alla fittixhom, Adam mar staħba: “Smajt il-ħoss tiegħek fil-ġnien; u bżajt, għax kont għarwien, u nħbejt.” (Ġen 3, 10).
Kif tispjega din il-bidla, hekk f’daqqa? Għal Adam u Eva, l-għera ma kinitx problema, imma mbagħad bdew jistħu quddiem xulxin u ma ridux jaraw lilhom infushom għarwenin. Hawnhekk, l-għera teħodna għall-vulnerabbiltà ta’ min m’għandu xejn x’jipproteġih u hu espost għall-ħars hekk kif inhu. Wieħed ħossu ‘għarwien għalkollox’ meta jiġi ridikulat u mwaqqa’ għaċ-ċajt, meta l-oħrajn jagħmlu sinjal aħmar taħt l-iżbalji u d-dgħufijiet tiegħu. F’dawn il-waqtiet, li wieħed jipproteġi ruħu hu bżonn uman.
Kien hawn min qal li l-mistħija hi sinjal ta’ immaturità jew xi ħaġa li żżommok lura. Madankollu, Leon Wurmser, psikologu ta’ oriġini Lhudija, jiddefenixxi l-mistħija bħala l-‘għassiesa tad-dinjità umana’. Għax il-bniedem għandu bżonn il-mistħija biex jipproteġi ruħu mill-ħars tal-oħrajn, li lesti jiġġudikaw u jieħdu vantaġġ fuqu. Il-bniedem ma jridx jidher ‘għarwien’, għalkemm iħossu hekk meta għandu l-impressjoni li mhux qed jgħix skont l-ideal tiegħu, li mhuwiex perfett u li hu sottomess għall-ġudizzju tal-oħrajn. Il-vulnerabbiltà tidher meta m’għandux kontroll fuq dan.
Il-mistħija titwieled mill-ħars
Meta wieħed iħares lejn l-oħrajn b’imħabba, mingħajr ma jiġġudikahom, mingħajr ma jevalwa kull dettall u mingħajr xewqa li jippossedi lill-oħrajn, ikun qed juri tassew min hu, ikun għeri. Ġesù jitkellem dwar l-għajn li hi “f’sikitha”. Il-kelma Griega li tintuża hawn hi haplous, li tfisser “mingħajr intenzjonijiet moħbija, ċara u safja”. Ġesù jgħid: “Jekk għajnek hi safja, ġismek kollu jkun jiddi.” (Lq 11, 34). Imma jekk l-għajn hi b’intenzjonijiet ħżiena, jekk hi mimlija b’xewqat li mhumiex indaf u meta wieħed irid jaħkem lil-oħrajn, il-ġisem ukoll ikun imdallam. Fid-dinja tagħna, dejjem għandna l-biża’ li nkunu konfrontati minn ħars malinn, u hu leġittmu li nipproteġu lilna nfusna. Għalhekk li l-mistħija hi l-għassiesa tad-dinjità tagħna. F’ambjent fejn inħossuna maħbubin, nistgħu għall-kuntrarju nuru lilna nfusna “għerja”, vulnerabbli, hekk kif aħna.
Platun sa minn żmien twil ilu rrelata s-sabiħ mal-ħars. Anselm Grun, patri Benedittin, awtur ta’ diversi kotba ta’ kontemplazzjoni, jgħid li l-Ġermaniżi fil-lingwa tagħhom dejjem qagħdu attenti biex jorbtu s-sabiħ mal-ħars. Il-kelma li tfisser ‘sabiħ’ (schőn) ġejja mill-verb ‘tħares’ (schauen)). Jekk wieħed iħares lejh innifsu bl-imħabba, mela hu sabiħ. Meta wieħed iħares lejn ħaddieħor bl-imħabba, jiskopri s-sbuħija ta’ dik il-persuna. Għandu jħossu ikrah min iħares bi stmerrija lejh innifsu, u għalih ħaddieħor jidher ikrah meta ma jħarisx lejn il-persuna b’imħabba. Il-kelma schőn hi marbuta wkoll mal-verb schonen, li jfisser ‘tieħu ħsieb’, ‘issalva’ li ‘taħfer’ (lil xi ħadd). Hi sabiħa l-persuna li jien qed nieħu ħsieb, xi ħadd li qed neħles mill-ġudizzju tiegħi u li jien miniex infittex li nużah u nippossedih. Hu sabiħ dak li jien qed inħallih ikun dak li hu, filwaqt li qed intaffilu t-toqol mingħajr ma nużah għall-profitti tiegħi.
Il-mistħija teżisti fil-kulturi kollha
Il-mistħija teżisti fil-kulturi kollha, u jeżistu kullimkien regoli fuq il-mod ta’ kif in-nies għandhom jgħattu l-għera tagħhom. In-normi huma differenti u ħafna drabi jiddependu mill-klima u mit-tradizzjonijiet tan-nies. Imma kullimkien il-bniedem għandu bżonn li jitgħatta u jipproteġi ruħu mill-ħars u mix-xewqat ħżiena. Fil-verità, l-għera tal-ġisem mhix ħlief simbolu tal-għera tar-ruħ. Aħna ma rridux nesponu lilna nfusna u nkunu għerja quddiem l-oħrajn. Bħal ma rridux li jirridikulawna meta nkunu f’sitwazzjonijiet skabrużi. Għalhekk għandna fina sentiment qawwi ħafna li nipproteġu s-sigriet moħbi hekk tajjeb fir-ruħ tagħna.
Adam u Eva riedu jinħbdew minn Alla. Forsi aħna wkoll ġieli ridna li naħarbu minn Alla għax sibna ruħna f’sitwazzjoni ta’ għera. Għall-kuntrarju, il-mistħija għandha tistedinna biex nippreżentaw lil Alla dak kollu li tana u dak kollu li għamel magħna. Alla ma jiġġudikax, imma jħares lejna b’imħabba bla qies, u l-imħabba tiegħu hi bħal mantar li jgħattina u li jipproteġina. Meta nħossu l-mistħija, ħafna drabi jkun sinjal li m’aħniex naċċettaw xi ħaġa tagħna nfusna. Il-mistħija tistedinna biex noqogħdu quddiem Alla u nħalluh iħobbna.
B’dan il-mod il-mistħija ma twassalx għall-biża’, imma ssir is-sur tad-dinjità tagħna. M’għandniex bżonn li nipproteġu lilna nfusna minn Alla, imma li nipproteġu lilna nfusna mill-oħrajn, ladarba qed ngħixu fid-dinja u għad ma wasalniex il-Ġenna, lanqas il-‘Ġenna tal-Art’. Inżommu f’moħħna li l-mistħija hi “l-għassiesa tad-dinjità umana tagħna”.
Joe Galea
Dan l-artiklu deher ukoll fil-Leħen tal-Ħadd 2 ta’ Frar 2020