Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Anjeże ta’ Praga

Print Friendly, PDF & Email

Fit-2 ta’ Marzu l-Knisja tfakkar lil Santa Anjeże ta’ Praga, Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1211 sa 1282.

Din il-qaddisa kienet il-fundatriċi tal-ewwel monasteru tas-Sorijiet Klarissi ’l fuq mill-Alpi.

Hija twieldet fl-1211 fi Praga, u kienet bint ir-Re Otakar I tal-Boemja u tar-Reġina Kostanza, oħt Andrea II re tal-Ungerija. Hija kienet prima kuġina ta’ Santa Eliżabetta tal-Ungerija.

Ta’ tliet snin, Anjeże kienet mibgħuta fil-monasteru tas-sorijiet Ċisterċensi. Ta’ sitt snin ittieħdet lura Praga, u wara ġiet fdata lis-sorijiet Premostratensi ta’ Doksany biex tirċievi l-edukazzjoni li kien jixirqilha.

Fl-1220, minħabba li kienet imwiegħda bħala għarusa ta’ Enriku VII iben l-Imperatur Federiku II, Anjeże kienet meħuda fil-qorti tad-duka tal-Awstrija. Billi l-għerusija tħassret, hija marret lura Praga fl-1225. Wara riflessjoni matura hija ddeċidiet li tikkonsagra l-verġnità tagħha lil Alla.

Anjeże kienet semgħet minn xi predikaturi Franġiskani ġo Praga dwar il-ħajja qaddisa skont l-ispirtu ta’ San Franġisk li l-Verġni Klara kienet qed tgħix ġo Assisi. Hija nġibdet lejn dik il-kwalità ta’ ħajja u ddeċidiet li timxi fuq l-eżempju tagħha. Wara li waqqfet il-monasteru ta’ San Franġisk għas-“Sorijiet Foqra” jew “Damjaniti” (fl-1234), hija stess ingħaqdet magħhom nhar il-Pentekoste, fil-11 ta’ Ġunju, 1234.

Din l-azzjoni tagħha tant qajmet agħa fost il-klassi tal-aristokratiċi ta’ żmienha li mijiet ta’ tfajliet imxew fuq l-eżempju tagħha u daħlu f’kunvent.

Anjeże għaddiet b’kollox 45 sena bħala soru Klarissa u serviet għal żmien qasir bħala badessa fuq talba tal-Papa. Santa Klara ta’ Assisi kienet tistħajjilha hija nnifisha, u għadha teżisti korrispondenza li għaddiet bejn dawn iż-żewġ qaddisin. Flimkien ma’ Klara, Anjeże ħadmet biex tinkiseb l-approvazzjoni tar-regola ġdida li hija kienet ħaddnet.

Santa Anjeże ta’ Praga mietet fit-2 ta’ Marzu, 1282, fl-età ta’ 71 sena. Ħafna mirakli kienu attribwiti lil din il-prinċipessa-badessa. Hi kienet iddikjarata beata mill-Papa Piju IX fl-1874, u kkanonizzata mill-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-1988.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading