Il-Ħadd, 29 ta’ Marzu 2020: Niftakar f’ħafna nies li qed jibku: nies iżolati, nies fil-kwarantina, l-anzjani waħedhom, nies rikoverati fl-isptar u dawk li qed jieħdu xi terapija, il-ġenituri li mingħajr paga mhux qed jirexxilhom jitimgħu lil uliedhom. Hawn ħafna nies qed jibku. Aħna wkoll, minn qalbna, nakkumpanjawhom. U ma jagħmlilniex ħażin jekk inxerrdu wkoll ftit dmugħ bħal dak tal-Mulej minħabba l-poplu tiegħu.
Omelija
Ġesù kellu l-ħbieb. Kien iħobb lil kulħadd, imma xi ħbieb kellu relazzjoni speċjali magħhom, kif jiġri mal-ħbieb b’aktar imħabba, aktar kunfidenza… U kultant kien joqgħod fid-dar ta’ dawn ħutu: Lazzru, Marta u Marija… U Ġesù ħassu mnikket minħabba l-marda u l-mewt ta’ ħabibu. Jasal fejn il-qabar u jħossu mqanqal ħafna u mħawwad u jistaqsi: ‘Fejn qegħidtuh?’ (Ġw. 11, 34) U Ġesù beka. Ġesù Alla imma bniedem, jibki. Darb’oħra fl-Evanġelju jingħad li Ġesù beka: meta beka fuq Ġerusalemm (Lq. 19, 41-42). U b’liema tenerezza jibki Ġesù! Jibki minn qalbu, jibki bl-imħabba, jibki ma’ dawk li qed jibku. Il-biki ta’ Ġesù. Forsi kien hemm drabi oħra li beka tul ħajtu – ma nafux żgur. Forsi beka fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Imma Ġesù jibki bl-imħabba, dejjem.
Ħassu mqanqal għall-aħħar u mħawwad… u beka. Kemm drabi smajna dwar dil-kommozzjoni ta’ Ġesù fl-Evanġelju, b’dik is-sentenza li tittenna: ‘Ra u ġietu ħniena’ (cfr. Mt 9, 36; Mt. 13, 14). Ġesù ma jiflaħx jara n-nies bla ma jħoss ħniena. Għajnejh jaraw permezz ta’ qalbu; Ġesù jħares b’għajnejh, imma jara b’qalbu u jasal li jibki.
Illum, quddiem id-dinja li qed tbati ħafna, quddiem tant nies li qed ibatu mill-konsegwenzi ta’ dil-pandemija, nistaqsi lili nnifsi: għandi ħila nibki, kif żgur kien jagħmel Ġesù u kif għadu jagħmel issa? Qalbi tixbah lil dik ta’ Ġesù? U jekk hi iebsa wisq – anke jekk għandi ħila nitkellem, li nagħmel il-ġid, li ngħin, imma qalbi mhix imwaħħda ma’ dan, m’għandix ħila nibki – għandi nitlob dil-grazzja lill-Mulej. Mulej ħalli nibki miegħek, nibki mal-poplu tiegħek li f’dal-waqt qiegħed isofri. Hawn ħafna li qed jibku llum. U aħna, minn fuq dan l-altar, minn das-sagrifiċċju ta’ Ġesù, ta’ Ġesù li ma staħax jibki, nitolbu l-grazzja li nibku. Jalla llum għal kull wieħed u waħda minna jkun il-Ħadd tat-tixrid tad-dmugħ.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.