Idawwar kollox għall-ġid!

Print Friendly, PDF & Email

Min jista’ tabilħaqq jinsa dak li seħħ fil-Belt tal-Vatikan nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2020 fis-6.00 pm? Min tassew jista’ iħassar minn moħħu u moħħha dan l-avveniment straordinarju u li se jibqa’ imnaqqax fil-kotba tal-istorja?

Papa Franġisku żamm Urbi et Orbi speċjali f’dan il-jum tal-Ġimgħa mit-taraġ tal-Bażilika ta’ San Pietru. Is-soltu aħna mdorrija nirċievu l-barka Urbi et Orbi fis-Solennitajiet tal-Milied u l-Għid. Madankollu, din l-Urbi et Orbi ma ġietx mogħtija f’xi solennità. Xejn affattu! Anzi! Din il-barka straordinarja ġiet mogħtija qalb il-mard, il-mewt u n-niket minħabba s-sitwzzjoni globali li ġiet fuqna permezz tal-misħuta Covid-19, il-coronavirus! Ma tistax ma tkunx sitwazzjoni aktar drammatika minn hekk meta tqis li aktar minn nofs il-popolazzjoni tad-dinja tinstab maqfula f’darha stess bil-għan li ma tissuktax tinxtered aktar din il-marda qerrieda.

U f’din id-drama kollha Papa Franġisku, fi pjazza fejn soltu f’okkażjonijiet bħal dawn ma toqgħodx labra, issa spiċċa waħdu. Sulu. Bil-wieqfa. U, jekk jogħġbok, bix-xita nieżla fuq rasu. Taħt sema iswed u li jweġġagħlek rasek il-Papa kellem lid-dinja permezz tal-mezzi kollha tal-komunikazzjoni moderna, f’kelma waħda b’Facebook, YouTube, it-TV u r-Radju.

Fid-diskors tiegħu talab għad-dinja f’dan il-mument tassew kritiku fil-preżenza ta’ żewġ xbihat li sieħbu lin-nies ta’ Ruma għal sekli sħaħ: l-ikona qadima ta’ Marija Salus Populi Romani, u li titqiegħed fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore u l-kurċifiss mirakuluż li jinżamm fil-Knisja ta’ San Marcello f’Via del Corso.

L-aktar ħaġa importanti kienet li l-Papa espona s-Santissmu Sagrament għall-adurazzjoni u ta l-Barka Appostolika tiegħu filwaqt li offra lil kulħadd l-opportunità li nirċievu l-indulġenza plenarja. Madankollu, qabel il-Papa ta l-barka tiegħu, offra meditazzjoni mill-isbaħ u li ġġagħlek tirrifletti sewwa fuq il-kriżi li qed niffaċċjaw ilkoll, mal-erbat irjieħ tad-dinja. Franġisku sejjes il-meditazzjoni tiegħu fuq il-pass mill-vanġelu skont San Mark 4:35-41.

Ilna ġimgħat issa nistħajlu li sar filgħaxija, qal il-Papa. Dlamijiet ħoxnin inġemgħu fuq il-pjazez, it-toroq u l-bliet tagħna; ħakmu fuq ħajjitna u mlew kollox b’ħemda li ttarrax u vojt tal-mewt, li kull fejn jgħaddi jipparalizza kull ħaġa: jinħass fl-arja, jidher fil-ġesti, tgħidu kull ħarsa. Għalhekk, issokta jgħid Franġisku, erġajna sibna ruħna mbeżżgħa u mifxula. Bħad-dixxipli tal-Vanġelu, ir-riefnu qawwi li ma konniex qed nistennewh qabadna fuq sieq waħda. Intbaħna li ninsabu fuq l-istess dgħajsa, ilkoll dgħajfa u mifxula waqt li Ġesù kien rieqed fil-poppa.

Il-Papa qal li l-pandemija Covid-19 fakkrittna li ilkoll kemm aħna qiegħdin fl-istess dgħajsa. Għal din ir-raġuni qed ngħajtu lil Ġesù. Id-dixxipli staqsewh: Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu? (v. 38). Il-Papa qal li dawn il-kelmiet dejquh lil Ġesù għax m’hemm ħadd iżjed minnu li jimpurtah daqshekk minna. Minn naħa l-oħra, it-tempesta kixfet il-vulnerabbiltà tagħna u dawk iċ-ċertezzi foloz u tal-qoxra li bihom bnejna l-aġendi tagħna, il-proġetti tagħna, id-drawwiet u l-prijoritajiet tagħna. It-tempesta tikxef dawk it-tentattivi kollha li ppruvaw jilluppjawna. Dak li jibqa’ hu, jgħidilna l-Papa, l-appartenenza bħala aħwa ta’ xulxin, l-umanità komuni tagħna.

Imbagħad Papa Franġisku reġa’ mar lura għall-mistoqsija: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” Il-Papa ammetta li ikoll kemm aħna ġrejna bil-ħeffa kollha tant li ma ġejniex f’sensina quddiem il-gwerer u l-inġustizzji ta’ din l-art, ma tajniex widen għall-karba tal-foqra, u tal-pjaneta tagħna marida serjament. Huwa f’dan id-dawl li bħalissa ninsabu f’baħar imqalleb u qed ngħajtu b’leħen wieħed lill-Mulej: Qum, Mulej!

Issa huwa ż-żmien li nagħżlu. Għax Ġesù qiegħed jgħajtilna biex nikkonvertu. Qiegħed isejħilna għall-fidi. Issejħilna biex nilqgħu dan iż-żmien ta’ tiġrib bħala żmien ta’ għażla, qal il-Papa. Għall-kuntrarju ta’ kif qed jaħsbu xi wħud, issa mhux żmien tal-ġudizzju tal-Mulej iżda tal-ġudizzju li qed inwettqu aħna stess u fuqna nfusna b’ħajjitna. F’kelma waħda, skont il-Papa, dan hu ż-żmien li nagħżlu x’inhu li jiswa u x’inhu li jgħaddi, li nagħżlu bejn dak li hu meħtieġ u dak li mhuwiex.

Franġisku qal ukoll li din is-sitwazzjoni turina li nistgħu nitgħallmu minn ħafna persuni li, għalkemm imbeżża’, irrejaġixxew għal din iċ-ċirkustanza billi taw ħajjithom inklużi l-membri tat-team mediku, is-segretarji tas-supermarket, il-cleaners, is-saċerdoti, l-uffiċjali tal-pulizija u l-voluntieri. Dan kollu, il-Papa qal, hu frott tal-qawwa ħawtiela tal-Ispirtu msawba u magħġuna f’għotjiet kuraġġjużi u ġenerużi.

Din is-sitwazzjoni neħħitilna l-awtosuffiċjenza tagħna. Il-Papa qal li l-fidi tibda’ meta nagħrfu li aħna fil-bżonn ta’ salvazzjoni għax waħidna negħrqu żgur! Madankollu, jekk induru lejn Ġesù u nagħtuh il-beżgħat tagħna, qal il-Papa, hu jirbaħhom. Għax din hija l-qawwa ta’ Alla: kapaċi jibdel f’tajjeb dak kollu li jiġrilna, imqar il-ħwejjeġ koroh. Huwa jikkalma l-irwiefen tagħna, għax ma’ Alla l-ħajja ma tmut qatt. Għal dan il-għan il-Mulej qed jitlobna, f’dan il-mument, u qalb din it-tempesta, li nqumu u nħaddmu s-solidarjetà u t-tama li kapaċi jimlew bil-qawwa, kapaċi jwieżnu u jagħtu tifsira lil dawn is-sigħat li fihom kollox jidher qed jegħreq.

Fil-biċċa tal-pandemija Covid-19 is-Salib ta’ Ġesù hu t-tama tagħna. Is-Salib ta’ Ġesù hu l-ankra tagħna u kif ukoll it-tmun li bih ġejna mifdija. Dan l-għaliex bis-salib tiegħu ġejna mfejqa u mħaddna biex xejn u ħadd ma jifridna mill-imħabba feddejja tiegħu. Issokta jħeġġiġna l-Papa, qalb dan l-iżolament li fih qed inġarrbu n-nuqqas tal-ġesti ta’ mħabba u tal-laqgħat tagħna, qed induqu n-nuqqas ta’ tant affarijiet, ejjew nisimgħu mill-ġdid għal darb’oħra l-aħbar li ssalvana: huwa qam u jgħix magħna. Huwa għalhekk li nħaddnu magħna Salibu fit-tbatija tal-mument preżenti u nagħmlu wiesa’ f’qalbna għal dik il-kreattività li l-Ispirtu waħdu jista’ jqanqal fina. B’hekk inkunu qed nitgħannqu mal-Mulej biex inħaddnu t-tama: din hija l-qawwa tal-fidi, li teħles mill-biża’ u trodd it-tama.

F’dan iż-żmien ejjew induru lejn il-Mulej. Kien għalhekk li Papa Franġisku, fl-aħħar tal-meditazzjoni tiegħu, poġġa lilna ilkoll f’idejn il-Mulej, permezz tat-talb qawwi u matern tal-Verġni Imqaddsa Marija. B’hekk il-fidi tagħna ma titħarrikx f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi kbira.

Għeżież ħuti, minn dan il-post, li jirrakkonta l-fidi ta’ Pietru, samma bħall-blat, illejla nixtieq nafdakom ilkoll lill-Mulej, bl-interċessjoni tal-Madonna, Saħħa tal-poplu tagħha, Kewkba tal-baħar f’tempesta. Minn dan il-kolonnat li jħaddan lil Ruma u lid-dinja kollha ħa tinżel fuqkom, bħal tgħanniqa ta’ wens, il-barka ta’ Alla. Mulej, bierek lid-dinja, agħti saħħa lill-ġisem u faraġ lill-qalb tagħna. Int qed titlobna ma nibżgħux. Imma l-fidi tagħna hi dgħajfa u aħna mbeżżgħin. Imma int, Mulej, titlaqniex f’ħalq it-tempesta. Tennilna għal darb’oħra: “Tibżgħu xejn” (Mt 28:5). U aħna, flimkien ma’ Pietru, “nixħtu fuqek il-ħsibijiet kollha tagħna, għax int taħseb fina” (ara 1 Piet 5:7).

Meta l-Mulej għasarli tagħsira dan id-diskors tal-Papa Franġisku l-essenza tiegħu kienet waħda: il-Mulej idawwar kollox għall-ġid!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: