Il-Papa f’Santa Marta: Nitolbu għall-familji biex ikomplu jgħixu fil-paċi, bil-kreattività u bil-paċenzja, tul il-kwarantina


It-Tnejn, 4 ta’ Mejju 2020: Illum nitolbu għall-familji.  F’daż-żmien ta’ kwarantina, il-familja magħluqa d-dar tipprova tagħmel ħafna affarijiet ġodda, ħafna kreattività mat-tfal, ma’ kulħadd, biex tibqa’ għaddejja.  U hemm ħaġa oħra: kultant ikun hemm il-vjolenza domestika.  Nitolbu għall-familji biex ikomplu jgħixu fil-paċi, bil-kreattività u bil-paċenzja, tul il-kwarantina.

OmelijaIlkoll għandna Ragħaj wieħed: Ġesù

Meta Pietru tela’ Ġerusalemm, il-fidili ċanfruh (cfr. Atti 11, 1-8).  Ċanfruh għax kien daħal għand nies bla ċirkonċiżjoni u kiel magħhom, mal-pagani: dak ma setax isir, kien dnub.  Is-safa tal-liġi ma kinitx tippermettih.  Imma Pietru kien ġab ruħu hekk għax kien l-Ispirtu s-Santu li mexxieh lil hemm.  Fil-Knisja minn dejjem kien hemm – u aktar u aktar fil-Knisja tal-bidu, għax l-affarijiet ma kinux ċari – dan l-ispirtu ta’ ‘aħna ġusti, l-oħrajn midinbin’.  Aħna u huma, il-firdiet: aħna ġusti f’għajnejn il-Mulej, imma hemm ‘l-oħrajn’, dawk li diġà huma kkundannati.  Din hi marda fil-Knisja, marda li tinbet mill-ideoloġiji jew mill-partiti reliġjużi.  Niftakru li fi żmien Ġesù kien hemm tal-anqas erba’ partiti reliġjużi: il-partit tal-fariżej, il-partit tas-saduċej, il-partit taż-żeloti u l-partit tal-esseni, u kull wieħed kien jinterpreta l-Liġi skont il-fehma tiegħu.  Din hi idea ‘barra mil-liġi’, mod ta’ ħsieb, mod mondan li jrid jinterpreta l-liġi.  Kienu jċanfru lil Ġesù wkoll meta kien jidħol fid-djar tal-pubblikani – li skonthom kienu midinbin – u jiekol magħhom, mal-midinbin, għax is-safa tal-liġi ma kinitx tippermetti dan; meta ma kinux jaħslu jdejhom qabel jibdew jieklu… dejjem b’dik iċ-ċanfira li toħloq il-firda: dan hu l-aktar importanti, dan hu li rrid nisħaq fuqu.

Hemm l-ideat, pożizzjonijiet li joħolqu l-firda sal-punt li l-firda ssir aktar importanti mill-għaqda.  L-idea tiegħi hi aktar importanti mit-tmexxija tal-Ispirtu s-Santu.  Hemm kardinal emeritu, jgħix hawn fil-Vatikan, ragħaj bravu, li lill-fidili tiegħu kien jgħidilhom: ‘Il-Knisja tixbah lil xmara, uħud jinsabu fuq naħa, oħrajn fuq in-naħa l-oħra, imma l-importanti hu li kulħadd ikun fix-xmara.’  Din hi l-għaqda tal-Knisja.  Ħadd barra, ilkoll ġewwa.  B’dawn il-karatteristiċi.  Dan ma jifridx, mhux ideoloġija, huwa leċitu.  Imma għaliex il-Knisja hija dix-xmara tant wiesgħa?  Għax il-Mulej hekk irid.

Fl-Evanġelju l-Mulej jgħidilna: ‘Għandi wkoll nagħaġ oħra, li mhumiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed’ (Ġw. 10, 16).  Il-Mulej jgħid: ‘Għandi nagħaġ kullimkien u jien ir-ragħaj ta’ kulħadd.’  Il-kelma ta’ Ġesù ‘kulħadd’ hija importanti ħafna.  Niftakru fil-parabbola tal-festa tat-tieġ (cfr. Mt. 22, 1-10), meta l-mistednin ma ridux imorru: wieħed għax kien xtara għalqa, wieħed għax kien iżżewweġ… kollha ġabu l-iskuża tagħhom biex ma jmorrux.  U s-sid inkorla u qal: ‘Morru f’salib it-toroq u stiednu lil kull min issibu’ (v. 9).  Lil kulħadd.  Kbar u żgħar, għonja u foqra, tajbin u ħżiena.  Kulħadd.  ‘Kuħadd’ hi proprju l-viżjoni tal-Mulej li ġie għal kulħadd u miet għal kulħadd.  ‘Miet ukoll għal dak l-imsejken li għamilli ħajti nfern?’  Miet għalih ukoll.  ‘U għal dak il-brigant?’  Miet għalih, miet għal kulħadd.  Miet ukoll għal min ma jemminx fih jew iħaddan reliġjonijiet oħra: miet għal kulħadd.  Dan ma jfissirx li għandna nagħmlu l-prożelitiżmu: le.  Imma Hu miet għal kulħadd, iġġustifika lil kulħadd.

Hawn f’Ruma hawn mara, mara brava, professoressa (Maria Grazia), mara li, meta kienet issib ruħha f’diffikultà minħabba bosta problemi, u jibdew jiffurmaw ‘il-partiti’, kienet tgħid: ‘Imma Kristu miet għal kulħadd, nibqgħu għaddejjin!’  Għandna Redentur wieħed, għaqda waħda: Kristu miet għal kulħadd.  Imma t-tentazzjoni sofrieha Pawlu wkoll: ‘Jien ta’ Pawlu, jien ta’ Apollo, jien ta’ dan u tal-ieħor.’  U niftakru fina nfusna ħamsin sena ilu, fi tmiem il-Konċilju: il-firdiet li sofriet il-Knisja.  ‘Jien ma’ din l-idea, jien hekk naħsibha, int mod ieħor.’  Tajjeb li naħsbu hekk, imma f’għaqda mal-Knisja, taħt ir-Ragħaj Ġesù.

Żewġ affarijiet:  iċ-ċanfira li l-appostli taw lil Pietru għax kien daħal fid-dar tal-pagani, u Ġesù li jgħid: ‘Jien ir-ragħaj ta’ kulħadd.’  U jgħid ukoll: ‘Għandi nagħaġ oħra li mhumiex minn dan il-maqjel, lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor.  Huma jisimgħu leħni u jsiru merħla waħda’ (cfr. Ġw. 10, 16).

Hija t-talba għall-għaqda bejn il-bnedmin kollha, għax ilkoll, irġiel u nisa, ilkoll għandna Ragħaj wieħed: Ġesù.

Il-Mulej jeħlisna minn dil-psikoloġija tal-firda, li naqsmu, u jgħinna naraw f’Ġesù dil-ħaġa kbira: li fih aħna lkoll aħwa u Hu r-Ragħaj ta’ kulħadd.  Din hi l-kelma llum: ‘ilkoll, ilkoll!’ Jalla dil-kelma tibqa’ magħna matul il-ġurnata.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan Joe Huber.

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.