Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 26 ta’ Mejju

It-Tlieta, 26 ta’ Mejju 2020: Quddiesa u Rużarju fil-festa ta’ San Filippu Neri mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof. Quddiesa offruta għal dawk li qegħdin barra minn Malta jirċievu kura.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

F’dawn il-ġranet qabel Pentekoste, Għid il-Ħamsin, naqraw siltiet sbieħ ħafna imma pjuttost impenjattivi mill-Evanġelju skont San Ġwann. Propju d-diskors imsejjaħ saċerdotali ta’ Ġesù li nsibuh fil-kapitli 16 u 17 tal-Evanġelju skont San Ġwann.

Hawnhekk Ġesù qiegħed fi djalogu mal-Missier, ma’ Missieru l-Mulej. Qegħdin fl-aħħar ċena ftit sigħat qabel tibda l-passjoni ħarxa tiegħu, u Ġesù jitkellem dwar il-glorja, il-glorja li biha ta ġieħ lil Missieru u l-glorja li bih il-Missier jagħraf l-ubbidjenza tal-Iben.

“Jiena igglorifikajt lilek fuq l-art” (Ġw 17:4). U jgħidlu wkoll: “Waslet is-siegħa: agħti glorja lil Ibnek biex l-iben jagħti glorja lilek” (Ġw 17:1). Kelma sabiħa li tfisser li l-Ispirtu s-Santu hija propju din il-kelma glorja, bil-Grieg doxa. Ħafna drabi isem ieħor għall-Ispirtu s-Santu huwa propju glorja, l-Ispirtu li huwa l-glorja ta’ Ġesù.

Imma espressjoni sabiħa li nixtieq nieqaf ftit fuqha llum hija dik li Ġesù jgħid dwar id-dixxipli tiegħu, dwarna. “Dak kollu li huwa tiegħi, huwa tiegħek u dak li huwa tiegħek huwa tiegħi. U jien” jgħid Ġesù lill-Missier, “igglorifikat permezz tagħhom” (Ġw 17:10), permezz tad-dixxipli tiegħu. Issa aħna kif nigglorifikaw permezz tad-dixxipli tiegħu? Issa aħna kif nigglorifikaw lil Ġesù? Billi nsegwu l-kmandamenti tiegħu.

U l-glorja ta’ Ġesù tidher b’mod qawwi fil-qaddisin tiegħu. Illum qegħdin nagħmlu l-festa ta’ qaddis li fil-ħajja tiegħu gglorifika lil Ġesù billi xandar il-ferħ tal-Evanġelju, espressjoni tant għal qalb il-Papa Franġisku.

Filippu Neri kien bniedem li għex qrib ħafna l-poplu fit-toroq ta’ Ruma. Ħafna mill-knejjes fiċ-ċentru ta’ Ruma għadhom iżommu t-togħma u t-tifkira ta’ Filippu Neri li kien jgħix fis-seklu 16. Twieled fl-1515 u miet fl-1595, prattikament seklu sħiħ kien immarkat bil-ħajja u bil-preżenza ta’ dan is-saċerdot ġeneruż u qalbieni u għaref.

Kien bniedem li qatt ma fittex il-frugħa tad-dinja, kien jaf x’inhi, kien ittentat minnha wkoll u kellu umiltà kbira li ħabbitu ma’ ħafna nies anke man-nies qawwija ħafna u potenti, inkluż il-Papiet. Ħafna Papiet kienu jafdaw fil-parir ta’ San Filippu Neri.

Darba minnhom f’Ruma kien hemm mara li bdiet tgħid li tidhrilha l-Madonna u jidhrilha Ġesù u kienu jmorru ħafna nies għandha u saret importanti ħafna din. U l-Papa ried ikun jaf tassew x’inhi din il-mara li qed tgħid li hija santona. U bagħat lil Filippu u Filippu kien diġà anzjan dak iż-żmien u ma tantx kellu ħeġġa imma la talab il-Papa, Filippu kien iħares ’l fuq u jgħid: ‘nobdi u mmur’.

U inzerta li meta kellu jmur għand din il-mara ‘qaddisa’, bdiet maltempata kbira u wasal għandha, ħabbat il-bieb, għasra, mimli tajn u qalilha: ‘Sinjura, jimporta nidħol ftit nistrieħ għandek?’ U qaltlu: ‘Inti għasra, imġiddem, mimli tajn, tiġi għandi, mara qaddisa li tidhrilha l-Madonna?’ Qalilha: ‘Grazzi, sinjura, skużani li skomodajtek’. U mar lura, mar għand il-Papa. Qallu: ‘Santita, tinkwieta xejn, għax hemm m’hemm xejn’. U l-Papa qallu: ‘Grazzi, Pippo’.

Il-qaddisin għandhom x-ray speċjali. Tgħiduli allura speċjali huma. Bħalna, aħna nindunaw min hu fake u min mhuwiex. San Filippu wkoll kellu l-umiltà li jagħraf li huwa midneb u qatt ma kien jiġġudika lil xi ħadd. Espressjoni sabiħa tiegħu, kien jara lil xi ħadd dak iż-żmien jagħmel xi waħda tinkiteb, għall-forka! U ġieli kien jgħidilhom liż-żgħażagħ tiegħu: ‘Nistgħu nkunu aħna jekk mhux għall-grazzja t’Alla. Dak stajt inkun jien kieku mhux għall-grazzja t’Alla.’ U hekk kien jgħallimhom ukoll ma jiġġudikawx.

Jiena wegħedtkom li se ngħid storja waħda imma t-tentazzjoni mhux se nirbaħha għax se ngħid l-istorja l-oħra famuża tiegħu ta’ waħda li kienet tpaċpaċ ħafna fuq in-nies, marret tqerr għandu u qalilha: ‘Qabel ma nagħtik l-assoluzzjoni, mur aqbad tiġieġa, neħħilha r-rix kollu, imbagħad ħallihom itiru għat-triq hekk, mar-riħ. U erġa ejja’. Dik marret. Qaltlu: ‘Hekk għamilt lil din l-imbierka tiġieġa, nittiftha’. Qalilha: ‘Sewwa, sewwa issa mur u iġbor ir-rix’. Qaltlu: ‘Niġbor ir-rix? Tar mal-irjieħ kollha!’ Qalilha: ‘Sinjura, ipprova iġbor il-kelma li għedt!’ Qalilha: ‘Terġax, ejja ħa naħfirlek, imma terġax’.

Nitolbu lil San Filippu Neri biex aħna nħarsu lejn xulxin u lejna nfusna b’naqra ironija, ma neħdux lilna nfusna ħafna bis-serjetà, ibda mill-Isqof, il-Papa nħalluh waħdu. Imma wkoll nagħrfu li l-Evanġelju ta’ Ġesù huwa l-Evanġelu tal-glorja.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 19, 1-8
Salm: 67 (68), 2-3.4-5aċ.6-7ab
Evanġelju: Ġw 16, 29-33

Leave a Reply