Qari tal-Quddies tat-Tlieta tat-XIV-il ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tlieta

QARI I
Ladarba huma jiżirgħu r-riħ, għad jaħsdu r-riefnu.
Ħos 8, 4-7.11-13

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ħosegħa

Dan jgħid il-Mulej:
“Huma ħatru slaten f’Iżrael,
iżda dan ma kienx ġej minni;
għażlu prinċpijiet,
bla ma kont naf jien.

Il-fidda u d-deheb tagħhom
dewbuhom f’idoli
għall-qerda tagħhom stess.
Nistmerru l-għoġol tiegħek, Samarija!
Il-korla tiegħi xegħlet għalik.
Kemm se jdumu wlied Iżrael, bla ħila li jissaffew?
Dak għamlu raġel tas-sengħa; dak mhuwiex alla.
L-għoġol ta’ Samarija għad isir frak.
Ladarba huma jiżirgħu r-riħ,
għad jaħsdu r-riefnu.
Il-qamħ ma jsebbilx,
ma joħroġx dqiq minnu;
u jekk isir, jibilgħuh il-barranin.
Efrajm kattar l-altari biex jidneb,
altari biex jidneb saru għalih.
Kieku kelli niktiblu bl-eluf il-liġijiet tiegħi,
kieku jqisuhom liġijiet tal-barranin.
Jistgħu joffru l-vittmi u jieklu l-laħam,
lill-Mulej ma jogħġbuh xejn.
Għad jiftakar fi ħżunithom u ħtijiethom jikkastigahom.
Lejn l-Eġittu għad jerġgħu jmorru!”

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 113 B (115), 3-4.5-6.7ab-8.9-10

R/. (9a): Iżrael ittama fil-Mulej

Fis-smewwiet hu Alla tagħna;
hu jagħmel kulma jogħġbu.
Fidda u deheb huma l-allat tagħhom,
xogħol ta’ idejn il-bniedem. R/.

Għandhom il-fomm, u ma jitkellmux;
għandhom l-għajnejn, u ma jarawx;
għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux;
għandhom l-imnieħer, u ma jxommux. R/.

Għandhom l-idejn, u ma jmissux;
għandhom ir-riġlejn, u ma jimxux;
Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom,
u dawk kollha li jittamaw fihom. R/.

Iżrael ittama fil-Mulej;
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom.
Dar Aron ittamaw fil-Mulej;
hu l-għajnuna u t-tarka tagħhom. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10,14

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jiena r-ragħaj it-tajjeb, jgħid il-Mulej,
jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit.
Mt 9, 32-38

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, in-nies ġabu quddiem Ġesù wieħed imbikkem maħkum mix-xitan. Ġesù keċċa x-xitan, u l-imbikkem qabad jitkellem. In-nies stagħġbu, u bdew jgħidu: “Ħaġa bħal din qatt ma dehret f’Iżrael!”. Imma l-Fariżej qalu: “Dan bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċi x-xjaten”. Ġesù dar l-ibliet kollha u l-irħula jgħallem fis-sinagogi, ixandar l-Evanġelju tas-Saltna, u jfejjaq kull xorta ta’ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu. Ra n-nies u tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj. Imbagħad qal lid-dixxipli tiegħu: “Il-ħsad huwa kbir, iżda l-ħaddiema ftit. Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu