17. L-Iva ta’ Marija hija l-Bidu tal-Patt il-Ġdid


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 04/12/1991.

1. Diġa fit-Testment il-Qadim nitkellmu dwar xorta ta’ sponsalità bejn Alla u l-poplu tiegħu, jiġifieri Iżrael.

Hekk naqraw fit-tielet parti tal-profeziji ta’ Iżaija: “Ladarba l-għarus tiegħek huwa l-ħallieq tiegħek, Mulej tal-eżerċti huwa ismu; il-feddej tiegħek huwa l-Qaddis ta’ Iżrael, huwa msejjaħ Alla tal-art kollha” ( 54, 5). Il-katekeżi tagħna dwar il-Knisja bħal “sagrament tal-għaqda ma’ Alla” (Mysterium EcclesiaeLumen Gentium, 1) teħodna lura għal dak il-fatt tal-patt ta’ Alla ma’ Iżrael, il-poplu magħżul, li kien it-tħejjija għall-misteru fundamentali tal-Knisja, kontinwazzjoni tal-misteru stess tal-Inkarnazzjoni. Dan rajnieh fil-katekeżi preċedenti. F’dik tallum irridu nenfasizzaw li l-patt ta’ Alla ma’ Iżrael huwa ppreżentat mill-profeti bħala rabta sponsali. Ukoll dan l-aspett partikolari tar-rapport ta’ Alla mal-poplu tiegħu għandu valur figurattiv u preparatorju tar-rabta sponsali bejn Kristu u l-Knisja, il-poplu l-ġdid ta’ Alla, Iżrael il-ġdid mwaqqaf minn Kristu bis-sagrigiċċju tas-Salib.

2. Fit-Testment il-Qadim, barra mit-test ta’ Iżaija, insibu wkkoll oħrajn, b’mod speċjali fil-kotba ta’ Osea, ta’ Ġeremija, ta’ Eżekjel, li fihom il-patt ta’ Alla ma’ Iżrael huwa nterpretat f’analoġija tal-patt matrimonjali tal-għarajjes. Dejjem bis-saħħa ta’ dan il-paragun, dawn il-profeti jfaqqgħu kontra l-poplu magħżul l-akkuża li hu bħal għarusa nfidili u adultera. Hekk Osea: “Akkużaw lil ommkom, akkużawha għaliex hi m’għadhiex iktar marti u jien m’għadnix iktar żewġha”” (Os 2, 4). Ugwalment Ġeremija: “Bħal mara li hija nfidili għall-maħbub tagħha hekk intom, dar ta’ Iżrael intom infidili miegħi” (Ger 3, 20). U iktar, billi kellu quddiem għajnejh l-infedeltà ta’ Iżrael għal-liġijiet tal-patt, u b’mod speċjali d-dnubiet mtennija tal-idolatrija, Ġeremija jżid iċ-ċanfir serju: “Inti ddiżonerajt ruħek ma bosta maħbubin u tażżarda terġà lura għandi? Oraklu tal-Mulej” (Ġer 3, 1). Fl-aħħarnett Eżekjel: “Inti iżda, mitlufa wara sbuħitek u waqt li approfittajt ruħek mill-fama tiegħek, inti pprostitwixxejt ruħek billi offrejt lilek innifsek lil kull min għadda minn ħdejk” ( 16, 15; cf.  16, 29. 32).

Madankollu hemm bżonn li wieħed jgħid li l-kliem tal-profeti ma jinkludi ebda rifjut assolut u definittiv tal-għarusa adultera, imma pjuttost stedina għall-konverżjoni u wegħda ta’ riaċċettazzjoni tal-konvertita. Hekk Osea: “Nagħmlek (mill-ġdid) l-għarusa tiegħi għal dejjem, nagħmlek l-għarusa tiegħi fil-ġustizzja u fid-dritt, fit-tjubija u fl-imħabba, ngħarrsek miegħi fil-fedeltà u int tagħraf lil Sidek” (Os 2, 21-22). B’mod analogu Iżaija: “Għal waqt qasir tlaqtek, imma nerġà nieħdok lura b’imħabba mmensa. F’waqt ta’ rabja ħbejtlek għal ftit wiċċi; imma b’effett permanenti ġietni ħniena minnek, jġħid il-feddej tiegħek, il-Mulej” ( 54, 7-8).

3. Dawn l-aħbarijiet tal-profeti jmorru ‘l hemm mill-fruntiera storika ta’ Iżrael, u ‘l hemm mid-dimensjoni etnika u reliġjuża tal-poplu li ma żammx il-patt. Dawn iridu jitqiegħdu fil-prospettiva ta’ patt ġdid, indikat bħala ħaġa li kellha sseħħ fil-ġejjieni.  Dan jidher b’mod partikolari f’Ġeremija: “Jiena nilħaq patt mad-dar ta’ Iżrael wara dawk il-jiem . . . Inqiegħed il-liġi tiegħi f’ruħhom niktibha fuq qalbhom. Allura jien inkun l-Alla tagħhom u huma l-poplu tiegħi” (Ġer 31, 33). Xi ħaġa simili jħabbar Eżekjel, wara li kien wiegħed ir-ritorn lejn art twelidhom lill-eżiljati: “Nagħtihom qalb ġdida u spirtu ġdid inqiegħed fihom; ikunu l-poplu tiegħi u jien inkun Alla tagħhom” ( 11, 19-20).

4. It-twettiq ta’ din il-wegħda ta’ patt ġdid għandu l-bidu tiegħu f’Marija. L-annunzjazzjoni hija l-ewwel manifestazzjoni ta’ dan il-bidu. Infatti f’dak il-waqt nisimgħu lill-Verġni ta’ Nażżaret twieġeb bl-ubbidjenza tal-fidi għall-pjan divin etern tal-fidwa tal-bniedem permezz tal-Inkarnazzjoni tal-Verb: dik l-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla tfisser it-twettiq tat-tħabbir messjaniku, u fl-istess ħin it-tbexbix tal-Knisja bħala poplu tal-Patt il-Ġdid. Marija tagħraf id-dimensjoni messjanika tal-aħbar li tirċievi u tal-iva li biha twieġeb. L-evanġelista Luqa donnu jrid jenfasizza din id-dimensjoni, bid-deskrizzjoni partikulariġġjata tad-djalogu bejn l-Anġlu u l-Verġni, imbagħad bil-formulazjoni tal- Magnificat.

5. Mid-djalogu u mill-kantiku tiddi l-umiltà ta’ Marija, imma wkoll l-intensità li biha hija wkoll għexet fl-ispirtu tagħha l-istennija tal-attwazzjoni tal-wegħda messjanika magħmula lill-Iżrael. Il-kliem tal-profeti dwar l-patt sponsali ta’ Alla mal-poplu magħżul, miġbur u mmeditat f’qalbha, f’dawn il-waqtiet deċiżivi irriferuti minn Luqa, jidwu f’qalbha. Hija stess kienet tixtieq li tippersonifika fiha x-xbiha ta’ dik l-għarusa assolutament fidila u totalment mogħtija lill-Għarus divin, u għalhekk issir il-bidu tal-Iżrael il-ġdid, jew aħjar ta’ dak il-poplu mixtieq mill-Alla tal-patt, f’qalbu sponsali. Marija, li kemm fid-djalogu kif ukoll fil-kantiku ma tużax terminoloġija ibbażata għall-analoġija tal-isponsalità, tagħmel ferm iktar: hija tikkonferma u tikkonsolida konsagrazzjoni diġa fil-att, li ssir il-kondizzjoni regolari tagħha tal-ħajja. Infatti hija twieġeb lill-Anġlu tal-annunzjazzjoni: “Ma nagħrafx raġel” (Lq. 1, 34). Bħallikieku riedet tgħid: Jiena verġni mogħtija lil Alla, u miniex feħsiebni nitlaq lil dan l-Għarus, għaliex ma naħsibx li dan Alla jridu: Hu, hekk għajjur ta’ Iżrael, hekk sever ma min ittradih, hekk insistenti fis-sejħa ħanina tiegħu għar-rikonċiljazzjoni!

6. Marija taf sewwa bl-infedeltà tal-poplu tagħha, u trid tkun personalment għarusa fidila lejn l-Għarus divin eminentement maħbub. U l-Anġlu jħabbrilha t-twettiq fiha tal-patt il-ġdid ta’ Alla mal-umanità f’dimensjoni qatt maħsuba, bħall-maternità verġinali bl-opra tal-Ispirtu Santu. “L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, fuqek tifrex id-dell tagħha il-qawwa tal-Iktar Għoli” (Lq 1, 35). Il-Verġni ta’ Nażżret bl-opra tal-Ispirtu Santu issir b’mod verġinali l-Omma tal-Iben ta’ Alla. Il-misteru tal-Inkarnazzjoni jinkludi fl-isfera tiegħu din il-maternità ta’ Marija, operata b’mod divin bis-saħħa tal-Ispirtu Santu. Hemm jinsab mela l-bidu tal-Patt il-Gdid, li fih Kristu, bħala Għarus divin, jgħaqqad miegħu l-umanità, imsejħa biex tkun il-Knisja tiegħu bħala poplu universali tal-Patt il-Ġdid.

7. Diġa f’dak il-waqt tal-Inkarnazzjoni, Marija bħala Verġni Omm issir figura tal-Knisja fil-karattru tagħha f’ħin wieħed verġinali u matern. “Infatti – jispjega l-Konċilju Vatikan II – fil-misteru tal-Knisja, li hija b’mod ġust ukoll imsejħa omm u verġni, il-Beata Verġni Marija għaddiet ‘il quddiem, billi ppreżentat ruħha b’mod eminenti u singolari bħala verġni u bħala omm” (Lumen Gentium, 63). Bir-raġun kollu l-messaġġier mibgħut minn Alla sa minn l-ewwel waqt isellem lil Marija bil-kelma “Chaire” (= ifraħ). F’din it-tislima jidwi l-eku ta’ tant kliem profetiku tat-Testment il-Qadim: “Ifraħ bil-kbir bint Sijon, ifraħ, bint Ġerusalem! Hawn hu, ġej għandek is-sultan tiegħek. Huwa hu ġust u rebbieħ” (Żk 9, 9). “Ifraħ b’qalbek kollha, bint Ġerusalem! . . . il-Mulej huwa f’nofsok . . . La tibżax, Sijon . . . feddej qawwi . . . iġeddek b’imħabbtu, jifraħ għalik b’għajjat ta’ ferħ”” (Sof 3, 14-17). “La tibżax, o art, imma ifraħ, għaliex ħwejjeġ kbar għamel il-Mulej . . . Ulied Sijon, ifirħu, ifirħu fil-Mulej tagħkom. “Alla” (Gl 2, 21-23).

Marija u l-Knisja huma mela terminu rejalizzattiv ta’ dawn il-profeziji, fuq l-għatba tat-Testment il-Ġdid. Anzi wieħed jistà jgħid li fuq din il-għatba tinsab il-Knisja f’Marija u Marija fil-Knisja u bħala Knisja. Din hija waħda mill-opri meraviljużi ta’ Alla li huma oġġett tal-fidi tagħna.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb