18. Ġesù huwa l-Għarus tal-Poplu tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 11/12/1991.

1. “Ladarba l-għarus tiegħek huwa l-ħallieq tiegħek, Mulej tal-Eżerċti; feddej tiegħek huwa l-Qaddis ta’ Iżrael” ( 54, 5).

Mill-ġdid għal darb’oħrsa qegħdin inġibu dan il-kliem ta’ Iżaija, biex infakkru li l-profeti tat-Testment il-Qadim kienu jaraw f’Alla l-għarus tal-poplu magħżul. Iżrael kien meqjus bħala għarusa, spiss infidila minħabba dnubietha, b’mod speċjali għall-waqgħat fl-idolatrija. Il-Mulej tal-eżerċti madankollu kien jibqà fidil lejn il-poplu magħżul. Kien jibqà bħala “feddej”. Il-Qaddis ta’ Iżrael”.

Fuq l-art imħejjija mill-profeti, it-Testment il-Ġdid jippreżenta lil Ġesù Kristu bħala Għarus għall-Poplu ta’ Alla l-ġdid: huwa hu dak il-“feddej, il-Qaddis ta’ Iżrael” previst u mħabbar mill-bogħod: huwa fih li twettqu l-profeziji: il-Kristu-Għarus.

2. L-ewwel li ppreżenta lil Ġesù f’dan id-dawl huwa Ġwanni l-Battista fil-predikazzjoni tiegħu fuq ix-xtut tal-Ġordan: “miniex il-Kristu” – kien iwissi lis-semmiegħa tiegħu – “imma jien ġejt mibgħut qablu. Min jippossiedi l-għarusa huwa l-għarus; imma l-ħabib tal-għarus, li huwa preżenti u jisimgħu, jaqbes bil-ferħ jismà lill-għarus” (Ġw 3, 28-29). Bħal ma wieħed jara, it-tradizzjoni sponsali tat-Testment il-Qadim tidwi fl-għarfien li dan il-messaġġier dinjituż tal-Mulej għandu tal-missjoni tiegħu fir-rigward tal-identità tal-Kristu. Tal-identità tal-Kristu”. Huwa jaf min hu u “x’ingħatalu mis-sema”. Is-servizz kollu tiegħu f’nofs il-poplu huwa ndirizzat lejn l-Għarus li għandu jiġi. Ġwanni jippreżenta ruħu bħala l-“ħabib tal-għarus”, u jistqarr li l-ikbar ferħ tiegħu jinsab fil-fatt li ngħatalu li jismà leħnu. Għal dan il-ferħ huwa dispost li jaċċetta id-“diminuzzjoni” tiegħu, jew aħjar li jagħmel il-wisgħa  għal Dak li għandu juri ruħu, li huwa ferm ikbar minnu, u li għalih huwa lest jagħti ħajtu, la darba jaf li, skont il-pjan divin tal-fidwa, issa għandu “jikber” l-Għarus, “il-Qaddis ta’ Iżrael”: “Huwa għandu jikber u jien niċċekken” (Ġw 3, 30).

3. Ġesù ta’ Nażżaret mela jiġi ntroduċut f’nofs il-poplu tiegħu bħala l-Għarus li kien imħabbar mill-profeti. Dan jikkoffermah huwa stess meta, għall-mistoqsija tad-dixxipli ta’ Ġwanni: “Għaliex . . . id-dixxipli tiegħek ma jsumux?” (Mk 2, 18), iwieġeb: “Jistgħu jewwilla jsumu l-mistiedna għat-tieġ meta l-għarus huwa magħhom? Sakemm għandhom l-għarus magħhom, ma jistgħux isumu. Imma jaslu l-jiem li dan jitteħdilhom, u allura jsumu” (Mk 2, 19-20). B’din it-tweġiba Ġesù jġegħelna nifhmu li l-aħbar tal-profeti dwar Alla-Għarus, dwar “il-Feddej”, il-Qaddis ta’ Iżrael”, issib fih it-twettiq tagħha. Huwa jirrivela l-għarfien tiegħu tal-fatt li huwa l-Għarus fost id-dixxipli, li iżda, fl-aħħar, se . . . jitteħdilhom l- għarus” Għarfien kemm tal-messjanità, kif ukoll tas-Salib li fuqu jwettaq is-sagrifiċċju tiegħu b’ubbidjenza għall-Missier, kif kien imħabbar mill-profeti (cf.  42, 1-9; 49, 1-7; 50, 4-11; 52, 13-53, 12).

4. Dan li joħroġ mid-dikjarazzjoni ta’ Ġwanni fuq ix-xtut tal-Ġordan, u wkoll fit-tweġiba ta’ Ġesù għall-mistoqsija tad-dixxipli tal-Battista, jew aħjar li issa la l-Għarus imħabbar mill-profeti ġie, isib ukoll konferma wkoll fil-parabboli. Fihom l-espressjoni tal-mottiv sponsali hija indiretta, imma trasparenti biżżejjed. Ġesù jgħid li “is-saltna tas-smewwiet tixbaħ sultan li għamel festa tat-tieġ għal ibnu” (Mt 22, 2). It-totalità kollha tal-parabbola ttina x’nifhmu li Ġesù jitkellem dwaru, imma dan jagħmlu fit-tielet persuna, kif inhu xieraq għad-diskors tal-parabbola. Fil-kuntest tal-parabbola tas-sultan li jistieden għall-festa tat-tieġ ta’ ibnu, Ġesù bl-analoġija tal-festa nuzjali jenfasizza l-verità dwar is-saltna ta’ Alla, li huwa stess iġib fid-dinja, u l-istedin ta’ Alla għall-festa tat-tieġ tal-Għarus, jew aħjar l-aċċettazzjoni tal-messaġġ ta’ Kristu fil-komunjoni tal-poplu l-ġdid, li l-parabbola tippreżenta bħala msejjaħ għat-tieġ. Imma jżid r-referenza għaċ-ċaħda tal-istedina, li Ġesù għandu taħt għajnejh fir-realtà ta’ bosta mis-semmiegħa tiegħu. Iżid ukoll, għall-mistednin kollha ta’ żmienu u taż-żminijiet kollha, il-bżonn ta’ atteġġjament dehen tal-vokazzjoni riċevuta, issimboleġġjata mil-“libsa tat-tieġ” li għandhom jilbsu dawl li feħsiebhom jieħdu sehem fil-festa, tant li kull min ma jilbishiex jiġi mkeċċi mis-sultan, jiġifieri minn Alla l-Missier li jsejjaħ għall-festa ta’ Ibnu fil-Knisja.

5. Donnu li fid-dinja ta’ Iżrael, fl-okkażjoni tal-festi l-kbar, kien jitqiegħed fl-atriju tas-sala, għad-dispożizzjoni tal-mistednin, l-ilbies li kellhom jilbsu. Dan iġegħlna nifhmu ferm iktar is-sinifikat ta’ dak il-partikular tal-parabbola ta’ Ġesù: jiġifieri r-responsabiltà mhux biss ta’ dawk li jirrifjutaw l-istedina, imma wkoll ta’ dawk li jippretendu li jieħdu sehem mingħajr ma jqiegħdu ruħhom fil-kondizzjonijiet mitluba biex ikunu denji. Hekk hu għal min iqis u jipprofessa li hu segwaċi ta’ Kristu u membru tal-Knisja, mingħajr ma jakkwista il-“libsa tat-tieġ” tal-grazzja, ġeneratriċi ta’ fidi ħajja, ta’ tama, ta’ karità. Huwa minnu li din il-“libsa” – interna iktar milli esterna – tiġi mogħtija minn Alla nnifsu, awtur tal-grazzja u ta’ kull ġid tar-ruħ. Imma l-parabbola tenfasizza r-responsabiltà ta’ kull mistieden, ikun ġej minn fejn ikun ġej, dwar l-iva li għandu jagħti lill-Mulej li jsejjaħ u dwar l-aċċettazzjoni tal-liġi tiegħu, l-osservanza totali għall-esiġenzi tal-vokazzjoni nisranija, is-sehem dejjem iktar sħiħ fil-ħajja tal-Knisja.

6. Ukoll fil-parabbola tal-għaxar verġni, “li, qabdu l-lampi tagħhom, ħarġu jiltaqgħu mal-għarus” (Mt 25, 1), insibu l-analoġija sponsali wżata minn Ġesù biex ifiehem il-ħsieb tiegħu dwar is-saltna ta’ Alla u l-Knisja li fiha jikkonkretizza ruħu dan il-ħsieb. Hemm terġà tinstab ukoll l-insistenza tiegħu dwar il-bżonn tad-dispożizzjoni nterna, li mingħajrha wieħed ma jistax jipparteċipa fil-festa tat-tieġ. F’din il-parabbola Ġesù jergà jinsisti dwar il-prontezza, dwar il-viġilanza, dwar l-impenn fervoruż fl-istennija tal-Għarus. Ħamsa biss fost l-għaxar verġni kienu ħasbu sabiex il-lampi tagħhom ikomplu jħeġġu sal-wasla tal-Għarus. Lill-oħrajn,   traskurati, naqashom iż-żejt. “Wasal l-Għarus u l-verġni li kienu lesti daħlu miegħu għat-tieġ, u l-bieb ingħalaq” (Mt 25, 10). Din hija referenza delikata imma ċara dwar ix-xorti ta’ min jonqos mid-dispożizzjoni nterna għal-laqgħa ma’ Alla, u allura mill-fervur u mill-perseveranza fl-istennija; referenza, mela, għar-riskju li wieħed jistà jsib il-bieb magħluq f’wiċċu. Mill-ġdid għal darb’oħra insibu twissija għas-sens ta’ responsabiltà quddiem il-vokazzjoni nisranija.

7. F’dan il-punt, waqt li nmorru lura mill-parabbola għar-rakkont evanġeliku tal-fatti, jeħtiġilna nfakkru mill-ġdid il-festa tat-tieġ f’Kana tal-Galilea, fejn Ġesù kien mistieden flimkien mad-dixxipli (cf. Ġw 2, 1-11). Skont l-evanġelista Ġwanni, f’dik iċ-ċirkustanza huwa għamel l-ewwel miraklu, jiġifieri l-ewwel sinjal li jiċċertifika l-missjoni messjanika tiegħu. Huwa leċitu li ninterpretaw dak il-ġest tiegħu bħala mod li jġegħlna nifhmu, b’mod indirett, li l-Għarus imħabbar mill-profeti kien preżenti f’nofs il-poplu, Iżraeli. Il-kuntest kollu taċ-ċerimonja nuzjali jieħu f’dan il-każ sinifikat speċjali. B’mod partikolari, ninnutaw li Ġesù jopera dak l-ewwel “sinjal” tiegħu fuq talba ta’ Ommu. Huwa għażiż għalina li niftakru hawn dak li għidna fil-katekeżi preċedenti: Marija hija l-bidu u l-figura tal-Knisja-Għarusa tal-Patt il-Ġdid.

Ejjew nikkonkludu bil-qari mill-ġdid ta’ dak il-kliem finali tal-paġna ta’ Ġwanni: “B’dan il-mod Ġesù beda l-mirakli tiegħu f’Kana tal-Galilea, wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2, 11). F’dik il-b’dan il-mod hemm iddikjarat li l-Għarus diġa beda jaħdem. U madwaru diġa bdiet tieħu forma l-figura tal-Għarusa tal-Patt il-Ġdid, il-Knisja, preżenti f’Marija u f’dawk id-dixxipli preżenti għall-festa nuzjali.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: