20. L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu “Ejja”

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 08/01/1992.

1. L-appostlu Pawlu qalilna li « Kristu ħabb il-Knisja u ta lilu nnifsu għaliha».

Din il-verità fundamentali tal-ekklesjoloġija pawlina, rigward il-misteru tal-imħabba sponsali tar-Redentur għall-Knisja tiegħu, nerġgħu nsibuha u kkonfermata fl-Apokalissi, fejn Ġwanni jitkellem dwar l-għarusa tal-Ħaruf: «Ejja, se nurik l-għarusa, l-għarusa tal-Ħaruf». L-Awtur kien diġa ta d-deskrizzjoni tal-preparattivi: «”Wasal it-tieġ tal-Ħaruf; l-għarusa diġa lesta. Tawha libsa tal-għażel pur ileqq”. Il-libsa tal-għażel huma l-opri ġusti tal-qaddisin . . . Imberkin il-mistednin għall-festa tat-tieġ tal-Ħaruf». L-immaġni tat-tieġ u tal-festa nuzjali terġà mela lura wkoll f’dan il-ktieb ta’ natura eskatoloġika, fejn il-Knisja donnha meqjusa fil-forma tagħha ċelesti. Imma hija l-istess Knisja li dwarha tkellem Ġesù, waqt li ppreżenta ruħu bħala l-Għarus tagħha; li dwarha tkellem l-appostlu Pawlu, waqt li fakkar il-wegħda tal-Kristu-Għarus għaliha; u li dwarha jitkellem issa Ġwanni, bħala l-għarusa li għaliha ssagrifika ruħu l-Ħaruf-Kristu. Art u sema, żmien u eternità huma magħqudin f’din il-viżjoni traxxendenti tar-rapport bejn Kristu u l-Knisja.

2. L-Awtur tal-Apokalissi jiddeskrivi l-Knisja-Għarusa qabel kollox f’fażi dixxendenti, bħala don mill-għoli. L-għarusa tal-Ħaruf hija identifikata bħala «il- belt qaddisa, Ġerusalem, li kienet nieżla mis-sema, mingħand Alla, tiddi bil-glorja ta’ Alla», bħala Ġerusalem il-ġdida . . . lesta bħala għarusa mżejna għall-għarus tagħha». Jekk fl-ittra lill-Efesin Pawlu jippreżenta lil Kristu bħala Feddej li jsawwab id-doni lill-Knisja-Għarusa, fl-Apokalissi Ġwanni jiddeskrivi lill-istess Knisja-Għarusa, l-għarusa tal-Ħaruf, bħala dik li tirċievi mingħandu, bħala s-sors tagħha, il-qdusija u t-tħejjija għall-glorja ta’ Alla. Fl-Apokalissi jiddomina mela l-aspett dixxendenti tal-misteru tal-Knisja: id-don mill-għoli, li jesprimi ruħu mhux biss fl-oriġni tiegħu paskwali u pentekostali, imma wkoll fil-peregrinazzjoni kollha terrena fir-reġim tal-fidi. Ukoll Iżrael, il-poplu tal-Patt il-Qadim, iġġerra, u d-dnub ewlieni tiegħu kien dak li ittradixxa tali fidi, kien, jiġifieri, l-infedeltà lejn Alla li kien għażlu u ħabbu bħala għarusa. Għall-Knisja, Poplu ta’ Alla ġdid, l-impenn tal-fedeltà huwa ferm iktar qawwi u jdum sal-aħħar jum. Bħal ma naqraw fil-Konċilju Vatikan II, «hija wkoll [il-Knisja] hija verġni li tgħasses integra u pura il-fidi mogħtija lill-Għarus, u b’imitazzjoni tal-Omm ta’ Sidha, bis-saħħa tal-Ispirtu Santu, tikkonserva b’mod verġinali integra l-fidi, solida t-tama, sinċiera l-karità». Il-fidi hija l-assunzjoni fundamentali tal-imħabba sponsali li fiha l-Knisja tkompli l-pellegrinaġġ tagħha mibdi mill-Verġni Marija.

3. Ukoll l-Appostlu Pietru, li fil-viċinanzi ta’ Ċesarea ta’ Filippu kien ipprofessa lil Kristu fidi mħeġġa bl-imħabba, kiteb fl-ewwel ittra lid-dixxipli tiegħu: «Intom tħobbuh (Kristu), minkejja li ma rajtuhx; u issa mingħajr ma tarawh temmnu fih». Skont l-Appostlu, il-fidi fi Kristu mhix biss aċċettazzjoni tal-verità tiegħu, imma riferenza għall-Persuna tiegħu, milqugħa u maħbuba. F’dan is-sens mill-fidi toħroġ il-fedeltà, u l-fedeltà hija l-prova tal-imħabba. Infatti din hija mħabba li tiġi mqanqla minn Kristu u, permezz tiegħu tilħaq lil Alla biex tħobbu «bil-qalb kollha, bir-ruħ kollha, bil-moħħ kollu u bil-qawwiet kollha», bħal ma jgħid l-ewwel u l-ikbar kmandament tal-Liġi l-Qadima, ikkonfermatha u kkorraboratha minn Ġesù nnifsu.

4. Bis-saħħa ta’ din l-imħabba, mgħallma minn Kristu u mill-Appostli, il-Knisja hija l-Għarusa «li tgħasses pura u integra l-fidi mogħtija lill-Għarus». Immexxiha mill-Ispirtu Santu u movimentata mill-qawwa li tirċievi mingħandu, il-Knisja ma tistax tinfired minn mal-Għarus tagħha. Ma tistax issir infidila. Ġesù Kristu nnifsu, waqt li jagħti l-Ispirtu tiegħu lill-Knisja, jistabilixxi r-rabta li ma tinħallx. Ma nistgħux ma niġbdux l-attenzjoni, hawn, flimkien mal-Konċilju, li tali xbiha tal-Knisja magħquda ma’ Kristu b’mod li ma jinħallx issib espressjoni partikolari fil-persuna Miegħu marbuta bil-voti mqaddsa, bħal ma huma r-reliġjużi rġiel u r-reliġjużi nisa u b’mod ġenerali l-erwieħ ikkonsagrati. Huwa minħabba f’dan li huwa hekk essenzjali l-post tagħhom fil-ħajja tal-Knisja.

5. Il-Knisja iżda hija soċjetà li tiġbor fiha l-midimbin ukoll. Dwar dan huwa wkoll konxju l-Konċilju, li jikteb: «Il-Knisja, li tiġbor fi ħdanha l-midimbin, qaddisa fit-totalità u dejjem fil-bżonn ta’ purifikazzjoni, qatt ma twarrab fil-ġemb il-penitenza u t-tiġdid tagħha». Minħabba dan il-Knisja tfittex li tgħix bla ebda dubju fil-verità tal-Fidwa operata minn Kristu, imma tgħix ukoll fil-qrar tal-pekkaminożità umana ta’ wliedha. Imma hekk hu: fost it-tentazzjonijiet u t-tribulazzjonijiet tal-mixja storika tagħha, il-Knisja «hija sostnuta mill-qawwa tal-grazzja ta’ Alla, imwegħda mill-Mulej, sabiex minħabba d-dgħufija umana ma tiġi qatt nieqsa mill-fedeltà perfetta, imma tibqà għarusa denja ta’ Sidha, u ma taqtà qatt, bl-għajnuna tal-Ispirtu Santu, mit-tiġdid tagħha nfisha, sakemm permezz tas-salib tasal għad-dawl li ma jafx inżul». B’dan il-mod ix-xbiha apokalittika tal-Belt Qaddisa, li tinżel mis-sema, tattwa ruħha b’mod kostanti fil-Knisja bħala xbiha ta’ poplu fil-mixja tiegħu.

6. Imma fuq din il-mixja l-Knisja tavanza lejn id-destinazzjoni eskatoloġika, lejn l-attwazzjoni sħiħa tat-tieġ mal-Kristu deskritt mill-Apokalissi, lejn il-fażi finali tal-istorja tagħha.

Bħal ma naqraw fil-Kostituzzjoni konċiljari «Lumen Gentium»: «waqt li l-Knisja twettaq fuq din l-art il-pelleġrinaġġ tagħha (peregrinatur) bogħod mill-Mulej, hija bħal wieħed eżiljat, u tfittex u taħseb dwar l-affarijiet t’hemm fuq, fejn Kristu jinsab bilqiegħda fuq il-lemin ta’ Alla, fejn il-ħajja tal-Knisja hija moħbija ma’ Kristu f’Alla, sakemm mal-Għarus tagħha tidher mill-ġdid liebsa bil-glorja».

Il-pellegrinaġġ tal-Knisja fuq l-art huwa mela mixja mfawra bit-tama li ssib espressjoni sintetika f’dak il-kliem tal-Apokalissi:  «L-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu:  “Ejja!”». Dan it-test qisu konferma tal-karattru sponsali tal-Knisja fil-konfront ta’ Kristu, fl-aħħar paġna tat-Testment il-Ġdid.

7. F’dan id-dawl, nifhmu aħjar dak li jikteb il-Konċilju: «Il-Knisja “tkompli l-pellegrinaġġ tagħha fost il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-konsolazzjonijiet ta’ Alla” waqt li tħabbar il-passjoni u l-mewt tal-Mulej sakemm huwa jiġi. Mill-virtù tal-Mulej irxuxtat issib il-qawwa biex tirbaħ b’sabar u mħabba l-għawġ u d-diffikultajiet tagħha interni u esterni, u biex tiżvela lid-dinja, b’fedeltà, ukoll jekk mhux perfettament, il-misteru Tiegħu, sakemm fl-aħħar taż-żminijiet tkun immanifestata l-milja tad-dawl tiegħu».

F’dan is-sens, «l-Ispirtu u l-Għarusa jgħidu: “Ejja!”».

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: