Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tas-XXVI ġimgħa matul is-Sena. San Ġilormu, Presbiteru u Duttur tal-Knisja (TO)


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa

QARI I
Kif jista’ l-bniedem jieħu raġun ma’ Alla?
Ġob 9, 1-12.14-16

Qari mill-Ktieb ta’ Ġob

Ġob wieġeb lil sħabu u qal:
“Hekk hu, tassew, u hekk inżomm jien:
Kif jista’ l-bniedem jieħu raġun ma’ Alla?
Jekk jogħġbu jidħol f’qorti miegħu, lanqas iwieġbu waħda minn elf.
Hu għaref minn moħħu u ta’ ħila kbira;
min qatt ħarraxha miegħu u ħareġ bis-sliem?
Hu jheżżeż il-muntanji bla ma jintebħu,
u jaqlibhom ta’ taħt fuq fil-korla tiegħu.
Hu jċaqlaq l-art mis-sisien tagħha,
u l-kolonni tagħha jitriegħdu.
Jikkmanda x-xemx u ma titlax,
jaqfel il-kwiekeb u ma jfiġġux.
Hu waħdu firex is-smewwiet,
u saħaq dahar il-mostru tal-baħar.
Hu ħalaq l-Ors u l-Ġgant, it-Trajja u l-Kmamar ta’ Nofsinhar.
Hu jagħmel ħwejjeġ kbar ma nifhmuhomx, għeġubijiet bla għadd.
Jekk jgħaddi minn ħdejja ma narahx,
iwarrab minni bla nittendi bih.
Jekk jiġi jaħtaf min se jżommu?
Min se jgħidlu: “X’int tagħmel hemm?”.
Kif nista’ mela nwieġeb jiena?
Xi kliem nagħżel għal quddiemu?
Għad li jien ġust ma nistax inwieġeb,
u flok id-dritt ikolli nitlob il-ħniena.
Jekk inħarrku ma jweġibni xejn,
għad li nemmen li leħni jisimgħu”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 136 (137), 1-2.3.4-5.6

R/. (6a): Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik Ġerusalemm

F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja,
hemm qgħadna bilqiegħda
u bkejna, aħna u niftakru f’Sijon.
Mas-siġar tal-luq tagħha,
dendilna ċ-ċetri tagħna. R/.

Għax hemm, dawk li jassruna,
talbuna ngħannulhom xi għanja;
dawk li hemm għakksuna stennew minna għana ta’ ferħ:
“Għannulna mill-għana ta’ Sijon!” R/.

Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej
f’art barranija?
Tibbiesli idi l-leminija,
jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm! R/.

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,
jekk ma niftakarx fik,
jekk ma nżommx ’il Ġerusalemm
’il fuq minn kull ferħ tiegħi! R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Fil 3, 8-9

Hallelujah. R/. Hallelujah
Minħabba fi Kristu ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis,
biex nirbaħ lilu, u nkun ninsab fih.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.
Lq 9, 57-62

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qal lil Ġesù: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”. Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja”. Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla”. U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar”. Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu