Qari tal-Quddies tal-Ħamis tat-XXX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ħamis

QARI I
Ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, iżżommu weqfin.
Efes 6, 10-20

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin

Ħuti, twettqu fil-Mulej u ssaħħu bil-qawwa tiegħu. Ilbsu l-armatura ta’ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan. Għax il-ġlieda tagħna mhijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawiet, kontra l-Prinċpijiet ta’ din id-dinja ta’ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisa’ tas-smewwiet.

Għalhekk ħudu fuqkom l-armatura ta’ Alla, ħalli tkunu tistgħu tieqfu fi żmien il-ħażen, u, wara li tkunu għamiltu ħilitkom kollha, iżżommu weqfin. Żommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità, ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja, u xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem; ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi; li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin; ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla.

Itolbu dejjem fl-Ispirtu, b’kull xorta ta’ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu, u itolbu għall-ħtiġiet tal-qaddisin kollha. Itolbu għalija wkoll, biex meta niftaħ fommi tingħatali l-kelma, ħalli b’wiċċi minn quddiem inxandar il-misteru tal-Evanġelju, li tiegħu jiena l-ambaxxatur fil-ktajjen. Jalla jien u nxandar inkun nista’ nitkellem b’wiċċi minn quddiem kif għandi nagħmel.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 143 (144), 1.2.9-10

R/. (1a): Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi

Imbierek il-Mulej, il-blata tiegħi,
li jħarriġli jdejja għat-taqbida
u subgħajja għat-taqtigħa. R/.

Tieba tiegħi u qawwa tiegħi,
kenn tiegħi u ħellies tiegħi,
tarka tiegħi, fih jien nistkenn;
hu li jrażżan il-popli taħti. R/.

O Alla, għanja ġdida rrid ninsiġlek,
fuq arpa ta’ għaxar kordi ngħannihielek.
Int li tagħti r-rebħa lis-slaten,
li teħles lil David, il-qaddej tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Lq 19, 38

Hallelujah. R/. Hallelujah
Imbierek is-Sultan, li ġej f’isem il-Mulej!
Sliem fis-sema, u glorja fil-għoli tas-smewwiet.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm.
Lq 13, 31-35

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Dak il-ħin stess resqu fuq Ġesù xi Fariżej u qalulu: “Mur, itlaq minn hawn, għax Erodi jrid joqtlok”. U hu qalilhom: “Morru għidulu lil dak il-volpi: “Ara, jiena nkeċċi x-xjaten u nfejjaq il-mard illum u għada, u fit-tielet jum nasal fit-tmiem tiegħi. Madankollu llum u għada u pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm”.

Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx! Ara, darkom għad iħalluhielkom ħerba! U ngħidilkom, li m’intomx se terġgħu tarawni sa dakinhar li tgħidu: “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu