Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tat-XXX ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

It-Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù.
Fil 1, 1-11

Bidu tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Filippin

Pawlu u Timotju, qaddejja ta’ Kristu Ġesù, lill-qaddisin kollha fi Kristu Ġesù, flimkien mal-isqfijiet tagħhom u d-djakni li jinsabu fil-belt ta’ Filippi. Il-grazzja lilkom u s-sliem mingħand Alla Missierna u mingħand il-Mulej Ġesù Kristu!

Niżżi ħajr lil Alla tiegħi kull meta niftakar fikom, u nitlob dejjem ferħan fit-talb tiegħi għalikom, minħabba s-sehem li intom ħadtu fix-xandir tal-Evanġelju, mill-ewwel jiem sal-lum. Jiena żgur minn dan: li dak li beda din l-opra tajba fikom, iwassalha għat-tmiem tagħha sa ma jasal il-jum ta’ Kristu Ġesù.

Ħaġa sewwa li jiena naħseb hekk fikom ilkoll, għaliex jiena nġibkom f’qalbi, lilkom ilkoll, li qsamtu miegħi l-grazzja li għandi, kemm issa li jien marbut bil-ktajjen, u kemm meta kont niddefendi u nwettaq l-Evanġelju. 8Iva, jixhidli Alla kemm jien miġbud lejkom bil-qalb ta’ Kristu Ġesù!

U jien dan nitlob: li l-imħabba tagħkom tikber u toktor dejjem iżjed bl-għerf u b’kull dehen, biex tistgħu tagħrfu tagħżlu l-aħjar, u mbagħad tkunu safja u bla ebda ħtija fil-jum ta’ Kristu, mimlijin bil-frott tal-ġustizzja li ġejja permezz ta’ Ġesù Kristu, għall-glorja u l-foħrija ta’ Alla.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 110 (111), 1-2.3-4.5-6

R/. (2a): Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej

Irrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha,
fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.
Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej;
ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom. R/.

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej;
għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.
Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu;
twajjeb u ħanin il-Mulej. R/.

Hu jagħti l-għajxien lil min jibża’ minnu,
jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu.
Wera lill-poplu tiegħu l-qawwa ta’ għemilu,
meta qassam lilhom art il-ġnus. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 10, 27

Hallelujah. R/. Hallelujah
In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,
u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f’ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?
Lq 14, 1-6

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba, kien is-Sibt, u Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. U resaq quddiemu wieħed marid bl-ilma. Ġesù dar fuq l-għorrief tal-Liġi u l-Fariżej u qalilhom: “Jiswa jew le li wieħed ifejjaq f’jum is-Sibt?”. Huma ma tkellmu xejn iżda hu qabad lir-raġel, fejqu u bagħtu. Imbagħad qalilhom: “Min minnkom se jaqagħlu ibnu jew barri f’ġiebja u għax ikun is-Sibt ma jmurx malajr itellgħu minn hemm?”. U ma kellhomx il-ħila jwiġbuh għal dan.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu