87. Il-Gruppi Lajċi jippromwovu l-missjoni tal-Knisja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 23/03/1994.

Il-Konċilju Vatikan II, fl-assenjar ta’ impetu ġdid lill-apostolat tal-lajċi, kellu l-urġenza li jenfasizza li l-forma ewlenija, fundamentali u insostitwibbli tal-attività għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu hija dik imwettqa mill-membri individwali tal-Knisja (cf. Apostolicam actuositatem, 16).

Kull nisrani huwa msejjaħ għall-apostolat, kull lajk huwa msejjaħ biex jimpenja ruħu personalment fix-xhieda, waqt li jieħu sehem fil-missjoni tal-Knisja. Dan jassumi u jeħtieġ konvinzjoni personali, imwielda mill-fidi u mis-“sensus Ecclesiae” li hija tħeġġrġ fl-erwieħ. Jekk dak li jkun jemmen u feħsiebu jkun Knisja, ma jistax ma jkunx konvint mid-“dmir oriġinali, insostitwibbli u indelagabbli” li kull fidil għandu “biex iwettaq għall-ġid ta’ kulħadd” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 28).

Ma tagħmel qatt biżżejjed biex iddaħħal f’ras il-fidili l-għarfien tad-dmir li jikkoperaw fil-bini tal-Knisja, għall-miġja tas-Saltna. Lil-lajċi wkoll tmiss l-animazzjoni evanġelika tar-realtajiet temporali. Bosta huma l-possibiltajiet tal-impenn, b’mod speċjali fl-oqsma tal-familja, tax-xogħol, tal-professjoni, taċ-ċirkoli kulturali u rikrejattivi eċc.: u bosta wkoll huma l-persuni, fid-dinja tallum, li jridu jagħmlu xi ħaġa biex itejbu l-ħajja, biex jirrendu iktar ġusta s-soċjetà, biex jikkontribwixxu għall-ġid tal-bnedmin. Għalihom l-iskoperta tal-għotja nisranija tal-apostolat tistà tibni l-iżvilupp l-iktar għoli tal-vokazzjoni naturali għall-ġid komuni, li jirrendi iktar validu, iktar motivat, iktar nobbli, u forsi wkoll iktar ġeneruż, l-impenn.

2. Imma hemm vokazzjoni naturali oħra li tistà u għandha tattwa ruħha fl-apostolat ekkleżjali: dik assoċjattiva. Fuq il-pjan soprannaturali, it-tendenza tal-bnedmin biex jassoċjaw ruħhom tarrikkixxi ruħha u togħla għal-livell tal-komunjoni fraterna fi Kristu: b’dan il-mod ikollha is-“sinjal tal-komunjoni u tal-għaqda tal-Knisja fi Kristu li qal: “Fejn hemm tnejn jew tlieta miġburin f’ismi jien inkun f’nofshom”” (Mt 18, 20)” (Apostolicam Actuositatem, 18).

Din it-tendenza ekkleżjali għall-apostolat assoċjattiv għandha bla ebda dubju ġenesi soprannaturali fil-“karità” mferrxa fil-qlub mill-Ispirtu Santu (cf. Rm 5, 5), imma l-valur tejoloġiku tagħha jaqbel mal-esiġenza soċjoloġika li d-dinja moderna twassal fl-għaqda u fl-organizzazzjoni tal-forzi biex jintlaħqu l-iskopijiet prefissi. Ukoll fil-Knisja, jgħid il-Konċilju, “l-għaqda stretta biss tal-forzi tistà twassal biex jintlaħqu għal kollox l-finalitajiet kollha tal-apostolat tallum u biex ikun difiż b’mod validu l-ġid” (Apostolicam Actuositatem, 18). Dan huwa l-għaqid u l-koalizzjoni tal-attivitajiet ta’ dawk li jipproponu ruħhom biex jonqxu bil-messaġġ evanġeliku fl-ispirtu u fil-mentalità tan-nies li jinsabu fil-kondizzjonijiet soċjali differenti. Dan huwa li tattwa evanġelizzazzjoni li kapaċi teżerċità influss fuq l-opinjoni pubblika u fuq l-istituzzjonijiet: u biex jintlaħaq dan l-iskop hija meħtieġa azzjoni mwettqa fi grupp u organizzata sewwa (cf. Ivi).

3. Il-Knisja, għalhekk, tinkoraġġixxi kemm l-apostolat individwali kif ukoll dak assoċjattiv, u mal-Konċilju jenfasizza d-dritt tal-lajċi biex tifforma xi assoċjazzjonijiet għall-apostolat: “Suġġetta għar-relazzjoni xuerqa mal-awtorità ekkleżjastika, il-lajċi għandhom id-dritt li joħolqu u jiggwidaw assoċjazzjonijiet u jagħtu isimhom lil dawk imwaqqfa” (Ivi, 19).

Ir-relazzjoni mal-awtorità ekkleżjastika tinvolvi rieda fondamentali ta’ armonija u ta’ koperazzjoni ekkleżjali. Imma ma timpedix l-awtonomija propja tal-assoċjazzjonijiet. Jekk fis-soċjetà ċivili d-dritt li titwaqqaf assoċjazzjoni huwa rikonoxxut bħala dritt tal-persuna, ibbażat fuq il-libertà tal-bniedem li jingħaqad ma’ bnedmin oħra biex jikseb skop komuni, fil-Knisja id-dritt tat-twaqqif ta’ assoċjazzjoni biex issegwi l-formalitajiet reliġjużi toħrog, ukoll għall-fidili lajċi, mill-Magħmudija, li tinvolvi f’kull nisrani l-possibiltà, id-dmir u l-qawwa ta’ parteċipazzjoni attiva għall-komunjoni u għall-missjoni tal-Knisja (cf. Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, 29). F’dan is-sens tesprimi ruħha wkoll il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku: “Il-fidili għandhom id-dritt li jwaqqfu u jmexxu b’mod liberu assoċjazzjonijiet li jipproponu skop ta’ karità jew ħniena, inkella ż-żieda tal-vokazzjoni nisranija fid-dinja; għandhom ukoll id-dritt li jżommu laqgħat għall-ilħuq komuni ta’ tali skopijiet” (Codex Iuris Canonici, can. 215).

4. Infatti fil-Knisja, il-lajċi jagħmlu dejjem iktar użu minn din il-libertà. Fl-imgħoddi, biex ngħidu s-sewwa, ma jonqsux assoċjazzjonijiet tal-fidili, imwaqqfa fil-forom possibbli għal dawk iż-żminijiet. Imma mhemmx dubju li llum il-fenomenu għandu wisgħa u varjetà ġodda. Maġemb il-Fratellanzi antiki, il-Miserikordji, l-Għaqdiet tal-Ħniena, it-Terz Ordni eċċ. naraw jiżviluppaw ruħhom forom aggregattivi ġodda. Dawn huma gruppi, komunitajiet, movimenti li jsegwu varjetà kbira ta’ skopijiet, ta’ metodi, ta’ oqsma operattivi, imma dejjem   bi skop fundamentali wieħed: iż-żieda tal-ħajja nisranija u l-koperazzjoni fil-missjoni tal-Knisja (cf. Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, 29).

Bogħod milli tkun ħażen, id-diversità tal-forom assoċjattivi hija pjuttost manifestazzjoni tal-libertà sovrana tal-Ispirtu Santu li jirrispetta u jinkoraġġixxi d-diversità ta’ tendenzi, temperamenti, vokazzjonijiet, ħiliet eċċ. eżistenti fost il-bnedmin. Huwa ċert iżda li fil-varjetà hemm bżonn li dejjem tinżamm l-ansjetà tal-għaqda, waqt li jkunu evitati r-rivalitajiet, it-tensjonijiet, it-tendenzi għall-monopolju tal-apostolat jew għall-primati li l-istess Vanġelu jeskludi, u waqt li jinżamm ħaj dejjem fost il-ħafna assoċjazzjonijiet l-ispirtu tal-partiċipazzjoni u tal-komunjoni, biex tassew jikkontribwixxi għat-tifrix tal-messaġġ evanġeliku.

5. Il-kriterji li jippermettu li tingħaraf l-ekkleżjalità, jiġifieri l-karattru awtentikament kattoliku tad-diversi assoċjazzjonijiet, huma: a) il-primat mogħti għall-qdusija u għall-perfezzjoni tal-karità bħala skop tal-vokazzjoni nisranija; b) l-impenn li dak li jkun jistqarr b’mod responsabbli l-fidi kattolika f’komunjoni mal-maġisteru tal-Knisja; c) il-parteċipazzjoni għall-fini apostoliku tal-Knisja bl-impenn ta’ preżenza u ta’ azzjoni fis-soċjetà umana; d) ix-xhieda ta’ komunjoni konkreta mal-Papa u mal-Isqof propju (cf. Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, 30).

Dawn il-kriterji jiġu segwiti u applikati bi skop lokali, dijoċeżan, reġġjonali, nazzjonali u wkoll fuq livell tar-rapporti internazzjonali bejn enti kulturali, soċjali, politiċi, bi qbil mal-missjoni universali tal-Knisja, li tfittex li ddaħħal fil-popli u fl-Istati, u fil-komunitajiet il-ġodda, l-ispirtu tal-verità, tal-karità u tal-paċi.

Ir-relazzjonijiet tal-assoċjazzjonijiet tal-lajċi ma’ Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, 31). Il-Konċilju jindika din il-possibiltà u opportunità biex “assoċjazzjonijiet jew inizjattivi li jkollhom skop immedjatament spiritwali” (Apostolicam Actuositatem, 24). Dwar il-każ ta’ assoċjazzjonijiet “ekumeniċi” b’maġġoranza kattolika u minoranza mhux kattolika, ikun imiss lill-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi li jiddeċiedi l-kondizzjonijiet biex japprovahom (cf. Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, 31).

6. Fost il-forom tal-apostolat assoċjattiv, il-Konċilju jikkwota b’mod espress u partikolari l-Azzjoni Kattolika (Apostolicam Actuositatem, 20). Ukoll fil-passi meħuda fid-diversi pajjiżi u fit-tibdil li seħħew tul iż-żmien, l-Azzjoni Kattolika iddistingwiet ruħha mir-rabta stretta miżmuma mal-ġerarkija: mhux raġuni aħħarija tal-frott abbondantissmu prodott fil-Knisja u fid-dinja fil-bosta snin tal-istorja tagħha.

L-organizzazzjonijiet magħrufa taħt l-isem ta’ Azzjoni Kattolika (imma wkoll taħt ismijiet oħra u ta’ tipi simili) ġħandhom bħala fini l-evanġelizzazzjoni u l-qdusija tal-proxxmu,   l-formazzjoni njisranija tal-kuxjenzi, l-influss fuq id-drawwiet, l-animazzjoni reliġjuża tas-soċjetà. Il-lajċi jassumu r-ewsponsabiltà f’komunjoni mal-Isqof u s-Saċerdoti. Huma jaġixxu “taħt id-direzzjoni superjuri tal-istess Ġerarkija, li tistà tistabilixxi tali koperazzjoni wkoll permezz ta’ mandat espliċitu” (Ivi). Mill-kejl tal-fedeltà tagħhom għall-Ġerarkija u mill-armonija ekkleżjali jiddependi u se jiddependi dejjem il-grad tagħhom ta’ ħila bennejja tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu, waqt li l-esperjenza turi li, jekk a bażi tal-azzjoni propja wieħed idaħħal in-nuqqas ta’ qbil u jsegwi b’mod ipprogrammat atteġjament konflittwali, mhux biss ma jibnix il-Knisja, imma jqanqal proċess awtodistruttiv li jġib fix-xejn ix-xogħol u ġeneralment iwassal għax-xoljiment tiegħu.

Il-Knisja, il-Konċilju, il-Papa jawguraw u jitolbu li fil-forom aggregattivi tal-apostolat tal-lajċi u b’mod speċjali fl-Azzjoni Kattolika tkun dejjem tingħaraf l-irradjazzjoni tal-komunità ekkleżjali fl-unità tagħha, fil-karità tagħha, fil-missjoni tagħha ta’ tixrid tal-fidi u tal-qdusija fid-dinja.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb