86. Il-Lajċi jixhdu għal Kristu fid-Dinja


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 16/03/1994.

1. Illum, mhux diffiċli, min-naħa tal-insara, li jammettu li l-membri kollha tal-Knisja, ukoll il-lajċi, jistgħu u għandhom jieħdu sehem fil-missjoni tagħha ta’ xhud, ħabbara u portatriċi ta’ Kristu fid-dinja.

Din l-esiġenza tal-Ġisem mistiku ta’ Kristu kienet ripetuta mill-Papiet, mill-Konċilju Vatikan II, mis-Sinodi tal-Isqfijiet, f’armonija mal-Iskrittura Mqaddsa u t-Tradizzjoni, l-esperjenza tal-ewwel sekli nsara, id-dutrina tat-tejoloġi u l-istorja tal-ħajja pastorali. Fis-seklu tagħna ma ħasbuhiex darbtejn li jitkellmu dwar l-“apostolat”, u wkoll dan it-terminu u l-kunċett li jesprimi huma magħrufin mal-Kleru u mal-Fidili. Imma hija spissa biżżejjed s-sensazjoni ta’ inċertezza li għadha persistenti fuq l-oqsma tax-xogħol li fihom dak li jkun jimpenja ruħu b’mod konkret, u fuq it-toroq li għandu jsegwi biex jattwa l-impenn. Ikun aħjar għalhekk li nistabilixxu xi punti fissi ta’ riferenza f’dan il-qasam, kif ukoll fl-għarfien li formazzjoni iktar konkreta, diretta u artikolata tistà u għandha tfittex lokalment, għand il-kappillani tagħha, l-uffiċċji dijoċeżani u ċ-ċentri tal-apostolat tal-lajċi.

2. L-ewwel qasam tal-apostolat tal-lajċi fl-intern tal-komunità ekkleżjali huwa l- parroċċa. Dwar dan il-punt insista l-Konċilju fid-Digriet Apostolicam actuositatem, fejn wieħed jaqra: “Il-parroċċa toffri eżempju mdawwal ta’ apostolat “komunitarju”” (Apostolicam Actuositatem, n. 10). Hemm inkomplu naqraw li fil-parroċċa l-azzjoni tal-lajċi hija mewħtieġa sabiex l-apostolat tar-Rgħajja jkun jistà jilħaq l-effikaċja sħiħa tiegħu. Din l-azzjoni, li għandha tiżviluppa ruħha f’għaqda intima mas-Saċerdoti, hija għal-“lajċi li għandhom spirtu tassew apostoliku” forma ta’ sehem immedjat u dirett fil-ħajja tal-Knisja (Ivi).

Il-lajċi jistgħu jagħmlu ħafna fl-animazzjoni tal-liturġija, fit-tagħlim tal-katekiżmu fl-inizjattivi pastorali u soċjali, fil-kunsilli pastorali (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 27). Fl-apostolat jikkontribwixxu wkoll b’mod indirett bl-għajnuna mogħtija fl-amministrazzjoni parrokkjali. Huwa meħtieġ li s-Sacerdot ma jħossux waħdu, imma jistà jorbot fuq il-kontribuzzjoni tal-kompetenza tagħhom u fuq is-sosten tas-solidarjetà, il-fehim u d-dedikazzjoni ġeneruża tagħhom fis-setturi differenti tas-servizz għas-Saltna ta’ Alla.

3. Tieni ċirku ta’ bżonnijiet, ta’ interessi u ta’ possibiltajiet huwa ndikat mill-Konċilju meta jirrakkomanda lil-lajċi biex “jikkultivaw b’mod kostanti s-sens tad-dijoċesi” (Apostolicam actuositatem, 10). Fid-dijoċesijiet, infatti, tieħu forma konkreta l-Knisja lokali, li tirrendi preżenti, għall-Kleru u għall-fidili li jagħmlu parti minnha, l-istess Knisja universali. Il-lajċi huma msejħa biex jikkollaboraw fl-inizjattivi dijoċesani, illum spissi, bi rwoli esekuttivi, konsultattivi, u kultant direttivi, skont l-indikazzjonijiet u t-talbiet tal-Isqof u tal-organi kompetenti, b’ġenerożità u elevazzjoni tal-ispirtu. Sinifikattiv huwa wkoll il-kontribut offrut permezz tas-sehem fil-Kunsilli pastorali dijoċesani, li s-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1987 irrakkomanda li jitwaqqfu bħala “forma ewlenija ta’ kollaborazzjoni u ta’ djalogu, kif ukoll ta’ dixxerniment, fuq livell dijoċesan” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 22). Mil-lajċi wieħed jistenna wkoll għajnuna speċifika fit-tixrid tat-tagħlim tal-Isqof dijoċesan, magħqud mal-Isqfijiet l-oħra u b’mod speċjali mal-Papa, dwar kwistjonijiet reliġjużi u soċjali li jimponu għall-komunità ekkleżjali; fl-impostazzjoni tajba u fis-soluzzjoni ġusta tal-problemi amministrattivi; fl-immaniġġjar tal-Opri katekistiċi, kulturali, karitattivi li d-dijoċesi twaqqaf u tmexxi favur ħutna l-fqar, eċċ. Tant possibiltajiet oħra ta’ xogħol fruttuż għal min għandu rieda tajba, xewqa li jimpenja ruħu, spirtu ta’ sagrifiċċju! Jalla l-Mulej Alla jqanqal dejjem enerġiji ġodda u validi b’għajnuna għall-Isqfijiet u tad-dijoċesijiet, li fihom bosta lajċi tajbin ħafna diġa juru li għandhom l-għarfien li l-Knisja lokali hija d-dar u l-familja ta’ kulħadd!

4. Fuq qasam iktar wiesà, u anzi universali, il-lajċi jistgħu u għandhom iħossuhom, bħal ma huma, membri tal-Knisja Kattolika, u jimpenjaw ruħhom fit-tkabbir tagħha, bħal ma jfakkar is-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1987 (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 28). Huma għandhom iqisuha bħala komunità essenzjalment missjunarja, li l-membri tagħha għandhom id-dmir u r-responsabiltà ta’ evanġelizzazzjoni li tinfirex għan-nazzjonijiet kollha, għal dawk kollha li – nafuh dan jew le – għandhom bżonn Alla. F’dan il-qasam immens ta’ persuni u ta’ gruppi, ta’ ambjenti u ta’ strati soċjali, jinsabu wkoll bosta li, minkejja li huma nsara għar-reġistri tat-twelid, huma spiritwalment ‘il bogħod, anjostiċi, indifferenti għas-sejħa ta’ Kristu. Lejn dawn ħutna hija ndirizzata l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, li fiha l-lajċi huma msejħa biex jagħtu koperazzjoni prezzjuża u ndispensabbli. Is-Sinodu tal-1987, wara li kien qal: “Huwa urġenti li nerġgħu nagħmlu n-nisġa nisranija tas-soċjetà umana”, kien żied: “Il-fidili lajċi, bis-saħħa tas-sehem tagħhom fl-uffiċċju profetiku ta’ Kristu, huma nvoluti b’mod sħiħ f’dan id-dmir tal-Knisja” (Ivi, 34). Fuq il-fruntieri l-iktar avanzati ta’ din l-evanġelizzazzjoni l-ġdida, ħafna postijiet huma tal-lajċi!

Biex inwettqu dan id-dmir hija ndispensabbli tħejjija adegwata fid-dutrina tal-fidi u fil-metodoloġija pastorali, li l-lajċi wkoll jistgħu jakkwistaw fl-Istituti tax-Xjenzi Reliġjużi jew f’Korsijiet speċifiċi, minbarra li permezz tal-impenn personali ta’ studju tal-verità divina. Mhux għal kulħadd u linqas għall-forom ta’ kollaborazzjoni kollha mhu se jkun meħtieġ l-istess grad ta’ kultura reliġjuża jew saħansitra tejoloġika: imma dwar din ma jistgħux jgħaddu mingħajrha dawk li fl-evanġelizzazzjoni l-ġdida se jkollhom jiffaċċjaw il-problemi tax-xjenza u l-kultura umana fir-rigward tal-fidi (Ivi).

5. L-evanġelizzazzjoni l-ġdida għandha tendenza għall-formazzjon ta’ komunitajiet ekkleżjali maturi, magħmulin minn insara konvinti, konsapevoli u perseveranti fil-fidi u fil-karità. Huma jistgħu janimaw mill-ġewwieni l-popolazzjonijiet, ukoll hemm fejn mhux magħruf jew minsi l-Kristu redentur tal-bniedem (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 35), jew hija dgħajfa r-rabta li torbot Lilu fil-ħsieb u fil-ħajja.

Għal dan l-iskop jistgħu jservu forom qodma u ġodda assoċjattivi bħall—fratellanzi, il-“kumpaniji”, l-għaqdiet devoti, mogħnija, fejn jinħtieġ, bi spirtu ġdid missjunarju, u d-diversi movimenti” li llum jiffjorixxu fil-Knisja. Ukoll l-inizjattivi tradizzjonali u l-manifestazzjonijiet popolari fl-okkażjoni ta’ ċelebrazzjonijiet reliġjużi, minkejja li jippriservaw ċerti karatteristiċi marbuta ma’ drawwiet lokali jew reġġjonali. Jistgħu u għandhom jakkwistaw valur ekkleżjali, jekk jitħejjew u jitwettqu waqt li jinżammu f’moħħ dawk li jkunu l-bżonnijiet tal-evanġelizzazzjoni. Ikun impenn tal-Kleru u tal-lajċi li jippromwovuh li jadattaw ruħhom b’għaqal, grazzja u kuraġġ għall-esiġenzi tal-Knisja missjunarja, waqt li fi kwalunkwè każ jikkultivaw l-katekeżi illuminatriċi tad-drawwa u tal-prattika sagramentali, b’mod speċjali tal-Penitenza u tal-Ewkaristija.

6. Eżempji elokwenti ta’ impenn missjunarju fl-oqsma jew setturi li għadna kemm semmejnam u f’bosta oħrajn, jiġu minn bosta lajċi li, fi żmienna, skoprew id-dimensjoni plenarja tal-vokazzjoni nisranija u laqgħu l-mandat divin tal-evanġelizzazzjoni universali, id-don tal-Ispirtu Santu li jrid jopra fid-dinja Pentekoste dejjem ġdida. Lil dawn ħutna, magħrufa u mhumiex, tmur il-gratitudni tal-Knisja, kif ma tonqosx bla dubju l-barka ta’ Alla. L-eżempju tagħhom iservi biex iqaqal numru dejjem ikbar ta’ lajċi impenjati biex iwasslu l-aħbar ta’ Kristu lil kull persuna u biex ifittxu li jkebbsu ma’ kullimkien il-fjamma missjunarja. Ukoll għal dan is-Suċċessur ta’ Pietru jfittex li jilħaq f’kull nazzjon, f’kull kontinent, biex jaqdi umilment għat-tixrid tal-Vanġelu, u l-Isqfijiet, suċċessuri tal-Appostli, huma attivi f’kull pajjiż, bħala Rgħajja individwali u bħala korp ekkleżjali, għall-evanġelizzazzjoni l-ġdida.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb