88. Il-Lajċi huma msejħa biex iġeddu l-Ordni Temporali


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 13/04/1994.

1. Teżisti ordni ta’ realtajiet – istituzzjonijiet, valuri, attivitajiet – li aħna nsejħulhom temporali, minħabba li jirrigwardaw b’mod dirett l-affarijiet li jappartienu lill-qasam tal-ħajja preżenti, minkejja li huma wkoll finalizzati għall-ħajja eterna.

Id-dinja preżenti mhix magħmula minn apparenzi u dellijiet ingannevoli, linqas ma tistà titqies biss skont id-dinja l-oħra. Bħal ma jgħid il-Konċilju Vatikan II, “ir-realtajiet kollha li jikkostitwixxu l-ordni temporali. . . mhux biss huma mezzi li bihom il-bniedem jistà jilħaq l-għan aħħari tiegħu, imma għandhom valur propju” (Apostolicam actuositatem, 7).

Ir-rakkont bibbliku tal-ħolqien jippreżentalna dan il-valur bħal ma magħruf, mixtieq u mibdi minn Alla, li skont il-Ktieb tal-Ġenesi, “ra li (dak li kien ħalaq) kien ħaġa tajba” (Ġen 1, 12.18.21), u anzi, “ħaġa tajba ħafna” wara l-ħolqien tar-raġel u tal-mara (Ġen 1, 31). Bl-Inkarnazzjoni u r-Redenzjoni, il-valur tal-ħwejjeġ temporali ma jiġix annullat jew intakkat bħallikieku l-opra tar-Redentur opponiet ruħha għall-opra tal-Ħallieq: imma jiġi stabbilit mill-ġdid u mgħolli, skont il-pjan ta’ Alla li jirrikapitola fi Kristu l-ħwejjeġ kollha” (Ef 1, 10) “u permezz tiegħu jirrikonċilja miegħu l-ħwejjeġ kollha” (Kol 1, 20). Fi Kristu, mela, l-ħwejjeġ kollha jsibu l-konsistenza sħiħa kollha tagħhom (cf. Kol 1, 17).

2. U madankollu wieħed ma jistax jinjora l-esperjenza storika tal-ħażen u, għall-bniedem, tad-dnub, li r-rivelazzjoni biss tal-waqgħa tal-proġenituri, u ta’ dawk li seħħew b’mod suċċessiv fil-ġenerazzjonijiet umani, jistà jispjega. “Fil-kors tal-istorja – jgħid il-Konċilju – l-użu tal-ħwejjeġ temporali kien imtebba minn nuqqasijiet gravi” (Apostolicam Actuositatem, 7). Illum ukoll, mhumiex ftit, minflok ma niddominaw l-ħwejjeġ skont il-pjan u l-ordinazzjoni ta’ Alla, kif jistgħu jippermettulna l-progressi fix-xjenza u fit-teknika, minħabba l-fiduċja eċċessiva fil-poteri ġodda tagħhom, qegħdin isiru skjavi tagħhom u jisiltu minnhom danni wkoll gravi.

Id-dmir tal-Knisja huwa li tgħin lill-bnedmin biex jorjentaw sewwa l-ordni temporali kollu u biex jindirizzawh lejn Alla permezz ta’ Kristu (cf. Ivi). Il-Knisja b’dan il-mod issir qaddejja tal-bnedmin u l-lajċi “jieħdu sehem fil-missjoni ta’ servizz tal-persuna u tas-soċjetà” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles laici, 36).

3. F’dan ir-rigward, jeħtieġ qabel kollox li niftakru li l-lajċi huma msejħa biex jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-persuna, illum b’mod partikolari meħtieġa u urġenti. Din hija li ssalva – u spiss terġà tistabilixxi – il-valur ċentrali tal-esseri uman li, propju għaliex persuna, ma jistà qatt ikun ittrattat “bħala oġġett utilizzabbli, strument, ħaġa” (Ivi, 37).

Rigward id-dinjità personali, il-bnedmin kollha huma ndaqs bejniethom: ebda diskriminazzjoni ma tistà tkun aċċettata, la razzjali, la sesswali, la ekonomika, la kulturali, la politika, la ġejografika. Għad-differenzi li jiġu mill-kondizzjonijiet tal-post u taż-żmien li fih kull wieħed jitwieled u jgħix huwa dmir ta’ solidarjetà li tipprovdi b’sosten uman u nisrani effettiv, tradotta f’forom konkreti ta’ ġustizzja u ta’ karità, bħal ma kien spjega u rrakkomanda San Pawl lill-Korintin: “Infatti din mhix li tqiegħedu fi skarsezza lilkom infuskom biex tfarrġu lill-oħrajn, imma li tagħmlu ugwaljanza . . . L-abbundanza tagħkom tissuplixxi għall-faqar tagħhom, sabiex ukoll l-abbundanza tagħhom tissuplixxi għall-faqar tagħkom, u hekk ikun hemm ugwaljanza” (2 Kor 8, 13-14).

4. Il-promozzjoni tad-dinjità tal-persuna hija marbuta mar-“rispett, id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuna umana” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, 38). Qabel kollox l-għarfien tal-invjolabilità tal-ħajja umana: id-dritt għall-ħajja huwa essenzjali, u jistà jkun meqjus bħala “dritt ewlieni u fondali, kondizzjoni għad-drittijiet l-oħra kollha” (Ivi). Ir-riżultat huwa li “dak kollu li huwa kontra l-ħajja . . . dak kollu li jikser l-integrità tal-persuna umana . . . dak kollu li joffendi d-dinjità umana . . . dawn il-ħwejjeġ kollha . . . jaffettwaw bil-kbir l-unur tal-Ħallieq” (Gaudium et Spes, 27), li ried il-bniedem magħmul xbiha u xebħ (cf. Ġen 1, 26) imqiegħed taħt is-sinjorija tiegħu.

Responsabiltà speċjali f’din id-difiża tad-dinjità personali u tad-dritt tal-ħajja tappartieni lill-ġenituri, lill-edukaturi, lill-operaturi sanitarji u lil dawk li għandhom il-poter ekonomiku u politiku (cf. Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, 38). B’mod partikolari l-Knisja tħeġġeġ lil-lajċi biex jiffaċċjaw b’mod qalbieni l-sfidi imqanqla mill-problemi ġodda tal-bijoetika (cf. Ivi).

5. Fost id-drittijiet tal-persuna, li għandhom jiġu difiżi u nkoraġġiti, hemm dak tal- libertà reliġjuża, tal-libertà tal-kuxjenza u tal-libertà tal-kult (cf. Ivi, 39). Il-Knisja ssostni li s-soċjetà għandha d-dmir li tassikura d-dritt tal-persuna li tipprofessa l-konvinzjonijiet tagħha u li tipprattika r-reliġjon tagħha, fil-limiti deċiżi mill-ordni pubbliku ġust (cf. Dignitatis humanae, 2.7). Għad-difiża u l-promozzjoni ta’ dan id-dritt ma naqsux il-martri, fiż-żminijiet kollha.

Il-lajċi huma msejħa biex jimpenjaw ruħhom fil-ħajja pubblika, skont il-ħiliet u l-kondizzjonijiet taż-żmien u tal-post, biex jippromwovu l-ġid komuni fl-esiġenzi kollha tiegħu, u b’mod speċjali biex jattwaw il-ġustizzja għas-servizz taċ-ċittadini, in kwantu persuni. Bħal ma naqraw fl-Eżortazzjoni apostolika Christifideles laici, “politika għall-persuna u għas-soċjetà ssib il-linja tagħha kostanti tal-mixja fid-difiża u fil-promozzjoni tal-ġustizzja” (Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, n. 42). Huwa ċar li f’tali impenn, li huwa tal-membri kollha tal-ħajja terrena, il-lajċi nsara huma msejħa biex jagħtu l-eżempju ta’ mġieba politika onesta, li ma tfitixx vantaġġi personali, linqas ma tippretendi li taqdi kawżi ta’ gruppi u partiti b’mezzi illetiċi, fuq toroq li, fil-fatt, iwasslu għat-tiġrif tal-ideali l-iktar nobbli u sagri.

6. Il-lajċi nsara ma jonqsux li jingħaqdu fl-isforzi tas-soċjeta biex jistabilixxu fid-dinja l-paċi. Għalihom din hija li jattwaw il-paċi mogħtija minn Kristu   (cf. Ġw 14, 27; Ef 2, 14) fid-dimensjonijiet tagħha soċjali u politiċi, fil-Pajjiżi ndividwali u fid-dinja, bħal ma dejjem iktar titlob il-kuxjenza tal-popli. Għal dan l-iskop, huwa dmir tagħhom li jiżvolġu opra edukattiva dettaljata, iddestinata li tegħleb il-kultura antika tal-egoiżmu, tar-rivalità, tal-oppressjoni, tal-vendetta, u biex tiżviluppa dik tas-solidarjetà u tal-imħabba tal-proxxmu (cf. Ġwanni Pawlu II, Christifideles Laici, 42).

Lil-lajċi nsara jmiss ukoll li jimpenjaw ruħhom fl-iżvilupp ekonomicu-soċjali. Din hija esiġenza tar-rispett tal-persuna, tal-ġustizzja, tas-solidarjetà, tal-imħabba fraterna. Imiss lilhom li jikkollaboraw mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba biex isibu l-modi li jassikuraw id-destinazzjoni universali tal-ġid, ikun xi jkun ir-reġim soċjali eżistenti (cf. Ivi, 43). Imiss lilhom, barra minn dan, li jiddefendu d-drittijiet tal-ħaddiema, waqt li jfittxu soluzzjonijiet adegwati għall-problemi gravissmi tad-diżokkupazzjoni krexxenti u waqt li jissieltu għas-superament tal-inġustizzji kollha. Bħala lajċi nsara, huma fid-dinja espressjoni tal-Knisja li tattwa d-duttrina soċjali tagħha. Bdanakollu għandhom ikunu konxji tal-libertà u r-responsabiltà personali tagħhom fil-kwistjonijiet dibattibbli, li dwarhom l-għażliet tagħhom, minkejja li dejjem ispirati għall-valuri tal-Vanġelu, ma jiġux ippreżentati bħala l-uniċi possibbli għall-insara. Ukoll ir-rispett tal-opinjonijiet u l-għażliet leġittmi differenti minn dawk propji huma esiġenza tal-karità.

7. Il-lajċi nsara għandhom fl-aħħarnett id-dmir li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-kultura umana, bil-valuri kollha tagħha. Preżenti fid-diversi oqsma tax-xjenza, tal-ħolqien artistiku, tal-ħsieb filosofiku, tar-riċerka storika eċċ., huma jwasslulhom l-ispirazzjoni meħtieġa li tiġi mill-fidi tagħhom. U, ladarba l-iżvilupp tal-kultura jinvolvi dejjem iktar impenn tal-mass media, strumenti hekk importanti għall-formazzjoni tal-mentalità u tad-drawwa, huma jkollhom sens ħaj ta’ responsabiltà fl-impenn tagħhom fl-istampa, fiċ-ċinema, fir-radju, fit-televiżjoni, fit-tejatru, waqt li jipproġettaw fuq xogħolhom id-dawl tal-mandat li jxandru l-Vanġelu fid-dinja kollha: dan hu attwali b’mod partikolari fid-dinja tallum, li fiha huwa urġenti li nuru t-toroq tal-fidwa miftuħa għal kulħadd minn Ġesù Kristu  (cf. Ivi, 44).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb