90. Il-Mulej iqaddes lil dawk li jbatu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 27/04/1994.

1. Ir-realtà tat-tbatija hija minn dejjem taħt l-għajnejn u spiss fil-ġisem, fir-ruħ, fil-qalb ta’ kull wieħed minna.

Barra mill-qasam tal-fidi, in-niket dejjem ikkostitwixxa l-enigma l-kbira tal-eżistenza umana. Imma minn meta Ġesù bil-passjoni u l-mewt tiegħu feda d-dinja, infetħet prospettiva ġdida: permezz tat-tbatija huwa possibbli li dak li jkun javanza fid-don tiegħu nnifsu u jilħaq il-grad l-iktar għoli tal-imħabba (cf. Ġw 13, 1), grazzi lil Dak li “ħabbna u ta lilu nnifsu għalina” (Ef 5, 2). Bħala sehem fil-misteru tas-Salib, it-tbatija issa tistà tkun milqugħa u migħuxa bħala kollaborazzjoni fil-missjoni feddejja ta’ Kristu. Il-Konċilju Vatikan II enfasizza dan l-għarfien tal-Knisja dwar l-għaqda speċjali ma’ Kristu batut għas-salvazzjoni tad-dinja ta’ dawk kollha li huma nkwetati u mgħaffġin (cf. Lumen Gentium, 41).

Ġesù stess, fix-xandir tal-Beatitudni, jqis l-manifestazzjonijiet kollha tat-tbatija umana: il-fqar, dawk bil-ġuħ, l-ippersegwitati, u dawk li huma ddisprezzati mis-soċjetà, jew huma ppersegwitati b’mod inġust. Ukoll aħna, waqt li nħarsu lejn id-dinja, niskopru tant miżerja, f’multepliċità ta’ forom antiki u ġodda; is-sinjali tat-tbatija jinsabu kullimkien. Ejjew mela nitkellmu dwarhom fil-katekeżi preżenti, waqt li nfittxu li niskopru aħjar il-pjan divin li jmexxi l-umanità f’mixja hekk doloruża u l-valur feddej li t-tbatija – bħala xogħol – għandha għall-umanità kollha kemm hi.

2. Fis-Salib intwera lill-insara “il-Vanġelu tat-tbatija” (Ġwanni Pawlu II, Salvifici doloris, 25). Ġesù għaraf fis-sagrifiċċju tiegħu t-triq stabbilita mill-Missier għall-fidwa tal-umanità, u hu segwa din it-triq. Huwa wkoll ħabbar lid-dixxipli tiegħu li kellhom ikunu assoċjati f’dan is-sagrifiċċju: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom: intom għad tibku u tkunu mdejqin, imma d-dinja tifraħ” (Ġw 16, 20). Imma din il-profezija ma tibqax iżolata, ma tinxtorobx fiha nfisha, għaliex titwettaq bl-aħbar ta’ bidla tan-niket fi glorja: “Intom tkunu ppersegwitati, imma l-persekuzzjoni tagħkom timbidel f’ferħ” (Ġw 16, 20). Fil-prospettiva redentriċi, il-Passjoni ta’ Kristu hija orjentata lejn il-Qawmien mill-Imwiet. Mela l-bnedmin ukoll huma assoċjati mal-misteru tas-Salib, biex jieħdu sehem, fil-ferħ, fil-misteru tal-Qawmien mill-Imwiet.

3. Għal dan il-għan Ġesù ma jaħsibhiex darbtejn biex ixandar il-beatitudni ta’ dawk li jbatu: “Imberkin dawk li jbatu, għaliex ikunu mfarrġa . . . Imberkin l-ippersegwitati minħabba fil-ġustizzja, għaliex tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet. Imberkin intom meta jinsulentawkom, jippersegwitawkom u, waqt li jigdbu, jgħidu kull xorta ta’ ħażen kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għaliex kbir huwa l-premju tagħkom fis-smewwiet” (Mt 5, 4.11-12). Ma jistax dak li jkun jifhem din il-beatitudni kemm-il darba ma jammettix li l-ħajja umana ma tillimitax ruħha għaż-żmien tal-permanenza fuq din l-art, imma hija kollha kemm hi mmirata lejn il-ferħ perfett u l-milja tal-ħajja tad-dinja l-oħra. It-tbatija terrena, meta tinġabar fl-imħabba, hija bħal qalba qarsa li tagħlaq fiha ż-żerriegħa tal-ħajja l-ġdida, it-teżor tal-glorja divina li se tingħata lill-bniedem fl-eternità. Ukoll jekk l-ispettaklu ta’ dinja mfawra b’mard u bi sfortuna ta’ kull tip huwa spiss hekk meqjus, fih madankollu hija moħbija t-tama ta’ dinja superjuri ta’ karità u ta’ grazzja. Din hija t-tama li hija mitmugħa mill-wegħda ta’ Kristu. Biha konvinti, dawk li jbatu magħqudin miegħu fil-fidi jisperimentaw diġa f’din il-ħajja ferħ li jistà jidher b’mod uman inspjegabbli. Infatti, is-sema tibda fuq l-art, il-beatitudni hija, biex ngħidu hekk, antiċipata fil-beatitudni. “Fil-persuni qaddisin – kien jgħid San Tumas D’Aquino – tibda l-ħajja beata . . .” (cf. s. Thomae, Summa theologiae, I-II, q. 69, a.2; cf. II-II, q. 8, a. 7).

4. Prinċipju ieħor fundamentali tal-fidi nisranija huwa l-fertilità tat-tbatija u allura s-sejħa, ta’ dawk kollha li jbatu, biex jingħaqdu fl-offertà redentriċi ta’ Kristu. It-tbatija hekk issir offerta, oblazzjoni: bħal ma sar u jsir f’tant erwieħ qaddisin. B’mod speċjali dawk li huma mgħaffġa minn tbatijiet morali, li jistgħu jidhru assurdi, isibu fit-tbatijiet morali ta’ Ġesù s-sens tal-provi tagħhom, u jidħlu miegħu fil-Ġetsemani. Fih isibu l-qawwa biex jaċċettaw in-niket b’abbandun qaddis u ubbidjenza fiduċjuża għar-rieda tal-Missier. U jħossu titnissel minn qalbhom it-talba tal-Ġetsemani: “Mhux dak li rrid jien, o Missier, imma dak li trid int” (Mk 14, 36). Jidentifikaw ruħhom bl-għan ta’ Ġesù fil-waqt tal-arrest: “M’għandix jewwilla jien nixrob il-kalċi li l-Missier tani?” (Ġw 18, 11). Fi Kristu huma jsibu wkoll il-kuraġġ li joffru t-tbatijiet tagħhom għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha, ladarba jkunu tgħallmu mill-offerta tal-Kalvarju l-fertilità misterjuża ta’ kull sagrifiċċju, skont il-prinċipju imħabbar minn Ġesù: “Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidilkom, jekk il-qamħa li taqà fl-art ma tmutx, tibqà weħedha, jekk mill-banda l-oħra tmut, tipproduċi ħafna frott” (Ġw 12, 24).

5. It-tagħlim ta’ Ġesù huwa kkonfermat mill-Appostlu Pawlu, li kellu f’ħajtu  koxjenza tassew ħajja tas-sehem fil-Passjoni ta’ Kristu f’ħajtu u tal-koperazzjoni li f’tali mod setà joffri lill-ġid tal-komunità nisranija. Grazzi għall-għaqda ma’ Kristu fit-tbatija, hu setà jgħid li fih innifsu jkompli dak li kien jonqos għat-tbatijiet ta’ Kristu affavur ta’ Ġismu li huwa l-Knisja (cf. Col 1, 24). Konvint mill-fertilità ta’ din l-għaqda mal-Passjoni feddejja, kien jenfasizza: “Fina taħden il-mewt, imma fik il-ħajja” (2 Kor 4, 12). It-tribulazzjonijiet tal-ħajja tiegħu ta’ Appostlu ma kinux jaqtgħu qalb Pawlu, imma kienu jikkorraboraw it-tama u l-fiduċja, għaliex kien intebaħ li l-Passjoni ta’ Kristu kienet sors tal-ħajja: “Bħal ma joktru fina t-tbatijiet ta’ Kristu, hekk ukoll, permezz ta’ Kristu, toktor il-konsolazzjoni tagħna. Meta tkunu mħabbtin, dan ikun għall-konsolazzjoni u s-salvazzjoni tagħkom” (2 Kor 1, 5-6). Waqt li jħarsu lejn dan il-mudell, id-dixxipli ta’ Kristu jifhmu aħjar il-lezzjoni tal-Imgħallem, il-vokazzjoni għas-Salib, bi prospettiva tal-iżvilupp sħih tal-ħajja ta’ Kristu fl-eżistenza personali tagħhom u tal-fertilità misterjuża affavur tal-Knisja.

6. Id-dixxipli ta’ Kristu għandhom il-privileġġ li jifhmu l-“Vanġelu tat-tbatija”, li kellu valur feddej, talinqas assolut, fiż-żminijiet kollha, għaliex “tul is-sekli u l-ġenerazzjonijiet kien innotat li fit-tbatijia tinħeba ċerta qawwa li tressaq qrib b’mod interjuri lill-bniedem lejn Kristu, grazzja partikolari” (Ġwanni Pawlu II, Salvifici doloris, 26). Min isegwi lil Ktistu, min jaċċetta t-tejoloġija tan-niket ta’ San Pawl, jaf li mat-tbatijiet hija marbuta grazzja prezzjuża, favur divin, ukoll jekk din hi grazzja li tibqà għalina misteru, għaliex tinħeba taħt id-dehriet ta’ destin doloruż. Bla ebda dubju mhux faċli li dak li jkun jiskopri fit-tbatija l-imħabba divina awtentika, li trid, permezz tat-tbatija aċċettata, tgħolli l-ħajja umana għal-livell tal-imħabba divina ta’ Kristu. Il-fidi, iżda, tagħmel li ningħaqdu ma’ dan il-misteru u tqiegħed fil-qalb ta’ min ibati, minkejja kollox, paċi u ferħ: kultant naslu biex ngħidu, ma’ San Pawl: “Jien mimli bil-konsolazzjoni, minfud bil-ferħ f’kull tribulazzjoni tagħna” (2 Kor 7, 4).

7. Min jgħix mill-ġdid l-ispirtu ta’ oblazzjoni ta’ Kristu huwa mbuttat biex jimitah ukoll fl-għajnuna tal-batuti l-oħrajn. Ġesù għen it-tbatijiet bla numru umani li kienu jdawruh. Huwa hu mudell perfett ukoll f’dan. U huwa wkoll ħabbar il-preċett tal-imħabba mutwa li tinvolvi l-ħniena u l-għajnuna reċiproka. Fil-parabbola tas-Sammaritan it-Tajjeb Ġesù jgħallem l-inizjattiva ġeneruża favur dawk l-jbatu” Huwa rrivela l-preżenza tiegħu f’dawk kollha li jinsabu fil-bżonn u fin-niket, għalhekk kull att ta’ għajnuna lill-imsejknin jolqot lil Kristu nnifsu (cf. Mt 25, 35-40).

Irrid inħalli, lilkom ilkoll li qegħdin tisimgħuni, bħala konklużjoni, il-kliem tal-istess Ġesù: “Fis-sewwa ngħidilkom: kull darba li għamiltu waħda minn dawn il-ħwejjeġ lil wieħed biss minn dawn ħuti l-iktar ċkejknin, tkunu għamiltuha lili” (Mt 25, 40). Dan ifisser li t-tbatija, ddestinata biex tqaddes lil dawk li jbatu, hija ddestinata biex tqaddes ukoll lil dawk li jwasslu lilhom għajnuna u konfort. Ninsabu dejjem fil-qalb tal-misteru tas-Salib feddej!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb