89. Ix-Xogħol Uman jinvolvi sehem fil-Missjoni ta’ Kristu


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 20/04/1994.

1. Fost il-fidili lajċi jixirqilhom ta’ min isemmihom b’mod speċjali il-ħaddiema. Il-Knisja taf sewwa l-importanza li x-xogħol għandu fil-ħajja umana u tagħraf il-karattru tal-element essenzjali tas-soċjetà, kemm fil-livell soċjoekonomiku u politiku, kif ukoll f’livell reliġjuż.

Taħt dan l-aspett tal-aħħar, hija tqis bħala espressjoni ewlenija tal-“karattru sekolari” (Lumen Gentium, 31) tal-lajċi, li fil-parti l-kbira huma ħaddiema u jistgħu jsibu fix-xogħol it-triq tal-qdusija. Il-Konċilju Vatikan II, imqanqal minn din il-konvinzjoni, jqis fil-prospettiva tal-impenn tas-salvazzjoni l-opra ta’ dawk li huma ddedikati, waqt li ssejħilhom biex jikkollaboraw għall-apostolat (cf. Ivi, 41).

2. Għal dan l-argument iddedikajt l-Enċiklika Laborem exercens u dokumenti u interventi oħra, li bihom fittixt li nuri l-valur, id-dinjità, id-dimensjonijiet tax-xogħol, fil-kobor prominenti kollu tiegħu. Hawn se nillimita ruħi biex infakkar li l-ewwel raġuni ta’ dan il-kobor u dinjità tikkonsisti fil-fatt li x-xogħol huwa koperazzjoni fl-opra ħallieqa ta’ Alla. Ir-rakkont bibbliku tal-ħolqien dan ifehemulna meta jgħid li “il-Mulej Alla qabad il-bniedem u qiegħdu fil-ġnien tal-Għeden, sabiex jikkultivah” (Ġen 2, 15), waqt li b’dan il-mod ingħaqad mal-ordni preċedenti biex jaħkem l-art (cf. Ġen 1, 28). Bħal ma ktibt fl-Enċiklika kkwotata, “il-bniedem huwa xbiha ta’ Alla, ukoll, minħabba l-mandat li rċieva mingħand il-Ħallieq tiegħu biex jaħkem, biex jiddomina l-art. Fit-twettiq ta’ tali missjoni, il-bniedem, kull esseri uman, tirrifletti l-azzjoni nfisha tal-Ħallieq tal-univers” (Ġwanni Pawlu II, Laborem exercens, 4).

3. Skont il-Konċilju (Lumen Gentium,  41), ix-xogħol jikkostitwixxi triq lejn il-qdusija, għaliex joffri l-okkażjoni ta’ a) perfezzjonament tagħna nfusna. Ix-xogħol, infatti, jiżviluppa l-personalità tal-bniedem, billi jeżerċita l-kwalitajiet u l-ħiliet. Dan nifhmuh aħjar fl-epoka tagħna, bid-dramm tal-bosta bla xogħol li jħossuhom immankati fid-dinjità tagħhom ta’ persuni umani. Hemm bżonn li nagħtu l-ikbar attenzjoni għal din id-dimensjoni personalistika favur il-ħaddiema kollha, billi nfittxu li nassikuraw f’kull każ kondizzjonijiet tax-xogħol denji tal-bniedem; b) ngħinu lill-koċittadini. Din hija d-dimensjoni soċjali tax-xogħol, li hija servizz għall-ġid ta’ kulħadd. Dan l-orjentament għandu jkun dejjem enfasizzat: ix-xogħol mhuwiex attività egoistika, imma altruwistika; wieħed ma jaħdimx b’mod esklussiv għalih innifsu, imma wkoll għall-oħrajn; c) nimbuttaw ‘il quddiem s-soċjeta u l-ħolqien kollu. Ix-xogħol mela jilħaq dimensjoni storiko-eskatoloġika, u dak li jkun jistà jgħid kożmika, minħabba l-iskop tiegħu li jikkontribwixxi biex itejjeb il-kondizzjonijiet materjali tal-ħajja u tad-dinja, waqt li jgħin lill-umanità biex tilħaq, fuq din it-triq, l-iskopijiet superjuri li għalihom Alla jsejħilha. Il-progress tallum jirrendi iktar evidenti din il-finalizzazzjoni tax-xogħol għat-titjib fuq skala universali. Imma jibqà bosta xi jsir biex nadattaw ix-xogħol għal dawn l-iskopijiet mixtieqa mill-istess Ħallieq; d) nimitaw lil Kristu b’karità operuża. Dwar dan il-punt nerġgħu niġu lura.

4. Dejjem fid-dawl tal-Ktieb tal-Ġenesi, li skontu Alla waqqaf u amar ix-xogħol waqt li ndirizza lill-ewwel koppja umana (cf. Ġen 1, 27-28), akkwistat is-sinifikat kollu tagħha l-intenzjoni ta’ tant irġiel u ta’ tant nisa li jaħdmu għall-ġid tal-familja tagħhom. L-imħabba lejn is-sieħeb/sieħba u lejn l-ulied, li tispira u tistimula l-parti l-kbira tal-esseri umani għax-xogħol, tagħti lil dan ix-xogħol dinjità ikbar, u tirrendi iktar aġevoli u pjaċevoli l-esekuzzjoni, ukoll meta jirrikjedi ħafna tbatija.

Għal dan il-għan, huwa doveruż li wieħed josserva li wkoll fis-soċjetà kontemporanja, fejn jeżisti l-prinċipju tad-dritt tal-irġiel u tan-nisa għal xogħol imħallas, għandu jkun magħruf u apprezzat il-valur tax-xogħol mhux direttament imħallas ta’ bosta nisa li jiddedikaw ruħhom għall-bżonnijiet tad-dar u tal-familja. Dan huwa xogħol li wkoll illum għandu mportanza fundamentali għall-ħaqjja tal-familja u għall-ġid tas-soċjetà.

5. Hawn biżżejjed li aċċennajna għal- dan l-aspett tal-kwistjoni, biex ngħaddu għal punt mimsus mill-Konċilju, li semma t-“tbatijiet, spiss iebsin” (Lumen Gentium, 41), imqanqla mix-xogħol, li fih, illum ukoll, iseħħ il-kliem bibliku: “Bil-għaraq ta’ ġbinek tiekol ħobżok” (Ġen 3, 19). Bħal ma ktibt fl-Enċiklika Laborem exercens, “din it-tbatija hija fatt magħruf universalment, għaliex sperimentat universalment. Dan jafuh il-bnedmin tax-xogħol manwali, imwettaq kultant f’kondizzjonijiet eċċezzjonalment ta’ sforz kbir . . . Jafuh, fl-istess ħin, il-bnedmin marbutin mal-bank tax-xogħol intellettwali . . . Jafuh in-nisa li, kultant mingħajr rikonoxximent adegwat min-naħa tas-soċjetà u tal-istess familjari, jġorru kuljum it-tbatija u r-responsabiltà tad-dar u tal-edukazzjoni tal-ulied (Ġwanni Pawlu II, Laborem exercensn. 9).

Hawn hi d-dimensjoni mhux biss etika, imma nistgħu ngħidu axxetika, li l-Knisja tgħallem biex tingħaraf fix-xogħol, għaliex, propju minħabba t-tbatija li jimponi, jitlob il-virtujiet tal-qlubija u tas-sabar, u allura jistà jsir triq tal-qdusija.

6. Propju bis-saħħa tat-tbatija li jinvolvi, ix-xogħol juri ruħu b’mod iktar ċar bħala impenn ta’ kollaborazzjoni ma’ Kristu fl-opra redentriċi. Il-valur tiegħu, diġa kostitwit mis-sehem fl-opra ħallieqa ta’ Alla, jassumi dawl ġdid jekk dak li jkun jikkonsidrah bħala sehem fil-ħajja u fil-missjoni ta’ Kristu. Ma nistgħux ninsew li fl-Inkarnazzjoni l-Iben ta’ Alla, li sar bniedem għall-fidwa tagħna, ma naqasx li jimpenja ruħu b’mod goff fix-xogħol komuni. Ġesù Kristu tgħallem minn Ġużeppi s-sengħa ta’ mastrudaxxa u eżerċitaha sal-bidu tal-missjoni pubblika tiegħu. Ġo Nażżaret, Ġesù kien magħruf bħala “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13, 55), jew bħala “il-mastrudaxxa” huwa stess (Mk 6, 3). Ukoll minħabba dan jidher hekk naturali li fil-parabboli huwa jirreferi għax-xogħol professjonali tal-irġiel jew għax-xogħol domestiku tan-nisa, bħal ma ktibt fl-Enċiklika Laborem exercens (Ġwanni Pawlu II, Laborem exercens, n. 26), u li juri l-istima tiegħu għax-xogħlijiet l-iktar umli. U dan huwa aspett importanti tal-misteru ta’ ħajtu: li, bħala l-Iben ta’ Alla, Ġesù setà u ried jagħti dinjità suprema lix-xogħol uman. B’idejn umani u b-ħila umana, l-Iben ta’ Alla ħadem, bħalna u magħna, bnedmin tal-bżonn u tax-xogħol iebes ta’ kuljum!

7. Fid-dawl u fuq l-eżenpju ta’ Kristu, ix-xogħol jassumi għal dawk li jemmnu l-iskop l-iktar għoli tiegħu, marbuta mal-misteru paskwali. Wara li ta l-eżempju ta’ xogħol simili għal dak ta’ tant ħaddiema oħra, Ġesù wettaq l-opra l-iktar għolja li għaliha kien mibgħut: ir-Redenzjoni, li laħqet il-quċċata tagħha fis-sagrifiċċju tas-Salib. Fuq il-Kalvarju Ġesù, b’ubbidjenza lejn il-Missier, joffri lilu nnifsu għas-salvazzjoni universali.

Mela, il-ħaddiema huma mistiedna biex jingħaqdu max-xogħol tas-Salvatur. Bħal ma jgħid il-Konċilju, huma jistgħu u għandhom, “b’karità operuża, kuntenti fit-tama u waqt li jġorru il-piżijiet ta’ u lil xulxin, jimitaw lil Kristu, li jdejh jeżerċitaw ruħhom f’xogħlijiet ta’ mastrudaxxa u li dejjem jopra mal-Missier għall-fidwa ta’ kulħadd” (Lumen Gentium, 41). Hekk il-valur feddej tax-xogħol, milmuħ b’xi mod ukoll f’sede filosofika u soċjoloġika fl-aħħar sekli, jirrivela ruħu f’livell iktar għoli sew bħala sehem fl-opra sublimi tar-Redenzjoni.

8. Hawn hu għaliex il-Konċilju jiddikjara li kulħadd jistà, “bl-istess xogħol tagħhom ta’ kuljum jitilgħu għal qdusija iktar għolja ukoll taħt il-forna apostolika” (Ivi). F’dan hemm il-missjoni għolja tal-ħaddiema, imsejħa biex jikkoperaw mhux biss fil-bini ta’ dinja materjali aħjar, imma wkoll għall-bidla spiritwali tar-realtà umana u kożmika magħmula possibbli mill-Misteru paskwali.

Skonforti u tbatijiet, li jiġu kemm mill-għejja tax-xogħol innifsu kif ukoll mill-kondizzjonijiet soċjali jiżvolġi ruħu, billi hekk jakkwistaw, bis-saħħa tas-sehem fis-sagrifiċċju redentur ta’ Kristu, fertilità soprannaturali għall-ġeneru uman kollu kemm hu. Ukoll f’dan il-każ jgħoddu l-kliem ta’ San Pawl: “Il-ħolqien kollu jokrob u jġarrab sallum fl-uġigħ tal-ħlas; hu mhuwiex waħdu; imma wkoll aħna, li nippossiedu l-finezzi tal-Ispirtu, nokorbu interjorment waqt li nistennew l-addozzjoni għal ulied, ir-redenzjoni ta’ ġisimna” (Rm 8, 22-23). Din iċ-ċertezza tal-fidi, fil-viżjoni storika u eskatoloġika tal-Appostlu, issejjes asserzjoni tagħha, mimlija tama: “Jiena nsostni, infatti, li t-tabatijiet tal-mument preżenti ma jitqabblux mal-glorja futura li għandha tkun rivelata fina” (Rm 8, 18).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb