91. Il-Knisja tara l-Wiċċ ta’ Kristu fil-Morda


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 15/06/1994.

1. Fil-katekeżi preċedenti tkellimna dwar id-dinjità ta’ dawk li jbatu u dwar l-apostolat li huma jistgħu jiżvolġu fil-Knisja.

Illum se nqisu, b’mod iktar partikolari, il-morda u l-invalidi, għaliex il-provi li għalihom hija suġġetta s-saħħa huma, illum bħal fl-imgħoddi, importanti ħafna fil-ħajja umana. Il-Knisja ma tistax ma tħossx f’qalbha l-bżonn tal-viċinanza u tas-sehem f’dan il-misteru doloruż li jassoċja tant bnedmin ta’ kull żmien mal-istat ta’ Ġesù waqt il-Passjoni.

Kulħadd fid-dinja jkollu xi prova tas-saħħa, imma wħud iktar minn oħrajn, bħal dawk li jbatu minn mard permanenti, jew huma suġġetti, għal xi rregolarità jew dgħufija tal-ġisem, għal bosta inkonvenjenzi. Biżżejjed tidħol fl-isptarijiet biex tiskopri id-dinja tal-mard, il-wiċċ ta’ umanità li tokrob u tbati. Il-Knisja ma tistax ma tarax f’dak il-wiċċ il-karatteristiċi tal-“Christus patiens”, ma tistax ma tiftakarx il-pjan divin li jiggwida dawk il-ħajjiet, f’saħħa prekarja, lejn il-fertilità ta’ ordni superjuri. Ma tistax ma tkunx “Ecclesia compatiens”: ma’ Kristu u ma’ dawk kollha batuti.

2. Ġesù wera l-ħniena tiegħu għall-morda u l-invalidi, waqt li rrivela t-tjubija u t-tenerezza ta’ qalbu, imwassal biex jgħin il-batuti tar-ruħ u tal-ġisem ukoll bil-qawwa li kienet tippartieni lilu li jagħmel il-mirakli. Għalhekk kien iwettaq bosta fejqan, tant li l-morda kienu jiġru warajh biex jibbenefikaw mill-poter tawmaturgu tiegħu. Bħal ma jgħid l-evanġelista Luqa, folol numerużi kienu jiġu mhux biss biex jisimgħuh, imma wkoll biex “jitfejqu mill-mard tagħhom” (Lq 5, 15). Fid-dedikazzjoni li biha Ġesù ried jeħles mill-piż tal-mard jew tal-invalidità dawk li kienu jersqu lejh, huwa jħallina nilmħu l-intenzjoni speċjali tal-ħniena divina dwarhom: Alla mhuwiex indifferenti għat-tbatijiet tal-mard u jagħti l-għajnuna tiegħu lill-morda, fil-pjan feddej li l-Verb inkarnat jirrivela u jattwa fid-dinja  .

3. Infatti Ġesù jqis u jittratta lill-morda u lill-invalidi fil-prospettiva tal-opra ras-salvazzjoni li kien mibgħut biex iwettaq. Il-fejqan tal-ġisem jagħmel parti minn din l-opra tiegħu ta’ salvazzjoni u fl-istess ħin huwa sinjal tal-fejqan kbir spiritwali li huwa jġorr għall-umanità. Din l-intenzjoni superjuri tiegħu tidher b’mod evidenti meta lill-magħtub, miġjub quddiemu biex jikseb il-fejqan, huwa jagħtih qabel kollox il-maħfra ta’ dnubietu: imbagħad, billi għaraf l-oġġezzjonijiet interni ta’ wħud mill-Iskribi u l-fariżej preżenti dwar il-poter esklussiv ta’ Alla f’dan ir-rigward, jiddikjara: “ Sabiex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa li jaħfer id-dnubiet, nordnalek – qal lill-magħtub – qum, aqbad friexek u mur lejn darek” (Mc 2, 10-11).

F’dan bħal f’bosta każijiet oħra, Ġesù bil-miraklu ried juri l-qawwa li jeħles lir-ruħ umana mill-ħtijiet tagħha, billi jippurifikaha. Huwa jfejjaq il-morda bis-saħħa ta’ dan id-don superjuri, li joffri lill-bnedmin kollha: jew aħjar is-salvazzjoni spiritwali (cf. Cathechismus Catholicae Ecclesiae, 549). It-tbatijiet tal-mard ma jistgħux inessu l-importanza mxerrda tas-salvazzjoni spiritwali għal kull persuna.

4. F’din il-prospettiva ta’ salvazzjoni, Ġesù mela jitlob il-fidi fis-setgħa tiegħu ta’ Salvatur. Fil-każ tal-magħtub, li għadna kemm fakkarna, Ġesù jwieġeb għall-fidi tal-erbà persuni li kien wasslu quddiemu l-invalidu: “meta ra l-fidi tagħhom”, jgħid Marku (Mk 2, 5).

Lil missier l-epilettiku jitlob il-fidi billi jgħid: “Kollox huwa possibbli għal min jemmen” (Mk 9, 23). Jammira l-fidi taċ-ċenturjun: “Mur, u jkunlek skont il-fidi tiegħek” (Mt 8, 13), u dik tal-Kananina: “Mara, tassew kbira hija l-fidi tiegħek! Ikunlek bħal ma tixtieq” (Mt15, 28). Il-miraklu magħmul lill-għama Bartimew, jiġi attribwit lill-fidi: “Il-fidi tiegħek salvatek” (Mk 10, 52). Kelma simili tiġi ndirizzata lill-mara li kellha t-tnixxigħa tad-demm: “Binti, il-fidi tiegħek salvatek” (Mk 5, 34).

Gesù jrid jistampa l-idea li l-fidi fih, hija kkawżata mix-xewqa tal-fejqan, hija ddestinata biex tikseb is-salvazzjoni li l-iktar tiswa, dik spiritwali. Mill-episodji evanġeliċi kkwotati jirriżulta li l-mard, fil-pjan divin, jistà jirrivela ruħu stimolu għall-fidi. Il-morda huma stimolati biex jgħixu ż-żmien tal-mard bħala żmien ta fidi iktar qawwija, u allura bħala żmien ta’ qdusija u ta’ lqugħ iktar sħiħ u iktar konxju tas-salvazzjoni li tiġi minn Kristu. Hija grazzja kbira li tirċievi dan id-dawl dwar il-verità profonda tal-mard!

5. Il-Vanġelu jixhed li Ġesù assoċja l-Appostli tiegħu mal-poter li jfejjaq il-morda (cf. Mt 10, 1); u anzi, fit-tislima aħħarija qabel it-Tlugħ fis-sema, indika fil-fejqan li kellhom iwettqu wieħed mis-sinjali tal-verità tal-predikazzjoni evanġelika (cf. Mk 16,17-20). Dan kien li jwasslu l-Vanġelu fid-dinja lill-ġnus kollha, fost diffikultajiet umanament insormontabbli. Għalhekk wieħed jasal li jispjega li fl-ewwel żminijiet tal-Knisja kien jitwettaq bosta fejqan mirakoluż, enfasizzat fl-Atti tal-Appostli (cf. At 3, 1-10; 8, 7; 9, 33-35; 14, 8-10; 28, 8-10). Fiż-żminijiet ta’ wara, qatt ma naqas il-fejqan meqjus “mirakoluż”, bħal ma hu mixhud minn sorsi storiċi u bijografiċi awtorevoli u fid-dokumentazzjoni tal-proċessi ta’ kanonizzazzjoni. Huwa magħruf li l-Knisja hija tassew esiġenti f’dan ir-rigward. Dan iwieġeb għal dmir ta’ prudenza. Imma, fid-dawl tal-istorja, ma nistgħux niċħdu bosta każijiet li f’kull żmien jippruvaw l-intervent straordinarju tal-Mulej favur il-morda. Il-Knisja, bdanakollu, minkejja li dejjem torbot fuq tali forom ta’ intervent, ma tħossha qatt eżentata mill-impenn ta’ kuljum li tgħin u tikkura lill-morda, kemm bl-istituzzjonijiet karitattivi tradizzjonali kif ukoll bl-organizzazzjonijiet moderni tas-servizzi tas-saħħa.

6. Huwa fil-prospettiva tal-fidi, infatti, li l-mard jassumi nobiltà superjuri u jirrivela effikaċja partikolari bħala għajnuna lill-ministeru apostoliku. F’dan is-sens il-Knisja ma taħsibhiex li tiddikjara li għandha bżonn il-morda u l-oblazzjoni tagħhom lill-Mulej biex tikseb grazzji iktar abbundanti għall-umanità kollha. Jekk fid-dawl tal-Vanġelu l-mard jistà jkun żmien ta’ grazzja, żmien li fih l-imħabba divina tippenetra b’mod iktar profond f’dawk li jbatu, mhemmx dubju li, bl-offerta tagħhom, il-morda u l-invalidi jqaddsu lilhom infushom u jikkontribwixxu għall-qdusija tal-oħrajn.

Dan jgħodd, b’mod partikolari, għal dawk li jiddedikaw ruħhom għas-servizz tal-morda u tal-invalidi. Tali servizz huwa triq ta’ qdusija bħall-mard stess. Tul is-sekli, dan kien manifestazzjoni tal-karità ta’ Kristu, li huwa appuntu s-sors tal-qdusija.

Dan huwa servizz li jitlob dedikazzjoni, sabar u delikatezza, magħqudin ma’ ħila kbira ta’ ħniena u ta’ fehim, b’mod speċjali għaliex, minbarra l-kura taħt l-aspett strettament sanitarju, dak li jkun jeħtieġ li jġib ukoll lill-morda l-konfort morali, bħal ma jissuġġerixxi Ġesù : “Kont marid . . . u ġejtu żżuruni” (Mt 25, 36).

7. Dan kollu jikkontribwixxi għall-bini tal-“Ġisem ta’ Kristu” fil-karità, kemm għall-effett tal-oblazzjoni tal-morda, kif ukoll għall-eżerċizzju tal-virtujiet ta’ dawk li jikkurawhom jew iżuruhom. Hekk isib attwazzjoni l-misteru tal-Knisja omm u ministra tal-karità. Hekk irraffigurawha l-pitturi bħal Piero della Francesca: fil- Polittico della misericordia, impitter fl-1448 u kkonservat f’Borgo San Sepolcro, huwa jirrapreżenta lil Verġni Marija, xbiha tal-Knisja, fl-att tal-firxa tal-mant tagħha bħala protezzjoni tal-fidili, li huma id-dgħajfa, l-imsejkna, l-isfiduċjati, il-poplu, il-kleru u l-verġni kkonsagrati, kif kien elenkahom l-Isqof Filberto ta’ Chartres f’omelija miktuba fl-1208.

Hemm bżonn li nimpenjaw ruħna sabiex is-servizz ta’ mħabba u umli tagħna lill-morda jieħu sehem ma’ dak tal-Knisja Ommna, li tagħha Marija hija l-eżempju perfett (cf. Lumen Gentium, 64-65) għal servizz effikaċi tat-terapija tal-imħabba.

Miġjub mit-Taljan għall-Maltin minn Emanuel Zarb