131. L-Unità tirriżulta minn Diversità leġittima


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 28/06/1995.

1. Mad-dimensjoni missjunarja tal-Kinisja, murija fil-katekeżi preċedenti, jappartieni wkoll l-ekumeniżmu.

Niffaċċja b’ferħ partikolari t-trattament ta’ din it-tema, waqt li preżenti f’Ruma d-delegazzjoni uffiċjali tal-Patriarkat ta’ Kostantinopli, immexxija mill-Qdusija Tiegħu Bartolomew I. Jiena ċert li wkoll il-Venerabbli Ħija jgħix b’mod qawwi l-urġenza għal din il-problema, u ż-żjara tiegħu ma tonqosx li ġgib kontribut effikaċi għall-progress tad-djalogu ekumeniku.

Dwar dan l-argument speċifiku reċentement ippubblikajt l-Ittra enċiklika Ut unum sint, fejn stedint lil dawk li jiddikjaraw ruħhom dixxipli ta’ Kristu biex jintensifikaw l-impenn favur l-għaqda sħiħa tal-insara kollha. Infatti, “din l-għaqda, li l-Mulej irregala lill-Knisja tiegħu u li fiha huwa jrid iħaddan lil kulħadd, mhijiex aċcessorju, imma hija fiċ-ċentru stess tal-opra tiegħu. Lanqas ma hija ekwivalenti għal attribut sekondarju tal-komunitajiet tad-dixxipli tiegħu. Iżda tappartieni għall-esseri stess ta’ din il-komunità. Alla jrid il-Knisja, għaliex huwa jrid l-għaqda u fl-għaqda jesprimi l-approfondiment kollu tal-agape” tiegħu (n. 9).

Tul il-kors tas-sekli, sfortunatament, numerużi kienu l-qasmiet fost id-dixxipli ta’ Kristu. Dawn il-qasmiet huma ħaġa oħra tal-varjetà leġittima li tiddifferenzja l-Knejjes lokali jew partikolari, li fihom hija preżenti u tinkludi ruħha l-unika Knisja ta’ Kristu.

2. Biex wieħed jispjega d-diversità u l-varjetà storika tal-Knejjes insara,  huwa opportun li josserva li l-għaqda mixtieqa minn Kristu ma tinvolvix affattu uniformità esterna, mortifikanti. Ġħal dan ir-rigward, fl-imsemmija Enċiklika,  innotajt li “id-diversità leġittima ma topponix affattu ruħha għall-għaqda tal-Knisja, anzi tkabbar id-dekor u tikkontribwixxi mhux ftit għat-twettiq tal-missjoni tagħha” (n. 50). Ħafna Knejjes lokali jew partikolari  jżommu mod ta’għixien tal-impenn nisrani propju li jinvoka l-istituzzjonijiet ta’ oriġni apostolika u tradizzjonijiet antikissmi, jew ukoll proċeduri stabbiliti fiż-żminijiet differenti skont esperjenzi li jirrivelaw ruħhom adattati għall-inkulturazzjoni tal-Vanġelu. B’dan il-mod tul il-kors tas-sekli iffurmat ruħha varjetà ta’ Knejjes lokali, li kkontribwiet u tikkontribwixxi għall-għana spiritwali tal-Knisja universali, mingħajr ma tagħmel ħsara lill-għaqda.

Il-varjetà mela huwa tajjeb li tibqà. L-għaqda tal-Knisja ma jkollhiex għax tbati, speċjalment jekk l-insara, konxji mill-oriġni divina tagħha, isejħulha b’mod kostanti fit-talb: infatti hi hija frott tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu.

B’mod opportun il-Konċilju Vatikan II ifakkar li l-għaqda tal-Knisja universali mhijiex ir-riżultat jew il-prodott tal-għaqda tal-Knejjes lokali, imma hija propjetà essenzjali tagħha. Sa mill-bidu l-Knisja kienet imwaqqfa minn Kristu bħala universali u, b’mod storiku, l-Knejjes lokali iffurmaw ruħhom bħala preżenzi u espressjonijiet ta’ din l-unika Knisja universali. Għalhekk il-fidi nisranija fil-Knisja hija fidi fil-Knisja waħda u kattolika (cf. Lumen Gentium, 13).

3. Il-kelma ta’ Kristu mgħoddija mill-Appostli u miġbura fit-Testment il-Ġdid, ma tħalli ebda dubju dwar ir-rieda tagħha, konformi mal-pjan tal-Missier: “Ma nitlobx biss għal dawn (l-Appostli), imma wkoll għal dawk li permezz ta’ kelmthom se jemmnu fija; sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda biss. Bħal ma int, Missier, inti fija u jiena fik, huma wkoll ikunu fina ħaġa waħda” (Ġw 17, 20-21). L-għaqda tal-Missier u tal-Iben fl-Ispirtu Santu hija s-sies suprem tal-għaqda tal-Knisja. Il-perfezzjoni ta’ dik l-għaqda  traxxendenti għandha tkun imitata, “sabiex ikunu perfetti fl-għaqda” (Ġw 17, 23). Tali għaqda divina hija mela l-bidu li jsejjes l-għaqda ta’ dawk li jemmnu: “Ikunu wkoll huma fina ħaġa waħda” (Ġw 17, 21).

Fil-Vanġeli u fil-kitbiet l-oħra tat-Testment il-Ġdid hemm, ukoll, ċarezza ddikkjarata li l-għaqda tal-Knisja kienet miksuba permezz tas-sagrifiċċju feddej, per eżempju, fil-Vanġelu ta’ Ġwanni: “Ġesù kellu jmut… mhux għan-nazzjon biss, imma wkoll biex jerġà jgħaqqad flimkien lill-ulied Alla li kienu mferrxa” (Ġw 11, 51-52). Jekk it-tifrix kien il-frott tad-dnub – hija l-lezzjoni li toħtoġ mill-episodju tat-torri ta’ Babel – ir-rijunifikazzjoni ta’ wlied Alla mferrxa hija opra tal-fidwa. Bis-sagrifiċċju tiegħu Ġesù ħoloq “bniedem ġdid wieħed biss” u rrikonċilja l-bnedmin bejniethom, waqt li qered l-animożità li kienet tifridhom (cf. Ef 2, 14-16).

4. F’armonija mal-kelma ta’ Kristu, San Pawl jgħallem li d-diversità tal-membri tal-ġisem ma tfixkilx l-għaqda tagħhom: “Bħal ma l-ġisem, għalkemm huwa wieħed, għandu ħafna membri u l-membri kollha għalkemm huma ħafna, huma ġisem wieħed, hekk ukoll huwa Kristu” (1 Kor 12, 12). Din l-għaqda fil-Knisja tiġi qabel xejn mill-Magħmudija u mill-Ewkaristija, li fihom jiġi mgħoddi u jaġixxi l-Ispirtu Santu: “Aħna lkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex niffurmaw ġisem wieħed… u lkoll xrobna minn l-istess Spirtu” (1 Kor 12, 13). “La darba hemm ħobż wieħed biss, aħna, għalkemm aħna ħafna, aħna ġisem wieħed biss” (1 Kor 10, 17).

San Pawl, Appostlu u duttur tal-għaqda, jiddeeskrivi d-dimensjoni li din għandha fil-ħajja ekkleżjali: “Ġisem wieħed, spirtu wieħed, bħal ma waħda hija t-tama li għaliha kontu msejħa, dik tal-vokazzjoni tagħkom, fidi waħda, magħmudija waħda. Alla Missier wieħed ta’ kulħadd, li huwa ‘l fuq minn kulħadd, jaġixxi permezz ta’ kulħadd, u huwa preżenti f’kulħadd” (Ef 4, 4-6).

Ġisem wieħed: ix-xbiha tesprimi totalità organika, magħquda b’mod indissolubli permezz ta’ għaqda spiritwali: spirtu wieħed. Din hija għaqda reali, li l-insara huma msejħa biex jgħixu b’mod dejjem iktar profond, waqt li jadattaw ruħhom għall-esiġenzi tagħha u “b’kull umiltà, manswetudni u sabar isostnu lil xulxin b’imħabba” (Ef 4, 2).

L-għaqda tal-Knisja turi mela aspett doppju: hija propjetà li għandha bħala sies inkrollabbli l-istess għaqda divina tat-Trinità, imma titlob ukoll ir-responsabiltà ta’ dawk li jemmnu, li għandhom jilqgħuha u jattwawha b’mod konkret fl-eżistenza tagħhom (cf. Ut unum sint, 6).

5. Din hija qabel xejn l-għassa tal-una fides, il-professjoni tal-unika fidi li dwarha jitkellem l-Appostlu Pawlu. Din il-fidi tinvolvi l-adeżjoni komuni ma’ Kristu u mal-verità kollha minnu rrivelata lill-umanità, mixhuda fl-Iskrittura u ppriservata fit-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja. Propju biex iżomm u jippromwovi l-għaqda tal-fidi (unitas fidei catholicae), Ġesù ried iwaqqaf fil-Kulleġġ apostoliku awtorità speċifika, billi jgħaqqad il-maġisteru miegħu stess: “Min jismà lilkom, jismà lili” (Lq 10, 16; cf. Mt 28, 18-20).

A bażi tal- koinonia ta’ dawk li jemmnu, l-awtorità ral-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom hija servizz li jispjega ruħu fl-isfera sagramentali, dutrinali u pastorali, a bażi ta’ għaqda mhux biss ta’ duttrina, imma wkoll ta’ direzzjoni u ta’ tmexxija. Dan jiktbu San Pawl: “huwa hu li stabbilixxa xi wħud bħala Appostli, oħrajn bħala profeti. Oħrajn bħala evanġelisti, oħrajn bħala rgħajja u għalliema… sabiex jibni l-ġisem ta’ Kristu, sakemm naslu lkoll għall-għaqda tal-fidi u tal-għarfien sħiħ tal-Iben ta’ Alla” (Ef 4, 11-13).

F’din il-prospettiva dak li jkun jifhem sewwa l-misteru speċifiku mogħti lil Pietru u lis-suċċessuri tiegħu. Dan huwa msejjes fuq il-kliem stess ta’ Kristu, bħal ma hu miktub fit-tradizzjoni evanġelika (cf. Ut unum sint, 91).

Dan huwa misteru ta’ grazzja li r-Ragħaj etern ta’ rwieħna ried għall-Knisja tiegħu, sabiex waqt li tikber u topera fil-karità u fil-verità, hija tibqà f’kull żmien viżibilment magħquda għall-glorja ta’ Alla l-Missier.

Lilu nitolbu d-don ta’ ftehim dejjem iktar profond fost il-fidili u r-rgħajja u, għal dak li jikkonċerna l-ministeru petrin, nitolbu d-dawl meħtieġ biex nagħrfu l-aħjar forom li fihom huwa jistà jwettaq servizz ta’ komunjoni magħruf minn kulħadd (cf. Ut unum sint, 96).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb