Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 17 ta’ Ġunju


L-Erbgħa, 17 ta’ Ġunju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Mhux għal wiċċ in-nies

Għal tliet darbiet Ġesù fl-Evanġelju jgħid: “Missierek, li jara dak li hu fil-moħbi.” Qed ifakkarna li Alla jara kollox, dak li jidher u dak li ma jidhirx; li Alla jara l-qalb, mhux biss dak li jidher minn barra. Ma jimpressjonax ruħu bil-faċċati. L-image ma tagħmilx bih.

Hawnhekk Ġesù mhux qed jitkellem fuq dak li hu ħażin, li Alla jarah ukoll. Aħna nafu li dak li jsir ħażin, taħbih kemm tipprova taħbih, Alla jarah. Ma tistax tistaħba minnu. Aħna ngħidu bil-Malti li d-dnub ma jorqodx, imma anke kieku jorqod, u jistaħba, u b’xi mod tneħħi t-traċċi tiegħu, Alla xorta jarah, għax għal Alla kollox hu mikxuf, kollox hu bħal ktieb miftuħ.

Imma hawn ma jsemmix il-ħażin, isemmi t-tajjeb. Hawn isemmi affarijiet qaddisa, ta’ min ifaħħarhom: il-karità, it-talb u s-sawm. Il-messġġ huwa ċar: dak li nagħmlu tajjeb m’għandniex nagħmluh għal wiċċ in-nies biex nidhru tajbin quddiemhom, jew biex ifaħħruna tat-tajjeb li nagħmlu. Dak li nagħmlu tajjeb għandna nagħmluh għal Alla u għall-glorja tiegħu. Hekk tassew ikun ta’ valur. Jekk nagħmluh għal wiċċ in-nies, nitilfu ħafna mill-valur tat-tajjeb li nagħmlu.

Dan il-kliem ta’ Ġesù lilna jagħtina ħafna paċi fil-qalb. Jgħinna biex l-intenzjoni tagħna tkun ippurifikata, ħalli dak li nagħmlu nagħmluh tassew għall-glorja ta’ Alla. U nindunaw li meta nagħmlu hekk inkunu tassew fil-paċi. L-isbaħ esperjenza hija meta tagħmel il-ġid, u tagħmlu fis-skiet u fil-kwiet, u jaf bih biss Alla.

Dan il-kliem ta’ Ġesù hu ta’ apprezzament għal tant nies fil-ħajja tal-Knisja u tas-soċjetà li jaħdmu b’dan l-ispirtu. Insemmi saċerdoti, reliġjużi u lajċi li proprju – bħalma jgħid Ġesù hawn – li jagħmlu mhux għal wiċċ in-nies, imma biex tassew jagħmlu l-ġid u jagħmluh għal Alla. Kemm nies qed jgħinu lil min hu fil-bżonn fis-skiet u fil-kwiet, ħadd ma jaf bihom, imma li jagħmlu hu ta’ valur kbir għax qed jagħmluh għall-glorja ta’ Alla. Il-ħajja tal-Knisja hi mimlija b’dawn in-nies. Ftit nisimgħu bil-ġid kbir li jsir għax ħafna min-nies jaħdmu b’dan l-ispirtu li qed jgħid Ġesù, jiġifieri mhux għal wiċċ in-nies imma għall-glorja ta’ Alla. Insemmi wkoll il-familji, kemm ġenituri jaħdmu b’dan il-mod; jgħixu għal uliedhom b’dedikazzjoni sħiħa. Li jagħmlu jagħmluh mhux għal wiċċ xi ħadd imma proprju biex jaqdu l-missjoni tagħhom. U anke nies oħra, fil-familja stess, li huma ddedikati kompletament; ħafna min-nies ma jafux b’dak li qed jagħmlu, imma qed jagħmluh bi spirtu tajjeb u għall-glorja ta’ Alla.

Aħna kultant, meta nagħmlu affarijiet tajbin, inkunu nixtiequ min jurina rikonoxximent u apprezzament għat-tajjeb li nagħmlu. Nixtiequ li kultant jindunaw bih. Din naturali, mhijiex l-istess bħal meta li tagħmel tagħmlu għal wiċċ in-nies jew biex timpressjonahom. Imma l-kelma ta’ Ġesu lilna tagħtina l-għajnuna biex f’ħajjitna la nagħmlu affarjiet biex nidhru jew għal wiċċ in-nies, imma lanqas nagħmluhom qisna niddependu fuq il-ġudizzju tal-oħrajn, fuq l-apprezzament u r-rikonoxximent tal-oħrajn. Iktar ma’ Alla jgħinna f’dan, iktar ikollna paċi fil-qalb tagħna u dak li nagħmluh, nagħmluh tassew għall-glorja ta’ Alla.

Irridu niftakru xi ħaġa li Ġesù tant uriena fil-ħajja u t-tagħlim tiegħu: li dak li nagħmlu għal wiċċ in-nies jgħaddi u jtir bħar-riħ; dak li nagħmlu għal Alla u għall-glorja tiegħu jibqa’.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.