132. Ilkoll għandna nħabirku għall-iskop ta’ Għaqda Sħiħa


Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar il-Knisja. Udjenza Ġenerali – 12/07/1995.

1. Għan-nisrani l-impenn ekumeniku jilbes mill-ġdid importanza ewlenija. Huwa magħruf infatti li għall-għaqda tad-dixxipli Ġesù talab fl-aħħar Ċena b’qawwa sinċiera: “Kif int Missier, inti fija u jiena fik, ikunu wkoll huma fina ħaġa waħda, sabiex id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17, 21).

Ġesù ma ħasibhiex darbtejn li jitlob lill-Missier li d-dixxipli jkunu “perfetti fl-għaqda” (Ġw 17, 23), alavolja kien jaf id-diffikultajiet u t-tensjonijiet li magħhom kienu se jħabbtu wiċċhom. Huwa stess kien osserva in-nuqqas ta’ ftehim li qam fost it-Tnax, ukoll tul l-aħħar Ċena, u ppreveda dawk li kellhom iseħħu żmien qasir wara fil-komunitajiet insara, imxerrda f’dinja hekk vasta u hekk differenti. Madankollu talab għall-għaqda perfetta tan-nies tiegħu u għal dan l-iskop offra s-sagrifiċċju ta’ ħajtu stess.

L-għaqda hija mela don tal-Mulej lill-Knisja tiegħu, “poplu miġbur mill-għaqda tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu” bħal ma jinnota b’mod effikaċi San Ċiprijanu (De Orat. Dom., 23: PL 4, 536). Infatti il-mudell suprem u l-bidu ta’ dan il-misteru huwa l-għaqda fit-Trinità tal-Persuni ta’ Alla wieħed Missier u Iben fl-Ispirtu Santu” (Unitatis Redintegratio, 2).

Fir-realtà, fl-ewwel komunità miġbura wara Pentekoste, naraw issaltan għaqda profonda, ilkoll “kienu regolari fis-smigħ tat-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda fraterna, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (At 2, 42); u “il-multitudni ta’ dawk li kienu ġew għall-fidi kellha qalb waħda u ruħ waħda” (At 4, 32).

2. Waqt li naqraw il-paġni tal-Atti tal-Appostli li jiddeskrivu l-ewwel esperjenzi tal-ħajja fil-komunità apostolika, nintlaqtu mill-osservazzjoni li dik l-għaqda u l-ftehim kellha rabta prezzjuża fil-preżenza ta’ Marija (cf. At 1, 13-14). Fost in-nisa preżenti fl-ewwel laqgħa, hija hi l-unika waħda msemmija b’isimha minn Luqa, li ma jonqosx li jikkwalifikaha bħala “l-omm ta’ Ġesù”, waqt li hekk jipproponiha bħala sinjal u qawwa intima tal-“koinonia”. Dan it-titlu jagħtiha post uniku, marbut mal-maternità ġdida tagħha pproklamatha minn Kristu fuq is-Salib. Dak li jkun mela ma jistax jinjora li f’dan it-test l-għaqda tal-Knisja tesprimi ruħha bħala fedeltà lejn Kristu, sostnuta u protetta mill-preżenza materna ta’ Marija.

Din l-għaqda mwettqa fil-bidu tal-ħajja tal-Knisja, ma tistà qatt tgħib fil-valur essenzjali tagħha. Dan irripetih il-Konċilju Vatikan II: “Minn Kristu Mulej il-Knisja kienet mwaqqfa waħda u unika” (Unitatis Redintegratio, 1). Wieħed għandu iżda jinnota li din l-għaqda oriġinarja ġarrbet tiċrit profond fil-korsa tal-istorja.

L-imħabba lejn Kristu għandha timbotta lid-dixxipli tiegħu tallum biex jerġgħu jqisu flimkien l-imgħoddi tagħhom biex jerġgħu jaqbdu b’qawwa ġdida t-triq tal-għaqda.

3. L-istess kitbiet mhux-testamentarji jindikawlna li sa mill-bidu tal-ħajja tal-Knisja kien hemm diviżjonijiet fost l-insara. Pawlu jitkellem dwar in-nuqqas ta’ fehim fil-Knisja ta’ Korintu (cf. 1 Kor 1, 10-12). Ġwanni jgerger dwar dawk li jxerrdu tagħlim falz (cf. 2 Ġw 10) jew li jippretendu li jokkupaw l-ewwel post fil-Knisja (cf. 2 Ġw 9-10). Dan huwa l-bidu ta’ storja doloruża, li f’kull epoka rreġistrat, bil-formazzjoni ta’ gruppi partikolari ta’ nsara li nqatgħu mill-Knisja kattolika, il-qawmien ta’ xiżmi u ta’ ereżiji u t-twelid ta’ Knejjes “separati”. Dawn ma kinux f’komunjoni la mal-Knejjes l-oħra u linqas mal-Knisja universali, imwaqqfa bħala “merħla waħda” taħt “ragħaj wieħed”, Kristu  (Ġw 10, 16), rappreżentat minn Vigarju universali wieħed, il-Papa.

4. Mill-konfront doloruż ta’ din is-sitwazzjoni storika mal-liġi evanġelika tal-għaqda twieled il-moviment ekumeniku, li jipproponi li jirkupra l-għaqda viżibbli wkoll fost l-insara kollha, “sabiex id-dinja tikkonverti għall-Vanġelu u hekk issalva għall-glorja ta’ Alla” (Unitatis Redintegratio, 1). Lil tali moviment ta l-ikbar importanza l-Konċilju Vatikan II, billi nnota  kif huwa jimplika, għal dawk li jaħdmu hemm, komunjoni ta’ fidi fit-Trinità u fi Kristu, hija aspirazzjoni komuni għall-Knisja waħda u universali (cf. Unitatis Redintegratio, 1). Imma l-impenn ekumeniku awtentiku jesiġi wkoll, mill-insara kollha li mċaqilqin minn rieda sinċiera ta’ komunjoni, il-ħelsien mill-preġudizzji li joħolqu mpediment għall-iżvilupp tad-djalogu tal-karità fil-verità.

Il-Konċilju jagħmel ħaqq differenzjat dwar l-iżvilupp storiku tas-separazzjonijiet. “Komunitajiet mhux żgħar – jgħid – inqatgħu mill-komunjoni sħiħa tal-Knisja kattolika, kultant mhux mingħajr ħtija ta’ bnedmin taż-żewġ naħat” (Unitatis Redintegratio, 3). Dan huwa l-waqt inizjali tas-separazzjoni. Wara, s-sitwazzjoni hija differenti: “Dawk imbagħad li issa jitwieldu, u huma mgħallma fil-fidi ta’ Kristu f’tali komunitajiet, ma jistgħux jiġu akkużati bi dnub ta’ separazzjoni, u l-Knisja kattolika tħaddanhom b’rispett fratern u imħabba” (Unitatis Redintegratio, 3).

Bil-Konċilju Vatikan II, il-Knisja kattolika impenjat ruħha b’mod irriversibbli li ssegwi t-triq tar-riċerka ekumenika, billi qiegħdet lilha nfisha għas-smigħ tal-Ispirtu tal-Mulej. It-triq ekumenika hija issa t-triq tal-Knisja.

5. Irridu għal darb’oħra ninnutaw li, skont il-Konċilju, dawk li huma separati mill-Knisja kattolika għadhom iżommu  ċerta komunjoni – mhux sħiħa imma reali – magħha. Infatti, dawk li jemmnu fi Kristu, u rċivew il-Magħmudija, huma ġustament magħrufa minn ulied il-Knisja kattolika “bħala aħwa fil-Mulej”, ukoll jekk hemm xi differenzi, “sew fil-kamp tad-dutrina, u kultant ukoll tad-dixxiplina, kif ukoll dwar l-istruttura tal-Knisja” (Unitatis Redintegratio, 3). Nistgħu nkunu magħqudin magħhom permezz ta’ doversi elementi ta’ valur kbir, bħall-“kelma ta’ Alla miktuba, il-ħajja tal-grazzja, il-fidi, it-tama u l-karità, u doni oħra nterni tal-Ispirtu Santu, u elementi oħra viżibbli” (Unitatis Redintegratio, 3). Dan kollu huwa patrimonju tal-unika Knisja ta’ Kristu, li “jeżisti fil-Knisja Kattolika” (Lumen Gentium, 8).

Ukoll fil-konfront tal-opra evanġelizzatriċi u santifikatriċi, il-pożizzjoni tal—Konċilju hija sinċiera u rispettuża. Dan jiddikjara li l-Knejjes u l-komunitajiet ekkleżjali mhumiex affattu mneżżgħa minn sinifikat u piż fil-ministeru tas-salvazzjoni. “L-Ispirtu ta’ Kristu ma jirrifjutax li jinqeda bihom bħala strumenti ta’ salvazzjoni” (Unitatis Redintegratio, 3).

Dan kollu jġorr fih is-sejħa urġenti għall-għaqda sħiħa. Din mhix sempliċement li tgħodd flimkien l-għana spiritwali mferrex fil-komunitajiet insara kważi li bli nagħmlu hekk dak li jkun jistà jasal għal Knisja iktar perfetta, għall-Knisja li għaliha jimmira Alla għall-futur. Din iżda hija li tiġi mwettqa dik il-Knisja li Alla, fil-ġrajja ta’ Pentekoste, diġa wera fir-realtà tagħha profonda. Din hija l-mira li għaliha lkoll kemm aħna għandna nimmiraw, magħqudin diġa issa fit-tama, fit-talb, fil-konverżjoni tal-qlub u, kif spiss kien mitlub minna, fit-tbatija li tikseb valur mis-Salib ta’ Kristu.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb