10. Il-valur taż-żwieġ wieħed li ma jinħallx fid-dawl tal-ewwel kapitli tal-Ġenesi

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 21/11/1979.

1. Niftakru li meta Kristu ġie mistoqsi dwar l-għaqda u l-indissolubiltà taż-żwieġ, hu kien irrikorra għal dak li kien fil-“bidu”.

Huwa kkwota l-kliem miktub fl-ewwel kapitli tal-Ġenesi. Għalhekk, matul dawn ir-riflessjonijiet, aħna se nippruvaw nippenetraw is-sens proprju ta’ dan il-kliem u ta’ dawn il-kapitli.

Is-sinifikat tal-għaqda oriġinarja tal-bniedem, li Alla ħalaq bħala “raġel u mara”, jinkiseb (b’mod partikulari fid-dawl ta’ Ġenesi 2:23) fl-għarfien tal-bniedem fil-kapaċitajiet kollha tiegħu bħala esseri uman, jiġifieri fir-rikkezzi kollha ta’ dak il-misteru tal-ħolqien li huwa l-bażi tal-antropoloġija teoloġika.  Dan l-għarfien, jiġifieri l-istudju tal-identità umana ta’ dak li fil-bidu kien “waħdu”, għandu dejjem jgħaddi mid-duwaliżmu, il-“komunjoni”.

Ejjew niftakru mill-ġdid is-silta ta’ Ġenesi 2:23: “Imbagħad il-bniedem qal: ‘Din id-darba din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi, għalhekk tissejjaħ mara għaliex mir-raġel ittieħdet hi’”.  Fid-dawl ta’ dan it-test, aħna nifhmu li l-għarfien tal-bniedem jgħaddi permezz tal-maskilità u l-femminilità. Dawn huma żewġ “inkarnazzjonijiet” tal-istess solitudni metafiżika quddiem Alla u quddiem id-dinja – bħallikieku żewġ modi kif “tkun ġisem”, u fl-istess ħin bniedem, li jikkompletaw lil xulxin – bħal żewġ dimensjonijiet kumplimentarji tal-awto-kuxjenza u tal-awto-determinazzjoni u, fl-istess ħin, żewġ modi komplimentarji ta’ kif wieħed ikun konxju tas-sinifikat tal-ġisem.  

Bħalma diġà juri l-Ġenesi 2:23, il-femminilità ssib ruħha, f’ċertu sens, fil-preżenza tal-maskilità, waqt li l-maskilità tikkonferma ruħha permezz tal-femminilità.  Preċiżament, il-funzjoni tas-sess, li huwa f’ċertu sens “parti kostitwenti tal-persuna” (mhux biss “attribut tal-persuna”), turi b’mod profond kemm il-bniedem, bis-solitudni spiritwali kollha tiegħu, bl-uniċità irripetibbli tal-persuna tiegħu, huwa msawwar mill-ġisem bħala “huwa” u “hija”. Il-preżenza tal-element femminil, maġenb dak maskil u flimkien miegħu, jissinjifika l-arrikkiment għall-bniedem fil-perspettiva kollha tal-istorja tiegħu, inkluża l-istorja tal-fidwa. Dan it-tagħlim kollu dwar l-għaqda ġa kien oriġinarjament imfisser f’Ġenesi 2:23.

Niskopru mill-ġdid il-misteru tal-ħolqien

2. L-għaqda li dwarha jitkellem il-Ġenesi 2:23 (“it-tnejn isiru ġisem wieħed”) hija, bla ebda dubju, dik espressa u rrealizzata fl-att taż-żwieġ.  Il-formulazzjoni biblika, tassew konċiża u sempliċi, tindika s-sess, il-femminilità u l-maskilità, bħala dik il-karatteristika tal-bniedem – raġel u mara – li tippermettilhom, meta jsiru “ġisem wieħed”, li jissottomettu l-umanità kollha tagħhom għall-barka tal-fertilità.  Madankollu, il-kuntest kollu tal-formulazzjoni dinjituża ma jippermettilniex li nieqfu fuq il-wiċc tas-sesswalità umana.  Ma jħalliniex nittrattaw il-ġisem u s-sess ’il barra mid-dimensjoni sħiħa tal-bniedem u tal-“komunjoni tal-persuni”.  Jobbligana naraw, sa mill-“bidu”, il-milja u l-profondità li huma karatteristiċi ta’ din l-għaqda li r-raġel u l-mara jridu jsawru fid-dawl tar-rivelazzjoni tal-ġisem.

Mela, l-ewwel u qabel kollox, l-espressjoni prospettiva li tgħid: “ir-raġel… jingħaqad ma’ martu” hekk intimament li it-tnejn “isiru ġisem wieħed”, dejjem ġġegħelna nirreferu għal dak li t-test bibliku jesprimi aktar qabel rigward l-unjoni fl-umanità, li torbot lill-mara u r-raġel fl-istess misteru tal-ħolqien.  Il-kliem ta’ Ġenesi 2:23 li għadna kemm analizzajna jispjega dan il-kunċett b’mod partikolari. Waqt li jingħaqdu flimkien (fl-att taż-żwieġ) b’mod hekk qrib li jsiru “ġisem wieħed”, ir-raġel u l-mara jiskopru, biex ngħidu hekk, kull darba u b’mod speċjali, il-misteru tal-ħolqien.  B’dan il-mod huma jerġgħu lura għal dik l-unjoni fl-umanità (“għadma minn għadmi u laħam minn laħmi”), li tippermettilhom jagħrfu lilhom infushom b’mod reċiproku u, bħall-ewwel darba, li jsejħu lilhom infushom b’isimhom.

Dan ifisser li wieħed jgħix, f’ċertu sens, il-valur verġinali oriġinarju tal-bniedem, li joħroġ mill-misteru tas-solitudni tiegħu quddiem Alla u f’nofs id-dinja.  Il-fatt li jsiru “ġisem wieħed” huwa rabta qawwija stabbilita mill-Ħallieq. Permezz tagħha huma jiskopru l-umanità tagħhom, sew fl-għaqda oriġinarja tagħha, kif ukoll fid-duwaliżmu ta’ attrazzjoni reċiproka misterjuża.

Is-sess, però, huwa xi ħaġa aktar mill-qawwa misterjuża tal-ġisem tal-bniedem li taġixxi kważi bis-saħħa tal-istint. Fil-livell tal-bniedem u fir-relazzjoni reċiproka tal-persuni, is-sess jesprimi mod dejjem ġdid ta’ kif jinqabeż il-limitu tas-solitudni tal-bniedem li hi parti intergrali mill-binja tal-ġisem, u tiddetermina t-tifsira oriġinali tiegħu. Dan il-qbiż tal-limitu dejjem jinkludi fih ċerta assunzjoni li s-solitudni tal-ġisem tat-tieni ‘jien’ tkun bħal dik tal-ewwel ‘jien’.

L-għażla tistabbilixxi l-patt.

3. Għalhekk din hija marbuta mal-għażla. L-istess formulazzjoni ta’ Ġenesi 2:24 tindika mhux biss li l-bnedmin, maħluqin bħala raġel u mara, ġew maħluqin għall-għaqda.  Tindika wkoll li proprju din l-għaqda, li permezz tagħha jsiru “ġisem wieħed”, għandha sa mill-bidu karattru ta’ unjoni li ġejja minn għażla. Infatti naqraw: “Ir-raġel jitlaq lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu”. La darba l-bniedem “min-natura tiegħu”jappartjeni lil missieru u lil ommu b’riżultat tal-prokreazzjoni, mill-banda l-oħra jkun b’għażla li “huwa jingħaqad” ma’ martu (jew hi ma’ żewġha).

It-test tal-Ġenesi 2:24 jiddefenixxi dan il-karattru tar-rabta taż-żwieġ b’referenza għall-ewwel raġel u għall-ewwel mara.  Fl-istess ħin dan jagħmlu wkoll fil-perspettiva tal-ġejjieni kollu tal-bniedem f’din id-dinja.  Għalhekk, fi żmienu, Kristu jirreferi għal dak it-test bħala daqstant attwali għall-epoka tiegħu. Minħabba li huma msawrin xbieha t’Alla, daqskemm minħabba li jiffurmaw komunjoni awtentika ta’ persuni, l-ewwel raġel u l-ewwel mara jridu jikkostitwixxu l-bidu u l-mudell ta’ dik il-komunjoni għall-irġiel u n-nisa kollha, li fi kwalunkwè żmien jingħaqdu flimkien hekk intimament li jkunu “ġisem wieħed”.

Il-ġisem, li permezz tal-maskilità jew il-femminilità proprja tiegħu jgħin sa mill-bidu lit-tnejn li huma jsibu lil xulxin f’komunjoni ta’ persuni, isir, b’mod partikolari, l-element kostitwenti tal-unjoni tagħhom meta jsiru miżżewġin.  Dan iseħħ, però, permezz ta’ għażla reċiproka.  Din l-għażla tistabbilixxi l-patt konjugali bejn il-persuni[1], li jsiru “ġisem wieħed” biss skont din il-bażi.

Persuni li jagħtu lilhom infushom

 4. Dan jikkorrispondi mal-istruttura tas-solitudni tal-bniedem, u fir-realtà mas-“solitudni doppja”.  Bħala espressjoni ta’ awto-determinazzjoni, l-għażla tistrieħ fuq il-pedament ta’ dik l-istruttura, jiġifieri fuq il-pedament tal-awto-kuxjenza tiegħu.  Huwa biss a bażi tal-istruttura karatteristika għall-bniedem, li huwa “hu ġisem”, u permezz tal-ġisem, huwa wkoll maskil u femminil. Meta t-tnejn jingħaqdu flimkien hekk intimament li jsiru “ġisem wieħed”, l-għaqda konjugali tagħhom tassumi għarfien matur tal-ġisem.  Anzi, din l-għaqda ġġorr fiha għarfien partikolari tat-tifsira ta’ dak il-ġisem fl-għotja reċiproka tal-persuni.

F’dan is-sens ukoll, Ġenesi 2:24 huwa test perspettiv.  Dan, infatti, juri li f’kull għaqda konjugali ta’ raġel ma’ mara jerġa’ jinstab mill-ġdid l-istess għarfien oriġinali tat-tifsira unifikanti tal-ġisem fil-maskilità u l-femminilità tiegħu.  Fl-istess ħin, dan it-test bibliku jindika li f’kull waħda minn dawn l-għaqdiet jiġġedded, b’ċertu mod, il-misteru tal-ħolqien fil-profondità oriġinali u fil-qawwa vitali kollha tiegħu. “Meħuda mir-raġel” bħala “laħam minn laħmi”, il-mara sussegwentement issir “martu” u permezz tal-maternità tagħha, omm il-ħajjin (ara: Ġen 3.20), billi l-maternità tagħha għandha wkoll l-oriġini tagħha fih.  Il-prokreazzjoni għandha l-għeruq tagħha fil-ħolqien, u kull darba tirriproduċi, f’ċertu sens, il-misteru tiegħu.

5.  Riflessjoni speċjali dwar “L-għarfien u l-prokreazzjoni” se tkun iddedikata għal dan is-suġġett.  Fiha jkollna bilfors nirreferu mill-ġdid għal elementi oħra tat-test bibliku.  L-analiżi magħmula s’issa tat-tifsira tal-għaqda oriġinarja juri b’liema mod dik l-għaqda tar-raġel mal-mara, inerenti fil-misteru tal-ħolqien sa “mill-bidu”, tiġi mogħtija wkoll bħala impenn fil-perspettiva taż-żmenijiet kollha suċċessivi.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm


[1] (Gaudium et Spes, 48: “L-intima komunità ta’ ħajja ta’ mħabba konjugali, irridu ngħidu l-kunsens personali rrevokabbli”) “Is-sħubija intima tal-ħajja miżżewġa u tal-imħabba kienet stabbilita mill-Ħallieq u mwettqa bil-liġijiet tiegħu u għandha għeruqha fil-patt konjugali tal-kunsens personali irrevokabbli”