9. Il-bniedem isir xbieha t’Alla permezz tal-għaqda tal-persuni

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 14/11/1979.

1. Waqt li segwejna r-rakkont tal-Ktieb tal-Ġenesi, osservajna li l-ħolqien “definittiv” tal-bniedem jikkonsisti fil-ħolqien tal-unità ta’ żewġ esseri.  

L-unità tagħhom tindika fuq kollox l-identità tan-natura umana; id-duwaliżmu tagħhom, għall-kuntrarju, jimmanifesta dak li, skont din l-identità, jikkostitwixxi il-maskilità u l-femminilità tal-bniedem maħluq.  Din id-dimensjoni ontoloġika tal-unità u tad-duwaliżmu għandha, fl-istess ħin, sinifikat assjoloġiku.  Mit-test tal-Ġenesi 2:23 u mill-kuntest sħiħ jidher ċar li l-bniedem inħalaq bħala valur partikulari quddiem Alla. “U ħares Alla lejn kull ma kien għamel, u ara, kollox kien tajjeb ħafna” (Ġen 1:31).  Imma l-bniedem ġie maħluq ukoll bħala valur partikulari għalih innifsu, l-ewwel għaliex huwa “bniedem”; it-tieni għaliex il-“mara” hija għar-raġel u, viċi versa, ir-“raġel” huwa għall-mara.

Waqt li l-ewwel kapitlu tal-Ġenesi jesprimi dan il-valur f’forma purament teoloġika (u indirettament metafiżika), it-tieni kapitlu, mill-banda l-oħra, jirrivela, biex ngħidu hekk, l-ewwel ċirku tal-esperjenza mejxa mill-bniedem bħala valur. Din l-esperjenza hija diġà inkluża fis-sinifikat tas-solitudni oriġinarja u, imbagħad, fir-rakkont sħiħ tal-ħolqien tal-bniedem bħala raġel u mara.  It-test konċiż tal-Ġenesi 2:23, li fih hemm il-kliem tal-ewwel raġel għad-dehra tal-mara, “meħuda minnu”, jistà jitqies bħala l-prototip bibliku tal-Għanja tal-Għanjiet. U jekk inhu possibbli li wieħed jaqra l-impressjonijiet u l-emozzjonijiet permezz ta’ kliem tant imbiegħed, jistà wkoll jazzarda jgħid li l-profondità u l-qawwa ta’ din l-ewwel emozzjoni, li hi wkoll emozzjoni “oriġinarja”, tal-bniedem-maskil fil-preżenza tal-umanità tal-mara u fl-istess ħin fil-preżenza tal-femminilità tal-esseri uman l-ieħor, tidher bħala xi ħaġa unika u irrepetibbli.

L-unità tal-“komunjoni tal-persuni”

2. B’dan il-mod, is-sinifikat tal-unità oriġinarja tal-bniedem, permezz tal-maskilità u l-femminilità, tesprimi ruħha bħala superament tal-konfini tas-solitudni.  Fl-istess ħin hija affermazzjoni – f’dak li għandu x’jaqsam maż-żewġ esseri umani – ta’ dak kollu li jsawwar lill-“bniedem” fis-solitudni.  Fir-rakkont bibliku, is-solitudni hija triq li twassal għal dik l-unità li, skont il-Konċilju Vatikan II, nistgħu niddefenixxu “communio personarum” [1]

Kif diġà rajna, fis-solitudni oriġinarja tiegħu l-bniedem jakkwista għarfien personali fil-proċess ta’ “distinzjoni” mill-ħlejjaq ħajjin l-oħra kollha (animalia) Fl-istess ħin, f’din is-solitudni, hu jinfetaħ għal ħlejqa li tixbhu u li l-Ġenesi (Ġen 2:18,20) jiddefenixxi bħala “għajnuna tgħodd għalih”. Dan il-ftuħ mhuwiex inqas deċiżiv għall-persuna tar-raġel; infatti, forsi hu wkoll iktar deċiżiv mill-istess “distinzjoni”.  Fir-rakkont Jaħwista, is-solitudni tal-bniedem hija ppreżentata lilna mhux biss bħala l-ewwel skoperta tat-traxxendenza karatteristika tal-persuna proprja, imma hija ppreżentata wkoll bħala l-iskoperta ta’ relazzjoni xierqa “lill-” persuna, u allura bħala ftuħ u stennija ta’ “komunjoni tal-persuni”.

Hawnhekk nistgħu nużaw ukoll it-terminu “komunità”, li kieku ma kienx terminu ġeneriku u ma kellux firxa ta’ tifsiriet.  Il-kelma “communio” tesprimi iktar u bi preċiżjoni ikbar, minħabba li tindika appuntu dik l-“għajnuna” li ġejja, f’ċertu sens, mill-fatt stess li teżisti bħala persuna “maġenb  persuna. Fir-rakkont bibliku dan il-fatt isir “eo ipso” – minnu nnifsu – eżistenza tal-persuna “għall-” persuna, billi l-bniedem fis-solitudni oriġinarja tiegħu kien, b’ċertu mod, diġà f’din ir-relazzjoni. Dan huwa kkonfermat, f’sens negattiv, proprju permezz ta’ din is-solitudni.

Barra minn hekk, il-komunjoni tal-persuni setgħet tifforma ruħha biss a bażi ta’ “solitudni doppja” tar-raġel u tal-mara, jiġifieri bħala l-laqgħa tagħhom fid-“distinzjoni” tagħhom mid-dinja tal-ħlejjaq ħajjin l-oħra (animalia), li tathom lit-tnejn il-possibiltà li jkunu u li jeżistu f’reċiproċità partikolari.  Il-kunċett ta’ “għajnuna” jesprimi wkoll din ir-reċiproċità fl-eżistenza, li ebda ħlejqa ħajja oħra ma setgħet tassigura.  Dak kollu li sawwar il-bażi tas-solitudni tat-tnejn li huma, kien indispensabbi għal din ir-reċiproċità.  Għalhekk, l-awto-konoxxenza u l-awto-determinazzjoni, jiġifieri s-suġġettività u l-għarfien tas-sinifikat tal-ġisem proprju tagħhom, kienu indispensabbli wkoll.

Ix-xbieha tal-komunjoni divina inskrutibbli

3. Fl-ewwel kapitlu, ir-rakkont tal-ħolqien tal-bniedem jiddikjara, sa mill-bidu nett u b’mod dirett, li l-bniedem ġie maħluq xbieha t’Alla bħala raġel u mara. Ir-rakkont tat-tieni kapitlu, għall-kuntrarju, ma jitkellimx dwar ix-“xbieha t’Alla. Madankollu jirrivela bil-mod partikulari tiegħu li l-ħolqien sħiħ u definittiv tal-bniedem (suġġett mill-ewwel għall-esperjenza tas-solitudni oriġinarja) jesprimi ruħu fl-għoti tal-ħajja lil dik il-“communio personarum” li r-raġel u l-mara jiffurmaw.  B’dan il-mod, ir-rakkont Jaħwista jaqbel mal-kontenut tal-ewwel rakkont.

Jekk, viċi-versa, mir-rakkont tat-test Jaħwista irridu nisiltu wkoll il-kunċett ta’ “xbieha t’Alla”, allura nistgħu naslu għall-konklużjoni li l-bniedem sar “xbieha u sura” ta’ Alla mhux biss permezz tal-umanità tiegħu, imma wkoll permezz tal-komunjoni tal-persuni, li r-raġel u l-mara jiffurmaw sa mill-bidu. Il-funzjoni tax-xbieha hija dik li tirrifletti lil dak li huwa l-mudell, biex tirriproduċi il- prototip tagħha.  Il-bniedem isir xbieha ta’ Alla mhux tant fil-waqt tas-solitudni daqs kemm fil-waqt tal-komunjoni.  Sa “mill-bidu” huwa mhux biss hu xbieha li fiha tirrifletti s-solitudni ta’ Persuna li trieġi d-dinja, imma wkoll, u essenzjalment, xbieha ta’ komunjoni divina inskrutabbli (li wieħed ma jistax jifhem) ta’ persuni.

B’dan il-mod, it-tieni rakkont jistà jkun ukoll preparazzjoni sabiex dak li jkun jifhem il-kunċett Trinitarju tax-“xbieha t’Alla”, anke jekk din tidher biss fl-ewwel rakkont. Ovvjament, dan mhux mingħajr sinifikat ukoll għat-teoloġija tal-ġisem.  Anzi, jistà jkun li jikkostitwixxi saħansitra l-aspett teoloġiku l-iktar profond fost dak kollu li wieħed jistà jgħid dwar il-bniedem.  Fil-misteru tal-ħolqien – skont is-“solitudni” oriġinarja u kostituttiva tal-eżistenza tiegħu – il-bniedem kien mogħni b’unità profonda bejn dak li, umanament u permezz tal-ġisem, huwa maskil fih u dak li, daqstant ieħor, umanament u permezz tal-ġisem, huwa femminili fih. Fuq dan kollu, sa mill-bidu, niżlet il-barka tal-fertilità, marbuta mal-prokreazzjoni umana (ara: Ġen 1:28).

Il-ġisem jirrivela l-bniedem

4. B’dan il-mod, insibu ruħna kważi fil-qalba tar-realtà antropoloġika li ġġib l-isem ta’ “ġisem”. Il-kelmiet tal-Ġenesi 2:23 jitkellmu dwar dan b’mod dirett u għall-ewwel darba fit-termini li ġejjin: “laħam minn laħmi u għadma minn għadmi”.  Il-bniedem-raġel ilissen dawn il-kelmiet, bħallikieku kien biss għad-dehra tal-mara li setà jidentifika u jsejjaħ b’ismu “dak li b’mod viżibbli rrendihom simili l-wieħed għall-oħra, u fl-istess ħin dak li fih timmanifesta ruħha l-umanità.

 Fid-dawl tal-analiżi preċedenti tal-“iġsma” kollha, li l-bniedem ġie f’kuntatt magħhom u li hu konċettwalment iddefenixxa xħin tahom isimhom (animalia), l-espressjoni “laħam minn laħmi” tassumi preċiżament din it-tifsira: il-ġisem jirrivela l-bniedem.  Din il-formula konċiża diġà fiha dak kollu li ix-xjenza umana qatt tistà tgħid dwar l-istruttura tal-ġisem bħala organiżmu, dwar il-vitalità tiegħu, dwar il-fiżjoloġija sesswali partikolari tiegħu, eċċ.  F’din l-ewwel espressjoni tal-bniedem maskil, “laħam minn laħmi”, hemm ukoll riferenza għal dak li jagħmel il-ġisem tassew uman.  Allura tirreferi għal dak li jiddetermina l-bniedem bħala persuna, jiġifieri bħala esseri li fil-ġisem kollu tiegħu huwa “xbieha” t’Alla.[2]

It-tifsira tal-unità

5. Ninsabu, mela, kważi fil-qalba stess tar-realtà antropoloġika, li isimha huwa “ġisem”, il-ġisem uman.  Madankollu, kif wieħed jista’ faċilment jara, din il-qalba mhix biss antropoloġika, imma wkoll essenzjalment teoloġika.  Sa mill-bidu t-teoloġija tal-ġisem hija marbuta mal-ħolqien tal-bniedem xbieha t’Alla. Hi ssir ukoll, b’ċertu mod, it-teoloġija tas-sess, jew aħjar it-teoloġija tal-maskilità u tal-femminilità, li għandha l-bidu tagħha fil-Ktieb tal-Ġenesi.

Is-sinifikat oriġinarju tal-unità, li tiegħu l-kliem tal-Ġenesi 2:24 hu xhieda, se jkollu perspettiva wiesgħa u mbiegħda fir-rivelazzjoni ta’ Alla.  Din l-unità permezz tal-ġisem (“u t-tnejn ikunu ġisem wieħed”) għandha dimensjoni ta’ ħafna għamliet. Għandha dimensjoni etika, kif ikkonfermata mit-tweġiba ta’ Kristu lill-Farizej f’Mattew 19 (ara wkoll Mk 10). Għandha wkoll dimensjoni sagramentali, strettament teoloġijka, kif jikkonferma kliem San Pawl lill-Efesin[3] li jirreferu wkoll għat-tradizzjoni tal-profeti (Hosegħa, Isaija, Eżekjel).  U huwa hekk għaliex dik l-unità li sseħħ permezz tal-ġisem tindika, sa mill-bidu, mhux biss il-“ġisem”, imma wkoll il-komunjoni “inkarnata” tal-persuni – “communio personarum” – li tirrikjedi din il-komunjoni sa mill-bidu.  

Il-maskilità u l-femminilità jesprimul-aspett doppju tal-kostituzzjoni somatika tal-bniedem (“Din id-darba din hi għadma minn għadmi u laħam minn laħmi”), u jindikaw, barra minn hekk, permezz tal-istess kliem tal-Ġenesi 2:23, l-għarfien il-ġdid tas-sens tal-ġisem tagħna: sens li, nistgħu ngħidu, jikkonsisti f’arrikkiment reċiproku. Dan l-għarfien stess, li permezz tiegħu l-umanità tifforma mill-ġdid bħala l-komunjoni ta’ persuni, donnu li hu s-saff li fir-rakkont tal-ħolqien tal-bniedem (u fir-rivelazzjoni tal-ġisem li tinsab fih) hu iktar profond mill-istruttura somatika tiegħu bħala maskil u femminil.  F’kull każ, din l-istruttura hija ppreżentata sa mill-bidu b’għarfien profond tal-ġisem u tas-sesswalità umana, u dan jistabbilixxi norma inaljenabbli għall-għarfien tal-bniedem fuq il-livell teoloġiku.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm


[1] “Imma Alla ma ħalaqx il-bniedem bħala ħlejqa solitarja; sa mill-bidu “raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1:17) u l-għaqda tagħhom tikkostitwixxi l-ewwel forma ta’ komunjoni ta’ persuni” (Gaudium et Spes, 12).

[2] Il-kontrapożizzjoni duwalistika “ruħ-ġisem” ma tidhirx fil-konċezzjoni tal-iktar kotba bibliċi antiki.  Kif diġà ġie enfasizzat, wieħed aktar jistà jitkellem dwar għaqda kumplimentari “ġisem-ħajja”.  Il-ġisem huwa espressjoni tal-personalità tal-bniedem, u jekk ma jeżawrixxix għal kollox dan il-kunċett, għandu jinftihem fil-lingwaġġ bibliku bħala “pars pro toto”; ara, pereżempju: “la l-laħam lanqas id-demm ma rrivelawlek dan, imma Missieri…” (Mt 16:17), jiġifieri: mhux il-“bniedem” irrivelahulek).

[3]  “Qatt ħadd ma bagħad ’il ġismu stess iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-ġisem tiegħu. Għalhekk ir-raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru t-tnejn ġisem wieħed. Dan il-misteru – qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja – huwa kbir!” (Ef 5,29-32)