Quddiesa tal-Ordinazzjoni Presbiterali mill-Knisja ta’ Raħal Ġdid – 29 ta’ Ġunju


It-Tnejn, 29 ta’ Ġunju 2020: Quddiesa tal-Ordinazzjoni Presbiterali fis-solennita’ ta’ San Pietru u San Pawl mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Knisja ta’ Raħal Ġdid …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15). Ġesù llum, għeżież kandidati għall-presbiterat, magħżula mill-Knisja, approvati mill-poplu ta’ Alla, illum Ġesù qiegħed jistaqsikom din il-mistoqsija: “Intom min tgħidu li jien?” Ma jinterassahx x’jaħseb ħaddieħor, illum jinteressah ħafna inti, inti kif tħares lejh, hu li fuqek tefa’ ħarsa ta’ ħniena għaliex waqt li qiegħed isejjaħlek ħenn għalik, waqt li qiegħed jagħżlek refgħek mill-jasar tad-dnub tiegħek.

L-appostli li llum qegħdin niċċelebraw: Pietru u Pawlu b’diversi manjieri fil-ħajja tagħhom kellhom din l-esperjenza qawwija ta’ Alla li huwa Ġesù għax Alla jsalva u Għimmanu-El għax Alla magħhom.

Ir-rakkont li jagħtina l-Ktieb tal-Atti tal-Appostli fl-Ewwel Qari tal-lum minn kapitlu 12, jgħaddi lil Pietru mill-esperjenza tal-ħabs terribbli. San Luqa, hu u jikteb, jenfasizza ħafna dettalji: kemm ordnaw għases, kemm kellu jgħassuh, kemm kellu ktajjen (Atti 12:6) qed jenfasizza s-sitwazzjoni kważi impossibbli li kien fiha Pietru. Il-ħabib tiegħu Ġakbu diġà qatluh, issa kien imiss lilu. Dak il-lejl Xmun Pietru kien qed jaħseb fil-kliem ta’ Ġesù: “Meta tikber joħduk fejn ma tridx” imma ma kinitx għadha waslet is-siegħa għalih.

L-esperjenza tiegħu hija li bil-qawwa ta’ Alla l-ktajjen li kienu rabtuh bihom inħallu waqt li l-Knisja kienet qiegħda titlob għalih (Atti 12:5). Qabel l-ordinazzjoni tagħkom intom prostrati quddiem il-Mulej, se tingħaqdu mat-talb tal-Knisja għalikom. Il-Mulej illum ikompli jeħliskom – mhux qed ngħid jeħliskom – ikompli jeħliskom mill-ktajjen tal-ħażen u ta’ din id-dinja imma ftakru li dan hu proċess li jrid ikompli u li għandkom bżonn it-talb tal-Knisja li jwieżen id-dgħufija tagħkom.

“Dawwar il-mantar miegħek u ejja warajja” (Atti 12:8). Inti u tilbes il-pjaneta li se tkun il-mantar il-ġdid tiegħek, tinsiex fil-kliem tal-anġlu tal-Mulej: “Ejja warajja”. Jgħidlek ukoll biex titħażżem (Atti 12:8) mhux biss biċ-ċinglu għall-quddies u biex tilbes il-qorq għaliex trid tibda mixja missjunarja meħlus mill-jasar tad-dnub kontinwament billi inti u tqarar, tibqa’ tqerr. Inti u tqarar, tibqa’ tqerr mhux għax issa se nagħtikom il-fakultà li tqarru, tinsew tqerru. Aħna nqarru imma rridu nqerru, irridu b’umiltà nagħrfu d-dgħufija u d-dnubiet tagħna u nitolbu ’l Mulej jeħlisna kontinwament mill-inganni tax-xitan, mill-jasar tad-dnub.

Bit-talb tal-Knisja intom tkunu fiż-żgur. L-Appostlu Missierna San Pawl waqt li qed iħares lejn it-tmiem ta’ ħajtu, jiftakar kemm-il darba kien meħlus minn ħalq l-iljun (2 Tim 4:17). “Il-Mulej jeħlisni minn kull deni, hu jħarisni sa ma nasal fis-saltna tiegħu tas-sema” (2 Tim 4:18).

Aħna għadna kemm stqarrejna li jistħoqqilkom li tkunu saċerdoti u għedna dan b’fiduċja kbira fil-ħniena ta’ Alla. Hija l-ħniena ta’ Alla li se tagħmilkom denji tal-misteri qaddisa li se tiċċelebraw. U l-poplu ta’ Alla jitlob għalikom biex fikom kull fejn tkunu fid-dinja kollha twasslu dik l-istqarrija sabiħa ta’ min lil Ġesù jafu.

“Intom min tgħidu li jien?” (Mt 16:15). “Inti l-Messija”, il-midluk, “Bin Alla l-ħaj” (Mt 16:16). Aħna u nikkonsagrawlkom idejkom biż-żejt tal-griżma li tbierek propju lbieraħ, b’dan iż-żejt ġdid nibagħtukom fid-dinja biex tkunu l-idejn ta’ Ġesù Kristu li jħaddan l-umanità miegħu. Idejk mhux qiegħda biex tgara l-ġebel imma biex fit-tgħanniqa tal-imħabba safja, twassal l-għożża, it-tenerezza tal-Mulej. Il-qalb tiegħek hija ta’ kulħadd imma mhux b’mod astratt għax aħna m’aħniex anġli. L-imħabba tagħkom se tkun imħabba imlaħħma, inkarnata u kultant ukoll imxellfa bl-umanità tagħkom. Imma tibżgħux tkunu ħaġa waħda mal-poplu li l-Mulej jibgħatkom biex taqdu.

Ma tistax issalva lil ħadd bit-telekommando, trid ixxammar il-kmiem u tmidd idejk u tobdi lil Ġesù li jgħidlek: “midd idek u miss il-ferita tal-kustat tiegħi” (ara Ġw 20:27). Idek hemmhekk trid tkun, qrib il-pjagi tal-poplu ta’ Alla mhux biex titfa’ l-ħall imma biex iddewwi bil-balzmu ħelu tal-Evanġelju.

Ejjew nitolbu għal dawn is-saċerdoti ġodda. Ma tantx nista’ ngħid dawn iż-żgħażagħ għax għandna minn kull età, mhux hekk Ton, fejn qiegħed? Nibdew minn Toni l-iżjed venerabbli sa Osmar l-iżjed benjamin. Alla jsejjaħ lil kulħadd f’kull żmien. U min qiegħed jaħdem Malta, min qiegħed il-Kenja, mhux hekk Damian? U għandna tnejn li jistgħu jifirħu ma’ wliedkom intom issiru saċerdoti. Imma lkoll kemm intom qed tingħataw karattru li jagħmilkom xbieha ħajja ta’ Ġesù.

I know that so many people around the world are following this ordination and I would like to send a special greeting to all those that are joining us through social media to be one with us from different parts of the world. This is a truly Catholic moment where the Church comes together to be with you as you start your priestly ministry.

Voglio dare anche un saluto molto particolare alle sorelle e i nostri fratelli dell’Opera di Maria, in modo particolare Maria Voce. E vorrei che tutti preghiamo insieme perche lo spirito possa trasformarci una bellissima immagine della sua misericordia.

Ejjew nitolbu għall-vokazzjonjiet; nitolbu għal dan id-don kbir li l-Mulej ikompli jsejjaħ minn fostna persuni li jagħtu ħajjithom lilu fis-saċerdozju. Imma nitolbu wkoll għal dawk li huma msejħin għas-sagramet taż-żwieġ biex il-Mulej iberikna bl-għożża fil-familji tagħna li huma l-ewwel esperjenza ta’ Knisja, ta’ komunità li temmen, li tittama u li tħobb.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 12:1-11
Salm: 33, 2-9
Qari II: Tim 4:6-8. 17-18
Evanġelju: Mt 16:13-19

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.