Illum il-Knisja tfakkar l-Ewwel Martri ta’ Ruma

Print Friendly, PDF & Email

Fit-30 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar l-Ewwel Martri ta’ Ruma, li ħadu l-martirju fis-sena 64.

Fis-sena 64, Ruma ġiet maħkuma u meqruda minn nirien kbar. L-Imperatur Neruni li kien qed jiġi akkużat li hu kien il-kawża tagħhom, malizzjożament tefa’ l-ħtija fuq il-komunità Nisranija ta’ Ruma, u fetaħ persekuzzjoni l-iktar ħarxa kontriha, li fiha San Pietru u San Pawl flimkien ma’ bosta Nsara, nisa u rġiel, żgħażagħ u xjuħ, u tfal subien u bniet, sofrew il-martirju.

Uħud mill-Insara mietu maħruqin, oħrajn mikulin mill-annimali selvaġġi, oħrajn mis-swat li qalgħu, u oħrajn mit-turmenti u mill-kefrijiet oħra bla ħniena.

Il-Papa San Klement f’ittra li kiteb faħħar il-qlubija u l-paċenzja ta’ dawk l-irġiel u n-nisa li hu kien jafhom personalment, u li għoddhom bħala l-fundaturi tal-Knisja ta’ Ruma.

Din kienet l-ewwel persekuzzjoni maġġuri kontra l-Knisja. Warajha kien hemm oħrajn, kważi waħda wara l-oħra.

Fis-sena 313, Kostantinu l-Kbir, bil-famuż Editt ta’ Milan ta l-libertà lir-Reliġjon Nisranija. B’hekk l-Insara setgħu jipprattikaw il-kult tagħhom bla ebda xkiel. Hekk tista’ tgħid intemmet persekuzzjoni kontinwa ta’ 250 sena. Hekk bdiet ħajja ġdida għall-Knisja, perjodu ta’ paċi. Imbagħad l-Imperatur Teodosju, fis-sena 381, ipproklama l-Kristjaneżmu bħala r-Reliġjon tal-Istat.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Leave a Reply

%d bloggers like this: