Quddiesa u Rużarju mill-Kurja tal-Arċisqof – 30 ta’ Ġunju


It-Tlieta, 30 ta’ Ġunju 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Kurja tal-Arċisqof …

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Salvana, Mulej

Żgur li nifhmu dak li ħassew id-dixxipli li kienu fuq id-dgħajsa, fejn kien hemm ukoll Ġesù, meta qamet din it-taqliba u l-mewġ beda tiela’ fuq id-dgħajsa. Bdew jibżgħu. Dawn, li ħafna minnhom kienu sajjieda, kienu jifhmu x’jiġfieri baħar perikoluż. Lilhom nifhmuhom, imma għall-mument ma nifhmux kif f’din it-tempesta kollha, Ġesù li kien magħhom kien rieqed. Fl-Evanġelju darba ssib li Ġesù kien rieqed – hu hawn, f’din it-tempesta kollha.

Għalhekk nifhmu kif dawn id-dixxipli li bdew jibżgħu, qalu lil Ġesù: “Salvana, Mulej. Se nintilfu!” Huma kienu jafu li meta Ġesù qiegħed magħhom, ikunu safe, ikunu ok. Imma meta jkun imqajjem mhux meta jkun rieqed! Ghalhekk din it-talba ħerqana tagħhom.

Imma meta Ġesù qam, mhux biss ħa azzjoni u kkalma l-baħar, imma qalilhom ukoll: “Dan il-biża’ kollu għalfejn, nies ta’ fidi ċkejkna?”

Nistgħu nifhmu din is-silta kemm kienet importanti għall-ewwel Insara, speċjalment għal dawk li kienu għaddejjin minn persekuzzjoni. Illum qed niċċelebraw it-tikira tal-ewwel martri ta’ Ruma, dawk li mietu maqtula minn Neruni fl-ewwel persekuzzjoni tal-Insara. Qalb din il-persekuzzjoni u qalb it-tempesti tal-ħajja kien hemm min kien iħossu proprju bħad-dixxipli fuq id-dgħajsa; Ġesù li jemmnu fih, li jittamaw fih, li mxew warajh, qisu rieqed, qisu mhux hemm, qisu ma jimpurtahx. U għalhekk kienu jagħmlu kuraġġ b’din is-silta li kienet tfakkarhom li Ġesù qatt ma hu assenti, Ġesù jibqa’ hemm, Ġesù hu dak li jgħin bil-preżenza tiegħu u jagħmel id-differenza kollha. Il-fatt li kien preżenti fuq id-dgħajsa għamel id-differenza kollha. U Ġesù l-istess: fil-ħajja tal-ewwel Insara l-preżenza tiegħu kienet tfisser li huma għandhom l-għajnuna li jeħtieġu.

Nafu li dak li għexu l-ewwel Insara f’din il-ġrajja jgħodd għalina personalment u għas-soċjetà wkoll. Nafu kif Papa Franġisku, fil-Mument Straordinarju ta’ Talb fis-27 ta’ Marzu li għadda, fl-eqqel tal-pandemija, għażel proprju din is-silta – il-verżjoni ta’ San Mark – biex tkun ta’ ispirazzjoni għal dak il-Mument Straordinarju bil-Papa waħdu hemmhekk, fi Pjazza San Pietru, jitlob.

Anke għalina personalment, din il-ġrajja tfisser ħafna għax tfakkarna li Ġesù hu dejjem magħna. Ġieli nħossuna bħal dawn id-dixxipli. Ġieli ngħaddu minn tempesti fil-ħajja, minn diffikultajiet, tant inkunu meħudin b’dawn il-problemi fil-ħajja li nħossuna qisna waħedna, qisu Ġesù mhux hemm, Ġesu rieqed, Ġesù ma jimpurtahx. Imma mhux hekk. Hekk tfakkarna din il-ġrajja llum. Tfakkarna li Ġesù qiegħed hemm u aħna għandna nagħmlu dik it-talba li għamlu d-dixxipli: Salvana, Mulej. U Ġesù żgur isalvana. Ġesù qatt ma qalilna li ma jkollniex tempesti fil-ħajja, imma wegħidna l-għajnuna tiegħu f’dawn it-tempesti tal-ħajja.

Għalhekk it-talba li nagħmlu lil Ġesù llum hi l-istess talba li għamlu d-dixxipli: Salvana, Mulej. Salvana meta aħna nħossuna kultant waħedna. U saħħaħ il-fidi dgħajfa tagħna.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.