Il-Ħolm jista’ jkun grazzja


Ġieli tiltaqa’ ma’ xi ħadd li jinkwieta għax ikollu ħolm li jispiċċa jħawdu xi ftit. Għal uħud ma jkunx faċli li jinsew il-ħolm u jibqgħu jaħsbu fuq l-esperjenzi misterjużi li jġibilhom. Aħna nistgħu ninjoraw il-ħolm jew nagħtuh l-importanza tiegħu, kif iħajjarna John Stanford, teologu Anglikan u alljiev tal-psikanalista Carl Jung. John Stanford jissuġġerilna biex nagħtu widen mill-ġdid għal-“lingwa minsija t’Alla”.

Il-ħolm tal-Patrijarki

Hija l-lingwa li biha Alla kkomunika ma’ personaġġi fil-ġrajja tas-salvazzjoni. Fl-epoka tal-Patrijarki, il-ħolm kellu rwol importanti. Waqt l-irqad, Ġakobb ra sellum li jwassal sas-sema (Ġen 28, 12). Kienet ħolma li assiguratu li, minkejja l-perikli kollha li se jiltaqa’ magħhom, Alla se jkun miegħu dejjem u se jwettaq il-wegħdiet li għamillu. Lil Ġużeppi, il-ħolm immarkalu ħajtu; il-qatet ta’ sbul li jitbaxxew kif jgħaddi minn nofshom urewh li ħajtu se tinbidel bl-għira ta’ ħutu, u li hemm storja kbira quddiemu, u jsir interpretu tal-ħolm tal-Fargħun. Hawnhekk għandna eżempju tal-ħolm bħala “l-lingwa ta’ Alla” (Ġen 40,8).

It-Testment il-Ġdid u l-bidu tal-Knisja

Fit-Testment il-Ġdid, l-anġlu deher diversi drabi fil-ħolm lil Ġużeppi, ir-raġel ta’ Marija. Meta Ġużeppi ntebaħ bit-tqala ta’ martu, m’għarafx x’se jaqbad jagħmel bl-omm u bit-tarbija li kienet ġejja. Ġużeppi obda erba’ darbiet għal dak li wassallu l-anġlu fil-ħolm (Mt 1,20). B’hekk iċ-ċkejken Ġesù ġie protett mill-kefrija ta’ Erodi, bil-ħarba tal-familja fl-Eġittu u lura fid-dar ta’ Nażaret (Mt 2,15-23). Kienu ħolmiet li akkumpanjaw il-ħajja ta’ Ġesù sa mit-tfulija tiegħu biex seta’ jikber protett u mħares fil-familja. Kienet ukoll ħolma li għarrfet lil mart Ponzju Pilatu li Ġesù kien bla ħtija għalkemm żewġha ma tax valur lil dak li qaltlu (Mt 27,19).

sg holma
Il-ħolma ta’ Ġużeppi, Pierre Parrocel, 1664-1739

Il-ħolm għandu sehem importanti wkoll fil-bini tal-Knisja primittiva. Ħolma minnhom tat il-kuraġġ lil Pietru biex jikser il-liġijiet iebsa tar-reliġjjon Lhudija u jgħammed liċ-ċenturjun pagan Kornelju u b’hekk bdiet il-missjoni tal-ewwel Insara (Atti 10). Iktar tard, Pawlu jara fil-ħolm lil Maċedonjan li talbu biex jiġi u jsalva l-poplu tiegħu. Dan mexxa lil Pawlu biex ixandar il-Vanġelu fl-Ewropa (Atti 16, 9). Hawnhekk naraw li l-ħolm akkumpanja l-ħidma u t-tixrid tal-fidi.

Se ninterpretaw il-ħolm?

Fil-ħajja spiritwali, aħna nfittxu li nifhmu Alla xi jrid u x’jixtieq minna. Alla jgħinna billi jkellimna fis-skiet tat-talb, bil-Kelma tiegħu fil-Bibbja jew b’fomm dawk li niltaqgħu magħhom. Forsi tinstema’ stramba: jista’ jurina bil-ħolm. Synesius, filosfu tar-raba’ seklu u Isqof ta’ Ptolemais, fil-Libja antika, jikteb li akkumpanjatur spiritwali jeħtieġlu jitgħallem il-“lingwa tar-ruħ”, jiġifieri dik tal-ħolm. Anke Evagre il-Pontiku, magħruf bħala l-“psikologu” fost il-missirijiet tad-deżert, jara rabta mill-qrib bejn il-ħolm u l-emozzjonijiet li ngħixu. Kemm-il darba l-ħolm ikun assoċjat ma’ ġrajjiet riċenti u antiki ta’ ħajjitna, ma’ preokkupazzjonijiet, ma’ xewqat, ma’ nies li nafu jew konna nafu u ma’ postijiet li żorna u li baqgħu f’moħħna! Evagre jgħid li n-natura tal-ħolm tista’ tirrifletti l-grad tal-purità tal-qalb u tagħti indikazzjonijiet fuq il-mixja ’l quddiem tal-persuna.

Il-ħolm jista’ jlaqqagħna mar-realtà li tiġi mill-inkonxju tagħna u, skont Anselm Grὓn, patri Benedittin u awtur ta’ diversi kotba ta’ kontemplazzjoni, il-ħolm jista’ jgħin fil-ħajja spiritwali. Ix-xbihat kaotiċi u li ma ma nifhmux, li joħorġu mill-ħolm, jistgħu jkunu mdawla u trasformati għall-ġid tagħna meta naqsmuhom ma’ oħrajn, anke jekk dan nagħmluh b’nofs-ċajt.

Mhux il-każ li meta jkollna xi ħolma stramba nirrikorru għal xi ktieb li jfisser il-ħolm. Sigmund Freud, li hu msemmi ħafna għall-istudji tiegħu fuq il-ħolm, jgħid li l-ħolm hu x-xewqiet ripressi tal-bniedem u triq ta’ kif ix-xjentisti jistgħu jifhmu s-subkonxju tal-bniedem. Għandu  ktieb jismu The Interpretation of Dreams. Bi ftit għaqal nistgħu nieħdu xi ħaġa mill-fantasiji li nkunu ħlomna. Hemm ħolm li jista’ jistedinna għall-prudenza u jġagħalna noqogħdu attenti għal xi ħaġa li qabel ma konniex qed nagħtuha importanza. Biex inkunu prattiċi, jekk ħlomna li ma sibniex il-brejkijiet tal-karozza, qabel insuqu niġu konxji għal aktar attenzjoni. Jekk ħlomna li wasalna tard għal xi laqgħa importanti, li kellna sehem importanti fiha u b’hekk ħallejna lill-oħrajn jstennew, naraw jekk hux qed nieħdu l-affarijiet b’indifferenza.

Tipi ta’ ħolm

Hemm ħolm li juri r-realtà ta’ kif aħna. Jekk tkun ħolma ta’ kamra mqallba, nistaqsu jekk hux aħna wkoll li ninsabu f’diżordni. Dan jgħinna biex inqiegħdu quddiem Alla l-kaos interjuri tagħna u nitolbu biex jagħtina l-grazzja li dan il-kaos ikun trasformat fl-imħabba tiegħu. Xi drabi, iktar milli nipprovaw nifhmu l-ħolm, ikun biżżejjed li nippreżentawh lil Alla waqt li ngħidulu: “Mulej, dan hu jien. M’iniex nifhem lili nnifsi, imma ħalli d-dawl tiegħek jidħol f’dak li hu inkomprensibbli fija.”

Xi ħolm jista’ jwasslilna messaġġ. Jekk noħolmu li qed insuqu bi tbatija biex nilħqu għolja iebsa mingħajr ma nistgħu naslu, hi stedina pulita biex nagħmlu attenzjoni għar-riżorsi interjuri li hemm fina. Meta nħossu li hemm xi ħadd miexi warajna, jew dell li ma jrdx iħallina, bħal kieku m’aħniex naċċettaw lilna nfusna. Ikun tajjeb, mela, li nidħlu fi djalogu ma’ min miexi warajna, forsi sempliċiment nindunaw b’xi ħaġa li tista’ tgħinna fil-mixja tagħna. Il-ħolm jimbuttana biex naraw dak li qed jitfagħna lura jew dak li m’aħniex nagħtu kas tiegħu. U mhux rari li fl-aħħar mill-aħħar il-messaġġ tal-ħolm ikun wieħed pożittiv.

holma
Il-Ħolma, 1833, Pierre Puvis de Chavannes

Ħolm b’tematika reliġjuża

Hemm ħolm b’tematika reliġjuża jew spiritwali. Knisja li qed tinbena jew qed tiġi restawrata tista’ tfisser li l-ħajja spiritwali tagħna tinsab f’bidla profonda. Nistgħu noħolmu wkoll li Ġesù miexi maġenbna, jew noħolmu bil-Verġni Marija, forsi fi żmien ta’ festa, jew tkun ħolma mimlija b’simboli reliġjużi, jew opri ta’ arti li nedha nfittex dwarhom. F’dan is-sens, Carl Jung jgħid li fil-ħolm ħadd mhu ateu. Min ma jemminx ukoll jista’ jkollu ħolm marbut mal-ispiritwal. Ħolm b’tema reliġjuża jista’ jirrinforza l-fidi għax mhumiex xi ħaġa li tiġi mill-volontà tagħna, imma parti mill-personalità moħbija. Fil-messaġġi li nirċievu permezz tal-ħolm nistgħu nistħajlu lill-Mulej ikellimna biex jurina liema triq għandna nieħdu jew meta ma jkunx il-każ ngħoddu l-ħolma bħala ħmerija.

Ngħidu aħna meta noħolmu bi tfal jilagħbu, nistgħu noħduha li Alla jrid jgħidilna: “Inti qiegħed fit-triq it-tajba imma iftaħ għajnejk għal xi ħaġa ġdida li tista’ titwieled fik.” Jiġri li ħolma ta’ dan it-tip tgħaqqad ma’ oħra li tistieden għall-prudenza. Ħolma b’tifel li waqa’ fuq idejh u weġġa’, tista’ tkun qed tibgħat messaġġ doppju: “Inti miexi lejn ħaġa ġdida ġo fik, imma oqgħod ħafna attent. Ara x’qed jiżviluppa ġdid fir-ruħ tiegħek.”

It-tradizzjoni spiritwali ma tinjorax il-grazzja li tista’ tilħaqna bil-ħolm. Ħolma tista’ tispirana `l fejn għandna norjentaw ruħna. Mingħajr ma nidħlu fid-dettalji tal-ħolma, nippreżentaw lil Alla dak li aħna, ukoll dak li ma nafux jew ma nifhmux. Evagre l-Pontiku, li semmejna aktar `il fuq, jgħid li aħna nkunu mfejqa u meħlusa minn Kristu ladarba d-dawl tiegħu jinfed il-profond tagħna, anke bi xbihat li ma nifhmux. Kollox jista’ jkun purifikat bil-ħidma tal-fidwa li Kristu wettaq għalina. Niftakru li Santa Tereża ta’ Lisieux kienet tgħid li “kollox hu grazzja”.

Kitba ta’ Joe Galea. Mill-Kalendarju Museumin ta’ Lulju Awwissu 2020

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.