San Bernardinu: Ir-riformatur Franġiskan


San Bernardinu ta’ Siena kien Qaddis Franġiskan li ħadem fl-appostolat tal-predikazzjoni. Kiteb ukoll opri morali u dommatiċi li ħallew ħafna ġid. Għen bosta fir-riformi ewlenin fl-Ordni Franġiskan. Spikka flimkien ma’ San Franġisk u San Massimiljanu Kolbe fix-xogħlijiet ta’ bosta kittieba li wasslu l-messaġġ prinċipali ta’ ħajjithom.

Bernardinu twieled fit- 8 ta’ Settembru 1380 f’Massa Marittima f’dik li kienet ir-Reppublika ta’ Siena. Missieru kien Albertollo (Tollo) degli Alizzeschi u ommu kienet Ranjiera Avveduti. Safa’ ltim ghax tilef l-ommu meta kellu 3 snin u lil missieru ta’ sitt snin. Ħadu ħsiebu z-zijiet minn naħa ta’ missieru u tawh edukazzjoni tajba fil-belt ta’ Siena. Studja l-letteratura u l-liġi, u fis – sena 1398 ħass ġibda lejn il- kotba Mqaddsa u t-Teoloġija. Kien msieħeb f’għaqda li tgħin lil min kien fil-bżonn. Meta faqqet il- pesta u sar il- fejqan daħal mal-Eremiti ta’ Santu Wistin.

San Bernardinu

Inġibed lejn il- Franġiskani u fis s-sena 1402, ingħaqad mal-Franġsikani Konventwali fil-Kunvent ta’ Siena u bagħtuh f’Colombaio għan-novizzjat. Qassam ġidu kollu lill-foqra u fit- 8 ta’ Settembru 1404 qaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu. Fl-istess sena kiseb il-permess biex jibni eremitaġġ fuq l-għolja ta’ Capriola biex jissieħeb ma’ dawk li ħaddnu r-riforma Franġiskana tal-Osservanti. Huwa sar il-gwardjan tal-Komunita bejn is-snin 1404 u 1417. Ġabar bosta kitbiet Tejoloġiċi, u studja l-kittieba Franġiskani li għexu f’dawn il-mitejn sena li kien ilu jeżisti l- Ordni Franġiskan, u tħarreġ fl-axxetika u l-mistika.

Billi kellu bosta doti, intgħażel vigarju tat-Toscana u mar fil-Kunvent ta’ Fiesole qrib Firenze. Kien predikatur tajjeb u wettaq fil-bidu l-appostolat tal-predikazzjoni f‘Genova u l- Italja ċentrali u n-naħa ta’ fuq fejn saru bosta konverzjonijiet. Ħafna intlaqtu mill- predikazzjoni tiegħu u saru reliġjużi jew saċerdoti, waqt li oħrajn resqu lejn is-sagramenti. Bernardinu kien bniedem tal- paċi biex jgħaqqad lil dawk mifrudin, u l-awtoritajiet għażluh biex ireġġa’ l-għaqda. Hu ħeġġeġ l- Insara biex iġibu fuq ħwejjiġhom l-ewwel tlett ittri bil-Grieg tal-isem ta’ Ġesù, biex tiżdied aktar l-għaqda ta’ bejniethom. L-ittri ta’ Ġesù bdew jidhru ma’ kullimkien, fil-ħwienet, fid-djar u fil- knejjes. Bernardinu sab l-ostakli għax kien hemm uħud li xlewh li t-tagħlim tiegħu ma kienx preċiż, u l-awtoritajiet tal-Knisja kellhom jistħarrġu t- tagħlim ta’ Bernardinu taħt Papa Martin V fis-sena 1426, u fis-sena 1431 taħt l- Papa Ewġenju IV u fis-sena 1438 fil-Konċilju ta’ Basel. Bir- raġun qatt ma kkundanawh għax ħidmietu kienet qaddisa u tagħlimu kien jaqbel ma’ dak tal- Knisja. L-arma tal-JHS saret l- identita ta’ San Bernardinu u aktar tard il- Ġiżwiti ħadu dan l-istintiv.

Il-Papiet urewh li qatt ma kellhom xi nuqqas ta’ fiduċja fih iżda kienu jammiraw il-ħidma li wettaq, u xtaqu li jgħamluh Isqof, iżda dan ir-reliġjuż ċaħad din il-kariga.

Għalhekk f’xi pittura tal-qaddis naraw tlett mitri mitfughin ħdejn riġlejh peress illi kien irrinunzja kull waħda mit- tlett ibliet ta’ Siena, Ferrara u Urbino. Mis-sena 1430 fassal bosta trattati domestiċi u morali. Ħadem biex jonqox l-isem ta’ Ġesù f’qalb il- bnedmin. Kabbar id-devozzjoni lejn Marija Immakulata bħala l-medjatriċi tal-grazzji kollha. Kiteb fuq il- Madonna, u kitbietu ntużat f’xi Enċiklika fuq il-Madonna. Bħala moralista fassal prinċipji sodi biex il-bniedem jagħmel użu tajjeb mill-ġid li Alla kien pprovdielu u bis-saħħa tiegħu bosta Repubbliċi Taljani daħlu il- morali Kattolika bħala l-pediment tal-liġijiet tagħhom.

Fit-tagħlim dwar San Ġużepp jgħallem li kellu l-istess privileġġi tal-Madonna u l-Missjoni tiegħu għaqqditu mill-qrib ma’ Kristu feddej. Ma rahiex bi tqila li San Ġużepp kien ukoll bla dnub tan- nisel u li ġie mtella is-sema bir- ruħ u l- ġisem. Iżda l- knisja qatt ma ddikjarat dan it- tagħlim.

Bejn is-sena 1438 u 1442 Bernardinu ntgħażel bħalha Vigarju Ġenerali tal-Osservanti. Ir-riforma tal-Osservanti, li kienet bdiet fis-sena 1368, ma kellhiex ħlief għoxrin kunvent meta Bernardinu beda jaħdem għaliha. Iżda fi żmienu l-kunventi wasslu għal mitejn. Kien wieħed mill-kolonni tal-osservanza. Bħalha Vigarju Ġenerali stinka biex l-ulied spiritwali jitħarrġu fl-istudji tat-Teoloġija u fetaħ kulleġġ tat-Teoloġija fil-kunvent ta’ Monteripido ġdejn Perugia, u sena wara beda studju ieħor fi Siena fejn tħarrġu għorrief kbar fit-Teoloġija. Kien iebes ma’ dawk li ma’ kienux jaqdu b’fedelta d-dmirijiet pastorali tagħhom. Żammilhom il-qrar lil dawk li ma kienux tajbin fil- morali. Il- fehmiet ta’ Bernardinu juru li hu ma xtaqx li l- Osservanti jinfirdu mill-konventwali. Kien intebaħ li dan se jkun kemm xejn diffiċli u minnu fih ħejja il- ligijiet li wassal l-Osservanti biex jieħdu l-indipendenza mill-konventwali fis-sena 1517. Fis-sena 1442 Bernardinu ma baqax aktar Vigarju Ġenerali tal-Osservanti iżda kompla jippriedka f’bosta bliet u meta wasal fir- raħal ta’ San Silvestru qrib Aquila fl- Abbruzzi, ħassu ħazin.

Il-qabar ta’ San Bernardinu f’Aquila – Abruzzo

Hawnhekk kien hemm żewġ kunventi wieħed tal-Konventwali msemmi għal San Franġisk u ieħor tal-Osservanti għal San Ġiljan. Bernardinu għażel dak tal- Konventwali ta’ San Franġisk peress li dan kien fiċ- ċentru tal- belt, mhux bħal dak tal- Osservanti li kien fit- truf tagħha. Hawnhekk wasal fl- aħħar ta’ ħajtu u miet fl- 20 ta’ Mejju 1444. Sitt snin wara mewtu, nhar l- Għid il- Ħamsin fl- 24 ta’ Mejju il-Papa Nikola ddikjarah qaddis u l-fdalijiet tiegħu baqgħu f’San Franġisk ta’ Aquila sas sena 1474. Madanakollu nbena tempju f’ġieħu f’dik l-istess belt u d- disinn tiegħu għamlu San Ġakbu tal-Markli li kien kolonna oħra tal-Osservanti. Fis- 7 ta’ Mejju 1474 il-fdalijiet ta’ San Bernardinu ttieħdu fil-knisja l-ġdida tal –Osservanti.  

Hu kien jiċċaħad mill-affarijiet tad-dinja u jersaq lejn kull bniedem biex jgħinu. Hu għamel ġid kbir fost il-bnedmin, resaq lejhom u ħabbhom fid-dawl tal-isem ta’ Ġesù.       

Minn Patri Hermann Duncan O.Carm