Illum il-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Tumas


Fit-3 ta’ Lulju l-Knisja tagħmel il-Festa ta’ San Tumas, Appostlu li għex fl-1 Seklu.

San Tumas kien Lhudi, aktarx sajjied mill-Galilija. Ismu bis-sirjan ifisser Tewmi, u bil-Grieg hu Didimus. Ġesù sejjaħlu biex ikun wieħed mit-tnax-il appostlu tiegħu.

Insibu ismu erba’ darbiet fil-Vanġelu ta’ San Ġwann.

L-ewwel darba: Ġesù kien sejjer Betanja biex iqajjem lil Lazzru mill-mewt. Waqt li d-dixxipli l-oħra beżgħu u qalu lil Ġesù biex ma jmurx għax l-għedewwa tiegħu kienu ifittxuh biex joqtluh, San Tumas qabeż u qal: “Ejjew immorru aħna wkoll biex immutu miegħu” (Ġwanni 11:16).

It-tieni darba: fl-Aħħar Ċena, meta Ġesù qal: “U fejn sejjer jien, intom tafu t-triq.” Qabeż San Tumas u qallu: “Mulej, ma nafux fejn sejjer, mela kif nistgħu nafu t-triq?” Ġesù qallu: “Jiena t-triq u s-sewwa u l-ħajja” (Ġwanni 14: 4-6).

It-tielet darba: f’Ħadd il-Għid Ġesù deher lid-dixxipli waqt li kienu fiċ-ċenaklu u Tumas ma kienx magħhom. Imbagħad b’entużjażmu kbir qalulu li kienu raw lil Ġesù, iżda Tumas qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh sinjal l-imsiemer u ndaħħal sebgħi fil-marki tal-imsiemer u idi f’ġenbu, ma nemminx.” Minn hawn ġejja l-espressjoni: “Jien bħal San Tumas, irrid nara b’għajnejja u mmiss b’idejja biex nemmen.” Meta ġimgħa wara Ġesù reġa’ dehrilhom u Tumas kien magħhom, Ġesù stieden lil Tumas biex idaħħal sebgħu fil-pjagi ta’ idejh u idu fil-pjaga tal-kustat. U Tumas b’fidi qawwija qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġwanni 20:28)

Ir-raba’ darba: meta Ġesù deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija, isem Tumas insibuh ma’ dawk li kienu preżenti. (Ġwanni 21:2)

Tradizzjoni qawwija tgħid li wara l-Inżul tal-Ispirtu s-Santu, San Tumas mar jipprietka l-Vanġelu lill-Parti, lill-Medi u lill-Persjani u baqa’ sejjer sa daħal fl-Indja, fil-kosta ta’ Malabar fejn illum ħafna min-nies tal-post isejħu lilhom infushom “L-Insara ta’ San Tumas.”

San Tumas miet martri bid-daqqiet ta’ lanza, fl-Indja, u jinsab midfun f’Maljapore fil-knisja kbira, San Thome, xi tlettax-il kilometru ’l bogħod minn Madras.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com