Dawk ir-raġġi!


Bdejna l-istaġun tas-sajf. U, mill-kbir saż-żgħir, mill-aktar waħda żgħażugħa sal-ixjeħ waħda fostna, ilkoll, għalenija, f’xi mument jew ieħor, se nidħlu nagħmlu parti mill-kor ta’ kanzunetta mill-aktar popolari li tgħidx kemm konna nkantaw meta kont naqra ta’ qrempruċu jien, fid-dar tal-għażiża ommi u missieri, Alla jaħfirlu: Xi sħana! Xi sħana! Kulħadd ikanta magħna! Xi sħana! Xi sħana! Kulħadd allegru magħna!

Jalla li fis-sħana ta’ dan is-sajf kulħadd ikanta bil-ferħ u mhux ikanta mod ieħor! U hekk jisħet lilu nnifsu, lill-familja tiegħu u jniġġes l-ambjent ta’ fejn se jkun! U min fejn tiġi din is-sħana kollha? Mhux mir-raġġi tax-xemx! Dawk ir-raġġi li bħalissa jkunu bil-bosta qawwijin! Min minna, bil-qawwa kollha tiegħu u tagħha, għandu l-ħila li jħares dirett lejn dawn ir-raġġi? Ħadd minna hux veru! U ara ma jfettillux xi ħadd jipprova! Għax jispiċċa għama! Ir-retina tispiċċalu maħruqa! Mela, prudenza ħbieb! U, meta nkunu għar-raġġi tax-xemx, nilbsu l-kappell, in-nuċċali tax-xemx u napplikaw kremi apposta li jħarsulna l-ġilda.

Madankollu, iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, fejn is-Sema għoġbu jħawwilni fih ħa nikber bħal pjanta ma’ ħuti l-pazjenti, il-familjari u l-istaff bil-familjari tagħhom, qed jgħallimni li r-raġġi huma tabilħaqq bżonjużi fil-kura onkoloġika. Għax, dawn ir-raġġi, il-Mulej nebbaħ lix-xjentisti biex jħejjuhom ħa jġibu fix-xejn il-mard li jattakka t-tempju tal-Ispirtu s-Santu, jiġifieri l-ġisem għażiż tiegħek u tiegħi.

Għalhekk, jiena u nittajjar fil-kurituri, fis-swali, u f’kull rokna fejn l-Ispirtu s-Santu, u mhux moħħi, jibgħatni, il-Mulej laqqagħni ma’ din it-talba tassew sabiħa u li tgħid hekk: Ġesù ta’ Ħniena Divina, nitolbuk sabiex ir-raġġi tiegħek li ħerġin minn qalbek jidħlu u jeqirdu l-kanċer li trabba fija. Ġesù ta’ Ħniena Divina jiena nafda fik.

Xi ġmiel ta’ talba hux! Min kitibha veru kien imnebbaħ waħda sewwa mill-Ispirtu s-Santu! Ghalhekk, issa li bdejna s-sajf, u tkun xi ftit fir-raġġi tax-xemx, jekk jogħġbok itlob ftit għal dawk li qed jieħdu r-raġġi fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. U, nissuġġerilek ukoll, biex taqbad din it-talba ħelwa u tagħtiha lil min qed jagħmel ir-raġġi. Tista’ anki timposta din it-talba sabiħa u qawwija fuq il-paġna personali tiegħek ta’ Facebook u tagħmilha share ukoll!

IFREX IL-ĠID! QASSAM IL-ĠID! KUN PROTAGONIST U PROTAGONISTA tal-imħabba u l-ħniena divina ta’ Ġesù! U Ġesù, fil-pazjenti tal-onkoloġija, minn qalbu jiżik ħajr u żgur li jagħmillek LIKE fuq il-Facebook ta’ ruħek!

Fejn jidħlu r-raġġi ta’ Ġesù fejqan BISS ikun hemm! Eh ħabib! Dawk ir-raġġi!

Patri Mario Attard OFM Cap