L-Ispirtu s-Santu huwa dak li jibdel l-offerti modesti tagħna


It-Tlieta, 14 ta’ Lulju 2020: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-80 anniversarju tal-adorazzjoni perpetwa, fil-Knisja tal-Ispirtu s-Santu, Żejtun.

Capture.PNGa

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Dan hu ġismi, dan hu demmi”. Il-preżenza ta’ tant nies f’dawn l-aħħar 80 sena f’din il-knisja ddedikata lit-tielet persuna tas-Santissima Trinità, lill-Ispirtu s-Santu, tixhed il-fidi f’dawn il-kelmiet ta’ Ġesù: “dan hu ġismi, dan hu demmi”.

Dak li jiġbidna lejn l-Ewkaristija huwa propju din il-fidi mibnija fuq il-fiduċja totali fil-Kelma ta’ Ġesù. Hija l-kelma ta’ Ġesù li jlissen is-saċerdot u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li tibdel il-ħobż li aħna nippreżentaw u l-inbid li aħna nippreżentaw, fil-ġisem u d-demm ta’ Ġesù. Huwa l-Ispirtu s-Santu li jaffettwa u jagħmel din il-bidla. Tant hu hekk li s-saċerdot, qabel ma jlissen il-kliem ta’ Ġesù fil-persuna ta’ Ġesù, jitlob lill-Ispirtu s-Santu jinżel fuq l-offerti u jibdilhom.

Ħalli naqraw dak li se ngħid minn hawn u ftit tal-ħin ieħor, mhux biex nantiċipaw il-konsagrazzjoni, imma biex niftakru li f’kull quddiesa, qabel mas-saċerdot ilissen il-kliem ta’ Ġesù, nitolbu l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu u hija ssejjaħ lill-Ispirtu s-Santu (kaleo bil-Grieg) fuq l-offerti. Allura, din it-talba speċjali lill-Ispirtu s-Santu aħna nsejħulha l-‘epiklesi’ għax hija s-sejħa tal-Ispirtu s-Santu fuq l-offerti. Fit-tieni talba Ewkaristika li se nitolbu llum, pereżempju, ngħidu: “Qaddes għalhekk, nitolbuk, dawn l-offerti bil-barka tal-Ispirtu tiegħek biex isiru għalina l-ġisem u d-demm”.

L-Ispirtu s-Santu huwa dak li jagħmel il-bidla tal-offerti fqar tagħna. Aħna x’ngħidulu l-Mulej fl-offerti? “Bierek dawn l-offerti, frott tal-art u xogħol il-bniedem,” huma offerti foqra. Il-Mulej jibdilhom fil-ġisem u d-demm imbierek. “Imbierek int Mulej Alla tal-ħolqien kollu, għax fi tjubitek tajtna l-ħobż li qegħdin noffrulek”. Mela aħna, f’din it-talba li ngħidu f’kull quddiesa fl-offertorju, qegħdin nammettu li anke l-ħobż huwa don ta’ Alla: “Fi tjubitek tajtna l-ħobż li qegħdin noffrulek, frott tal-art u xogħol il-bniedem li minnu” bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu imma “isir għalina l-ħobż tal-ħajja”.

L-istess ngħidu fuq l-inbid: “Imbierek int, Mulej Alla tal-ħolqien kollu, għax fi tjubitek tajtna l-inbid li qegħdin noffrulek, frott tad-dielja u xogħol il-bniedem li minnu jsir għalina x-xorb tar-ruħ”. Kemm hi ħaġa sabiħa li nifhmu li l-Knisja, f’din it-talba sabiħa, tara li fl-offerti hemm id-don tal-ħolqien u hemm ukoll ix-xogħol tal-bniedem. Hemm ix-xogħol tal-bniedem! Alla ma jittrasformax biss il-qamħ jew l-għenba, għax il-qamħ biex isir ħobż irid jgħaddi minn proċess u hemmhekk jidħol ix-xogħol tal-bniedem. Biex issir inbid, l-għenba trid tgħaddi minn proċess u dan il-proċess fih ukoll ix-xogħol tal-bniedem. U Alla, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, jagħmel minn dan il-ħobż don tan-natura u tax-xogħol, ħobż tal-ħajja u minn dan l-għeneb li jsir inbid permezz tax-xogħol tal-bniedem, jagħmel minnu xorb tar-ruħ.

Din hija barka li għandha l-Knisja tal-Punent. Irridu nammettu li l-kult tal-adorazzjoni, b’mod speċjali l-adorazzjoni perpetwa, żviluppa fil-Knisja tal-Punent. L-Ewkaristija għadha sal-lum tinżamm imdendla f’tabernaklu f’forma ta’ ħamiema. Jekk tmorru fil-knejjes Orjentali ġeneralment l-Ewkaristija ma tinżammx fit-tabernaklu bħalma nagħmlu hawnhekk, imma tkun imdendla bil-qaddis tal-qaddisin propju forma ta’ ħamiema li hija wkoll simbolu tal-Ispirtu s-Santu.

Din id-devozzjoni li wara l-quddiesa tinżamm l-Ewkaristija, l-ewwel għan tagħha huwa biex jekk ikun hemm xi ħadd li għandu bżonn jagħmel l-aħħar vjaġġ, il-via tecum (vjatku), ikun jista’ jitqarben. Imbagħad ġiet l-użanza li aħna ngawdu l-preżenza reali ta’ Ġesù. Allura, imbagħad żviluppat l-adorazzjoni tas-Santissimu Sagrament. Ħafna qaddisin saru qaddisin għarkupptejhom quddiem l-Ewkaristija u għandna qaddisin kbar li kienu magħrufa għad-devozzjoni tagħhom lejn Ġesù Ewkaristija.

Fis-santa tal-prima messa ta’ San Ġorġ Preca, hemm miktub bit-taljan it-talba li mbagħad saret famuża ħafna: “O Ġesù Ewkaristija, kun int il-ferħ u l-hena ta’ ħajti kollha”. Kien Ġorġ Grima tal-Fergħa Ewkaristika li għamel popolari din it-talba imma l-oriġinal kienet fis-santa tal-prima messa ta’ San Ġorġ Preca. U ta’ min nitolbuha: “O Ġesù Ewkaristija kun int il-ferħ u l-hena ta’ ħajti kollha”. Anke għaliex aħna nimxu f’dan il-wied tad-dmugħ biex inkunu realistiċi. Għandna bżonn dan il-ħobż tal-pellegrini.

Il-via tecum mhuwiex biss għall-moribondi li jridu jagħmlu l-aħħar vjaġġ. Il-via tecum huwa dak li jkun miegħek fit-triq, via tecum (miegħek fit-triq). Ftakru pereżempju fix-xbieha sabiħa tal-Profeta Elija, li dan mhux għax kien biss bil-ġuħ imma għax kien waqa’ f’dipressjoni kbira u qal: “Issa biżżejjed, Mulej; ħudli ’l ħajti, għax m’iniex aħjar minn missirijieti!” (1 Slat 19:4). U ma tantx inbidlet id-dinja tafux?! Imma “għat-tieni darba ġie l-anġlu tal-Mulej, u raġa’ messu u qallu: ‘Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek’” (1 Slat 19:7). Hekk ukoll il-Poplu ta’ Alla fid-deżert meta tah il-manna biex ikun jista’ jkompli fit-triq tiegħu.

Meta jitkellem fuq l-Ewkaristija, Ġesù jgħidilhom: “Mosè tagħkom il-manna imma Missieri jagħtikom il-ħobż li niżel mis-sema” (Ġw 6:31). Għalhekk, aħna u nkunu hawn fil-preżenza ta’ Ġesù, tajjeb nitolbuh biex hu jkun għalina dan l-ikel tar-ruħ, dan il-ħobż tal-ħajja, dan ix-xorb tar-ruħ għaliex kif jgħid hu stess: “Mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn”. “Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih u jkollu l-ħajja ta’ dejjem”.

Jiena nixtieq nitlobkom pjaċir. Waħda mill-affarijiet li jagħmel l-isqof huwa li jittallab, mhux biss il-flus ta, imma jittallab għat-talb, speċjalment għall-vokazzjonijiet. Għandna dawn iż-żewġ teżori f’ġarar tal-fuħħar li huma l-glorja taż-Żejtun. Is-sena d-dieħla, jekk Alla jrid, ikunu saċerdoti. Mhix grazzja kbira din? Mhux għalihom biss u għall-familja tagħhom, imma anke għall-parroċċa. Żewġ saċerdoti! Kemm għandna bżonn ikollna l-barka tal-vokazzjonjiet!

Hawnhekk qed nara wkoll lis-sorijiet ta’ Ulied il-Qalb ta’ Ġesù, li nixtieq nirringrazzjahom talli b’ferħ kbir għażlu li jaċċettaw din il-proposta u sostnewha fiż-żmien sabiex minn hawn ikun hawn din l-oasi ta’ devozzjoni lejn l-Ewkaristija.

Nitolbu ’l Mulej, għax hu sid il-ħsad, u mhux aħna, biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Hu jrid isejjaħ, u aħna nitolbuh il-grazzja li ma nfixkluhx. B’mod speċjali nitolbu għall-missjunarji. Ħuti, aħna mfissdin għax qrib xulxin, kultant inħabbtu wisq ma’ xulxin u nimmaġinaw tant missjunarji brothers, fathers, sisters, weħidhom u f’ambjenti diffiċli, bi sfidi kbar, bla faraġ u wens. Għandna bżonn nitolbu ħafna għall-missjunarji, anke għall-lajċi, u mhux biss għas-saċerdoti. Il-Mulej iberikom.

Nitolbu, bħalma se nitolbu ftit ieħor id-don tal-Ispirtu s-Santu fuq l-offerti li nippreżentaw, nitolbu d-don tal-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja għaliex il-Knisja, mingħajr l-Ispirtu s-Santu, tkun katavru. Ir-ruħ tal-Knisja huwa l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu tal-imħabba, tal-maħfra, tal-paċi, tas-safa, l-ispirtu ta’ rikonċiljazzjoni, l-ispirtu ta’ Alla, u l-ispirtu ta’ Alla li huwa mħabba.

Jalla, biex nieħdu anke spunt minn dak li jgħid il-profeta Iżaija fl-ewwwel kapitlu, li s-sagrifiċċju tal-quddiesa li huwa sagrifiċċju tal-Iben, ikun jogħġob lil Alla. Għaliex jekk nippruvaw nagħmluha aħna, mhux se tkun denja ta’ Alla. Imma s-sagrifiċċju li noffrulu aħna mhux is-sagrifiċċju tagħna, huwa s-sagrifiċċju ta’ Ibnu u allura Alla, għalkemm iħares lejn il-miżerja tagħna jħares ukoll lejn Ibnu. Fil-fatt, dak il-kliem li nisimgħu fil-quddiesa u li jgħidu s-saċerdot qabel it-tqarbin: “La tħarisx lejn dnubietna iżda ħares lejn il-fidi tal-Knisja tiegħek”. Din hi t-talba li nagħmlulu meta jkun hemm xi ħadd jinkwetana.

O Ġesù Ewkaristija, kun int il-ferħ u l-hena ta’ ħajti kollha.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Iż 1, 10-17
Salm: 49 (50), 8-9.16bċ-17.21 u 23
Evanġelju: Mt 26: 26-29